L-Akkademja tal-Malti ssellem lis-Sur Pawlu Mizzi li bena Dar il-Ktieb Malti u welled l-enċiklopedija Heritage bl-għan li tiċċelebra l-wirt storiku, politiku u letterarju Malti.
Fost il-mijiet ta’ kotba li ppubblika matul l-istorja tal-Klabb Kotba Maltin u Midsea Books, ta’ min isemmi Rajt Malta Tinbidel ta’ Herbert Ganado, il-Maltese-English Dictionary ta’ Ġużè Aquilina, Il-Miklem Malti ta’ Erin Serracino Inglott, It-Testment il-Ġdid (Għaqda Biblika Maltija), Dun Karm – il-poeżiji miġbura editjat mill-Prof. Oliver Friggieri, Della Descrizione di Malta ta’ Ġan Franġisk Abela, Storja ta’ Malta ta’ A.P. Vella u History of the Knights ta’ René Aubert de Vertot. Fl-1992, l-istat Malti onorah bil-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika.
Is-Sur Pawlu Mizzi twieled fit-28 ta’ Ottubru 1929 fir-Rabat, Għawdex u studja fis-Seminarju ta’ Għawdex, fil-Kulleġġ tal-Għalliema u fl-1966 iggradwa B.A. (Gen.) mill-Università Rjali ta’ Malta. Huwa kiseb ukoll id-Diploma bħala Assistent Librar mill-MCAST.
F’żgħożitu kien membru attiv fil-kumpanija teatrali ta’ Don Bosco kif ukoll f’għadd ta’ tims tal-futbol f’Malta u f’Għawdex. Huwa għallem f’numru ta’ skejjel kemm tal-gvern kif ukoll privati (1948-1968) u serva bħala Assistent Librar tal-MCAST mill-1968 sal-1973.
Is-Sur Mizzi kien ukoll korrispondent mal-Allied Malta Newspapers u pproduċa kif ukoll ippreżenta għadd ta’ programmi għat-TV b’rabta ma’ Għawdex. Kien ukoll ir-rapporteur uffiċjali tal-Gvern Malti meta sar is-summit ta’ bejn Bush u Gorbachev f’Malta fl-1989.
Huwa kien direttur tal-istamperija Il-Ħajja (1978-1981) u kien konsulent kif ukoll direttur tal-kumpanija Mediterranean Film Studios (1987-1990) fi żmien meta nħadmu numru ta’ films importanti, fosthom Cristoforo Colombo u l-film Pirates ta’ Roman Polanski.
Is-Sur Mizzi kien pijunier u pilastru importanti fil-qasam tal-pubblikazzjonijiet Maltin u fl-1970 waqqaf il-Klabb Kotba Maltin. Minn dik iż-żmien waqqaf u mexxa Midsea Publications Ltd li llum hi magħrufa bħala waħda mill-aqwa djar tal-kotba Maltin u minnha ħarġu numru kbir ta’ kotba prestiġjużi.
Is-Sur Pawlu Mizzi kien membru tal-Akkademja tal-Malti u minbarra l-enċiklopedija Heritage nieda wkoll sensiliet magħrufa fosthom tal-Istudji Soċjali u Archivum – ġurnal għal dawk li għandhom għal qalbhom l-Istorja.
Huwa kien miżżewweġ lil Maria née Scicluna u kellu tliet ulied: Annamaria, Ginette u Joseph.
Fi kliem l-eks Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi, waqt is-serata fl-okkażjoni ta’ għeluq it-tmenin sena tiegħu, li saret fil-Mużew tal-Arkeoloġija, il-Belt, nhar is-27 ta’ Ottubru 2009:
“Huwa ħadem fis-settur tal-ktieb Malti billi wera fiduċja fil-kapaċità tal-moħħ Malti, ta’ kull min fehem li seta’ jagħti kontribut fl-iżvilupp tal-kultura verbali, miktuba tagħna l-Maltin. Tant kotba li huwa ppubblika matul medda ta’ tant snin turi qabelxejn il-fiduċja tiegħu fil-moħħ Malti, imħaddem fl-oqsma kollha tal-attività. Minbarra l-kwantità tassew kbira ta’ kotba u pubblikazzjonijiet oħra li ppreżenta lill-poplu Malti, hemm ukoll il-fatt li huwa fittex li jwessa’ dejjem aktar id-definizzjoni tal-ktieb Malti, miktub f’kull kundizzjoni u f’kull settur tal-esperjenza umana.”
Il-poplu Malti jibqa’ midjun għall-kuraġġ li wera s-Sur Mizzi meta terraq fil-pubblikazzjonijiet bil-Malti u baqa’ dejjem jara li l-ktieb Malti jilħaq il-livell professjonali li tant tixraqlu.
(Dettalji bijografiċi mid-Dictionary of Maltese Biographies)