Konferenza Vassallo 250, Diċembru 2014

This slideshow requires JavaScript.

•Logo

Meta fl-1929 Dun Karm innota li ħadd ma fakkar il-100 sena mill-mewt ta’ Vassalli, qatagħha li jaqleb L-Oqbra ta’ Foscolo. Iż-żminijiet inbidlu u maż-żmien Vassalli sar figura għażiża għall-bosta.

Fl-2014 iċċelebrajna l-250 sena minn twelidu bit-tnedija tal-bijografija miktuba mill-Prof. Frans Ciappara, bijografija li marret tajjeb ħafna.

Għall-Konferenza “Lejlet Vassalli 250” li saret fit-3 ta’ Diċembru 2014, in-nies attendiet bi ħġarha u mliet is-sala ta’ Dar l-Ewropa.

Matulha tnidew żewġ kotba. Il-ktieb fuq l-Avukat Pace, miktub minn Karmenu Bonavia, ġie ppreżentat minn Dr Giovanni Bonello. Il-ktieb l-ieħor, fuq it-tagħrif bijografiku ta’ Vassalli miġbur fil-karti ta’ Panzavecchia, miktub minn David Agius Muscat u Olvin Vella, ġie ppreżentat mill-Mons. Ġwann Azzopardi.

Dr Mario Cassar qara studju fuq il-kunjomijiet miġburin fid-dizzjunarju ta’ Vassalli. Studju ieħor kien ippreżentat minn Dr William Zammit, li tkellem fuq l-isfidi soċjali u kulturali marbuta mat-traduzzjoni u l-istampar tal-bibbja bil-Malti fi żmien Vassalli.

Il-konferenza għalaqha l-Prof. Frans Ciappara, b’appell imqanqal biex min jirriċerka lil Vassalli (bħal f’riċerki oħra) joqgħod attent biex jikteb storja, u mhux lista’ ta’ ġrajjiet li jibqgħu ma jaqbdux l-essenza, ir-ruħ u l-ansjetà tal-persunaġġ.

Il-konferenza fetaħha s-segretarju tal-Akkademja Joseph P. Borg u mexxiha l-Viċi President Dr George Farrugia.

It-tieni parti tal-konferenza saret fis-7 ta’ Jannar 2015.