Serata f’ġieħ Karmenu Vassallo, Jannar 2014

This slideshow requires JavaScript.

Serata ta’ Tifkira

“ISMI JĦOŻŻUH FIX-XEMX”

f’ġieħ il-Poeta Karmenu Vassallo

Nhar il-Ħamis, 30 ta’ Jannar 2014 fis-7.00 pm

 fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Belt Valletta

Il-vers li ntgħażel bħala isem is-serata “Ismi jħożżuh fix-xemx”, huwa l-aħħar vers meħud mill-poeżija Lil… filwaqt li l-vers “Li ktibt jien ma jħassru ħadd”, li ntgħażel għall-introduzzjoni qasira li għamel Dr George Farrugia huwa meħud minn intervista li kienet saret lil Vassallo  fl-1985.

Nistgħu ngħidu però, li dawn iż-żewġ versi jiltaqgħu flimkien fil-qofol tal-ħsieb tagħhom. It-tnejn huma affermazzjoni ta’ Vassallo li l-poeta jmut iżda l-għanja tiegħu tibqa’ – wieħed mill-kunċetti ewlenin tar-Romantiċiżmu. Bis-saħħa tal-poeżija tiegħu, il-poeta jsir immortali. Vassallo kien konvint li l-poeżija tiegħu kienet bħal nirien li ma jintfewx. Il-bnedmin imutu imma l-ħajja tal-poeta ma tintemmx għax il-poeżija, it-tfajla li jħobb, ma tistax għaliha l-mewt u tibqa’ tgħanni saħansitra wara mewt il-poeta. Ma’ mewtu, il-poeta jerġa’ jitwieled bis-saħħa tal-versi tiegħu, biex ma jmut qatt.

Dan il-ħsieb ġie trattat fl-apprezzament viżwali li sar matul is-serata. Ma’ dan l-apprezzament żdiedu ingredjenti oħra li flimkien sawru programm imżewwaq b’ġeneri artistiċi differenti li l-għan ewlieni tagħhom kien li juru s-sbuħija u l-intensità tal-versi ta’ Vassallo.

Fil-programm ħadu sehem ukoll Marcel Zammit Marmarà u Mro Dominic Galea flimkien ma’ Doreen Galea. Saret drammatizzazzjoni ta’ siltiet poetiċi ta’ Karmenu Vassallo bl-atturi Anthony Ellul, Charles Sammut u Alison Abela mmexxija minn Josette Ciappara, intwera filmat mill-arkivji tal-PBS bl-intervista ta’ Karmenu Vassallo mill-Prof. Joe Friggieri u Prof. Oliver Friggieri tkellem fuq il-leitmotif tal-poeta.

Il-Prim Ministru Dr Joseph Muscat temm id-diskors tiegħu b’dan il-kliem: “Il-wirt li Vassallo ħalla permezz ta’ ħidmietu u kitbietu jibqa’ l-aqwa monument tiegħu li lkoll kemm aħna għandna nibqgħu ngħozzu”.

Advertisements