L-għan ta’ din is-sensiela
Il-ħsieb li l-Akkademja tal-Malti tippubblika sensiela ta’ kotba li jiġbru l-qanun tal-klassiċi tal-letteratura Maltija jmur lura għas-sena 2013. Il-qanun huwa forma ta’ għażla imma tajba kemm hi tajba din l-għażla, bil-parir taż-żmien ikun jeħtieġ li tiġi aġġornata, għax l-ebda qanun ma hu assolut u jiddependi kemm huma b’saħħithom il-kriterji li jimxi fuqhom.
L-Akkademja kienet ħatret kummissjoni u għalkemm l-istudji kritiċi ta’ Prof. Oliver Friggieri jistgħu jservu ta’ riga tajba għal żminijietna, b’danakollu l-proġett inħass riskjuż. Maż-żmien ix-xogħlijiet magħżula jkun jeħtieġ li jitnaqqew biex fejn hemm bżonn jitwarrbu wħud u jidħlu oħrajn. Il-fatt li trid tinkludi lil xi wħud u tħalli barra lil oħrajn hija dejjem ħaġa riskjuża.
Għaddew is-snin imma l-idea ma mititx fuq ruħ ommha sakemm il-ħsieb ħa direzzjoni oħra: li l-Akkademja – bi sħab mal-Klabb Kotba Maltin – tibda tippubblika sensiela lussuża ta’ kotba klassiċi Maltin, bi studju u annotazzjoni fejn meħtieġ. Tkun edizzjoni numerata b’legatura xierqa li tħajjar mhux biss lil kull min għandu għal qalbu l-ilsien u l-letteratura Maltija imma wkoll lill-kolletturi tal-kotba u tal-Melitensia.
B’din is-sensiela l-Akkademja tittama li se nkunu qed nagħtu sinjal ta’ liema huma l-klassiċi Maltin. Ġietna wkoll l-opportunità f’waqtha meta l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ħabbar li bis-saħħa tal-Fond Malti tal-Ktieb 2022 kien se jagħti l-għajnuna finanzjarja meħtieġa għall-pubblikazzjoni ta’ edizzjonijiet ġodda ta’ kotba li huma out of print.
Il-Kunsill tal-Akkademja tal-Malti ħatar bord editorjali li sabha aktar faċli biex jagħżel dawk ix-xogħlijiet letterarji li llum huma meqjusa bħala xogħlijiet klassiċi imma mhumiex daqstant aċċessibbli, ħlief fil-libreriji u l-kollezzjonijiet privati.
Il-bord editorjali huwa magħmul minn Joseph P. Borg u Dr Sergio Grech, membri fil-Kunsill bir-responsabbiltà ta’ Edituri tas-sensiela, flimkien ma’ tliet membri oħra: Dr Josette Attard, Leanne Ellul u Trevor Żahra. Is-Sur Joseph Mizzi, Direttur ta’ Midsea Books Ltd | Klabb Kotba Maltin jifforma wkoll parti minn dan il-bord editorjali.