Nhar l-1 ta’ Awwissu 2014 l-Akkademja tal-Malti u l-Għaqda Poeti Maltin fakkru lil Ġużè Chetcuti f’għeluq il-mitt sena minn twelidu.
Ġużè Chetcuti jibqa’ magħruf għar-rumanzi u novelli ta’ xejra realista li kien jikteb kif ukoll għall-poeżiji li fi kliemu, “fihom insibu l-ħajja fl-inżul u t-tlajja’, il-familja, l-epika tal-gwerra … l-espressjoni tagħna nazzjonali, kulturali, edukattiva, reliġjuża”.
Il-programm kien jinkludi qari ta’ poeżiji, novella drammatizzata u siltiet mużikali minn Walter Micallef.
“Malta bejn il-glorja tal-imgħoddi u l-apatija u l-indifferenza tal-preżent” kien l-apprezzament li nqara mis-Sur Patrick Sammut u l-Mons. Victor Grech għalaq il-programm b’tifkiriet ta’ qaribu, Ġużè Chetcuti.
Din is-serata kommemorattiva saret bil-għajnuna tal-Għaqda Filantropika Talent Mosti fir-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone, li jinsab fi Triq il-Għasel, il-Mosta.