Lejla Doreen Micallef, Jannar 2016

This slideshow requires JavaScript.

Tnedija ta’ Doreen Micallef – il-poeżiji – il-konferenza

F’Ottubru 2015 l-Akkademja ppubblikat il-ktieb Doreen Micallef – il-poeżiji – il-konferenza bl-Atti tal-Konferenza f’ġieħ Doreen Micallef (li kienet saret fit-3 ta’ Diċembru 2011 fil-Kavallier San Ġakbu f’għeluq l-10 sena minn mewtha) kif ukoll il-ġabriet poetiċi tagħha f’volum għalih flimkien ma’ għadd ta’ poeżiji oħra li kien xieraq li jinġabru f’din il-pubblikazzjoni. Dawn iż-żewġ volumi kienu fi ħsieb Victor Fenech bħala editur.

Doreen Micallef – Il-Konferenza tinkludi t-taħditiet ta’ Rev. Prof. Peter Serracino Inglott, Prof. Oliver Friggieri, Dr Bernard Micallef, Dr Marco Galea, Dr Immanuel Mifsud flimkien mas-Sinjuri Francis Galea, Marlene Saliba, Olivia Borg u Rebecca Spiteri. Il-pubblikazzjoni tagħlaq b’Suppliment Viżiv li jinkludi ritratti ta’ Vince Briffa li fihom irnexxielu jiġbor is-sens ta’ abbandun u l-qagħda mwiegħra li fiha kienet qed tgħix il-poetessa.

Doreen Micallef – il-poeżiji jinkludi fih il-ġabriet poetiċi Fit-Triq tal-Empirew (1975), De Profundis (1979) u Kyrie (1980) flimkien ma’ xogħlijiet oħra li dehru f’antoloġiji u rivisti letterarji u jinkludi wkoll Suppliment Viżiv li fih se jkunu qed jidhru għall-ewwel darba ittri u manuskritti tal-poetessa.

It-tnedija saret nhar il-25 ta’ Jannar 2016 fil-Palazzo De La Salle (Malta Society of Arts), il-Belt flimkien ma’ Poeżijaplus bis-sehem ta’ Victor Fenech, Rita Saliba, Vanni Riolo, Marlene Saliba, Francis Galea, Dr Vince Briffa flimkien mal-kant ta’ Dorothy Bezzina u l-mużika ta’ Edward Mifsud u Vince Fabri.