Serata Ġużè Aquilina

Il-Professur Ġużè Aquilina mfakkar fil-Munxar

Nhar il-Ġimgħa filgħaxija, l-20 ta’ Ottubru 2023, l-Akkademja tal-Malti organizzat serata mużiko-letterarja b’omaġġ lill-Professur Ġużè Aquilina fil-knisja tal-Munxar, raħal twelidu.

Il-poeta Charles Bezzina u l-Kav. Joe M. Attard, żewġ membri Għawdxin fl-Akkademja, ħadu din l-inizjattiva biex jitfakkar dan l-istudjuż Għawdxi.

Matul is-serata nqraw diversi siltiet minn xogħlijiet il-Prof. Aquilina, awtur, fost oħrajn, ta’ diversi drammi, poeżiji, rumanzi, essays, studji ta’ kritika letterarja, xogħlijiet lingwistiċi u fuq kollox, ta’ wieħed mill-aqwa dizzjunarji li għandna. 

Kienu diversi l-qarrejja Għawdxin li ħadu sehem f’din is-serata billi qraw xogħlijiet il-Prof. Aquilina. Is-serata kienet imżewqa b’interventi mużikali mis-sopran Għawdxija, Rosabelle Pavia akkumpanjata mill-vjolinista, Pierre Louis Attard u l-organista, Ivan Attard. Fi tmiem is-serata għamel kelmtejn ta’ radd il-ħajr il-Kappillan tal-parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu fil-Munxar, Dun Anton Refalo.

Għalaq is-serata l-President tal-Akkademja tal-Malti, Dr George Farrugia li tkellem dwar is-siwi ta’ serati bħal dawn biex jitfakkru persunaġġi li taw kontribut f’xi qasam jew ieħor tal-Malti. Fil-kelmtejn tiegħu tkellem dwar il-kontribut imprezzabbli tal-Professur Ġużè Aquilina li xogħlijietu u kitbietu, l-aktar fil-qasam tal-lingwa u l-lingwistika, għandhom post ewlieni fl-istudju tal-Malti u għadhom relevanti sal-lum.

Bosta parruċċani, membri tal-Akkademja tal-Malti, u persuni distinti attendew għal din is-serata ta’ madwar siegħa u nofs.