L-Akkademja tal-Malti organizzat it-tieni sessjoni tal-konferenza fuq Vassalli fis-7 ta’ Jannar 2015 f’Dar l-Ewropa, il-Belt. Quddiem sala mimlija nies, xhieda tal-interess kbir li jiġbed dan il-patrijott u letterat li għex ħajja mqallba taħt il-Kavallieri, il-Franċiżi u l-Ingliżi, riċerkaturi stabbiliti u oħrajn żgħażagħ xandru r-riċerka friska tagħhom. Il-biċċa l-kbira tal-interventi kienu marbuta mal-qagħda ta’ Vassalli f’Korsika matul l-eżilju politiku.
Dr Stefano Zammit fetaħ Lejlet Vassalli 250 bil-qari ta’ siltiet tradotti mill-istudju Rifuġjati Politiċi Maltin f’Korsikata’ Ersilio Michel. Imbagħad tkellmu l-Prof. Richard Spiteri, Liam Gauci u Dr Charles Xuereb fuq ir-refuġju politiku ta’ Vassalli u l-ambjent soċjali tal-kolonja Maltija li ħarbet minn Malta wara l-kapitulazzjoni tal-Franċiżi.
F’nofs il-konferenza tnieda l-ktieb importanti tal-Prof. Horatio C. R. Vella, Il-Prefazju Storiku tal-Milsen Feniċju-Puniku (Klabb Kotba Maltin). Il-kontenut tad-daħla tal-grammatika tal-1791 huwa differenti minn tad-dizzjunarju, il-Lexicon, l-aktar xogħol magħruf ta’ Vassalli. Dan il-ktieb ġdid għandu l-mertu li se jġib quddiem il-qarrejja li ma jafux il-Latin test importanti ieħor Vassalljan.
Imbagħad kien imiss lil Dr Albert Ganado li xandar dokument minn Avignon li juri li Vassalli kien mar Franza wara li ħarab mir-Rikażli fi żmien il-Kavallieri. Il-konferenza għalaqha Dr Robert Thake, li sab konferma ċara li l-ktieb kontroversjali Recherches historiques et politiques sur Malte kien miktub minn Onorato Bres u mhux minn Vassalli.
Il-konferenza mexxietha Rita Saliba, fetaħha Olvin Vella u għalaqha Victor Fenech.
L-ewwel sessjoni kienet saret fit-3 ta’ Diċembru 2014 u kellha attendenza kbira wkoll.