L-Akkademja tal-Malti organizzat din it-taħdita fit-13 ta’ Mejju 2021.
Fit-taħdita tiegħu Rev. Paul Sciberras se jfisser kif Saydon fit-traduzzjoni tat-Testment il-Ġdid ma mexiex bl-istess mod kif mexa fit-traduzzjoni tat-Testment il-Qadim, miktub bil-Lhudi u l-Aramajk, ilsna Semitiċi għall-aħħar.
Waqt li Saydon fit-Testment il-Qadim żamm ħafna mal-prinċipju li ma jdaħħalx kliem Rumanz, fit-Testment il-Ġdid miktub bil-Grieg kellu jimxi mod ieħor. B’hekk naraw kontribut min-naħa tiegħu bl-għodda tat-traduzzjoni: daħħal u laqa’ fil-lingwa-riċettur kliem Rumanz u b’hekk kabbar ilsien pajjiżu. Fl-istess waqt, il-kelliem se jafferma l-punt li Saydon kien Semitista u seta’ jħalli l-kulur Semitiku fit-traduzzjoni tat-Testment il-Qadim, imma inqas ferm fit-Testment il-Ġdid mill-Grieg.
Carmel Bezzina, li fit-teżi tal-M.A. tiegħu stħarreġ u evalwa l-kontribut ta’ Saydon għall-istudju tal-lingwa u l-letteratura Maltija, se jitkellem dwar uħud mill-istudji lingwistiċi tal-Prof. Saydon.
Dan l-istudjuż għaref jista’ jitqies pijunier u kontributur ewlieni fl-istudju tal-lingwistika Maltija, studju li dak iż-żmien kien għadu fil-bidu tiegħu. Il-kelliem se jikkummenta wkoll dwar xi kitbiet tal-proża, kemm mil-lat tematiku kif ukoll mil-lat stilistiku kreattiv. Saydon ħallielna narrattivi qosra ambjentati fi sfond rurali li l-kittieb kien tant midħla tiegħu. Se jaċċenna wkoll għal xi kitbiet awtobijografiċi, li jitfgħu dawl fuq dak li għadda minnu Saydon tul il-karriera akkademika u fil-ħajja adulta.