L-OMM LI TATNA ISIMHA
Serata mużiko-letterarja f’għeluq il-50 sena mill-mewt ta’ Dun Karm
fil-Berġa ta’ Kastilja taħt il-Patroċinju tal-Prim Ministru
3 ta’ Diċembru 2011
Is-sena 2011 tabiħaqq kienet “Sena Dunkarmjana” u fil-50 anniversarju mill-mewt tal-Poeta Nazzjonali tagħna, l-għaqdiet tal-Malti, il-każini u entitajiet oħra organizzaw kommemorazzjonijiet biex jagħtuh ġieħ.
Dawn it-tifkiriet laħqu l-quċċata tagħhom nhar is-Sibt, 3 ta’ Diċembru 2011 fil-Berġja ta’ Kastilja f’serata mużiko-letterarja organizzata taħt il-Patroċinju tal-Prim Ministru, bit-titlu “L-Omm li Tatna Isimha”.
Is-serata fetħet b’kelmtejn ta’ merħba mis-Sur Carmel Azzopardi, President tal-Akkademja, u matul il-programm ġew interpretati wħud mill-aqwa xogħlijiet ta’ Dun Karm, bl-ewwel waħda mill-kantanta Mary Rose Mallia li interpretat il-poeżija “Wied Qirda” akkumpanjata mill-Mro Dominic Galea.
Cynthia Zerafa u Manwel Mifsud qraw “L-Għanja tar-Rebħa” u wara sar diskors minn Immanuel Mifsud bit-tema: “L-Impossibbli Poetiku: it-Tensjoni bejn Malta Mara u l-Mara Maltija”.
Lawrence Gray ta l-interpretazzjoni tiegħu ta’ “Lil Malta” akkumpanjat minn Mro Dominic Galea u wara saret drammatizzazzjoni ta’ silta minn “Il-Jien u Lil Hinn Minnu” bl-atturi Ilenia Gatt, Angele Cristina, Anthea Xuereb, Rosita Lautier, Sean Buhagiar, Roderick Vassallo, Rebecca Bezzina, direzzjoni ta’ Josette Ciappara.
L-aħħar kanzunetta kienet “Għaliex? – Jedd l-Ilsien Malti” kantata minn Doreen Galea. Il-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi għamel id-diskors tal-għeluq li fisser kemm għandna nibżgħu għall-wirt li ħallielna Dun Karm b’dan il-kliem: “L-istima tagħna lejn dan il-persunaġġ nazzjonali nuruha l-aħjar billi nimpenjaw ruħna li ngħaddu lil uliedna u lil ulied uliedna l-valuri fundamentali li huwa esprima b’mod tant eleganti u ċar. Niċċelebraw il-ħamsin sena minn mewtu billi nifirħu li l-kontribut tiegħu kiseb valur ogħla mal-mogħdija tas-snin, u billi nagħtu s-sehem tagħna biex il-Maltin tal-lum u ta’ għada jkomplu jiffjorixxu fit-triq li mexa fiha hu: serenità, fiduċja u mħabba.”
Wara s-serata sar riċeviment u s-Sur Carmel Azzopardi ppreżenta lill-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi l-pubblikazzjoni tal-Akkademja tal-Malti u l-Klabb Kotba Maltin: Studji Dunkarmjani – għażla ta’ taħditiet tal-Konferenza Karmen Mikallef Buħaġar.