Dan is-seminar sar f’Dar l-Ewropa, il-Belt Valletta, nhar is-Sibt 30 ta’ Settembru 2017 bejn id-9:30am u s-1:00pm.
Waħda mill-bosta funzjonijiet tal-lingwa hija l-funzjoni soċjopsikoloġika tagħha – il-lingwa tirrifletti ġerarkiji u mekkaniżmi ta’ kif nidentifikaw ruħna u tikkontribwixxi għall-komunikazzjoni tal-ġeneru. Minħabba raġunijiet storiċi u soċjali, fost oħrajn, bosta lingwi tqiesu bħala lingwi li jirriflettu u jikkodifikaw viżjoni androċentrika tad-dinja. Fi kliem ieħor, bosta lingwi tqiesu u għadhom jitqiesu bħala sessisti. Dan is-seminar jistħarreġ jekk il-lingwa Maltija tidħolx f’dan il-qafas u, jekk iva, x’jista’ jsir biex jitfasslu linjigwida biex jinħoloq lingwaġġ mhux diskriminatorju li jirrifletti rappreżentazzjoni aktar ġusta tal-irġiel u n-nisa fis-soċjetà Maltija, kemm fuq livell ta’ produzzjoni kif ukoll ta’ komprensjoni tal-lingwa f’diversi oqsma.
X’inhi d-differenza bejn is-sess, il-ġeneru u l-ġens grammatikali? X’inhuma l-mekkaniżmi li għandha l-lingwa Maltija biex tiddistingwi bejn il-maskil u l-femminil? Kif għandna nsejħulha avukat, imħallef, ministru, spettur jew perit mara? Inkunu qed nonqsuha mir-rispett jekk nindirizzaw mara bil-forma maskili jew hekk għandna nagħmlu? Hemm xi differenza bejn dak li jippreferu li jkunu msejħa n-nisa li għandhom kariga jew professjoni u dak li jippreferu jsejħulhom in-nies? Il-mezzi tax-xandir x’sehem għandhom f’dan il-kuntest? Dawn il-mistoqsijiet u aktar kienu mistħarrġa f’dan is-seminar organizzat mill-Akkademja tal-Malti.