In-Nisġa tal-Ħsieb, Ġunju 2014

This slideshow requires JavaScript.

Il-filosofija mhijiex biss l-għerq ewlieni taċ-ċiviltà tagħna, imma wkoll l-ispazju li fih iċ-ċiviltà tagħna kibret u għadha tikber, l-għajn li minnha xorob kulħadd, il-ħamrija li fiha ssaqqiet iż-żerriegħa tal-prodott artistiku u letterarju, l-art li fuqha tela’ l-bini kollu tal-organizzazzjoni politika u soċjali u tal-istituzzjonijiet ekonomiċi, edukattivi, ġuridiċi, morali u reliġjużi li trabbejna fihom.

Kienu l-filosfi li sawru l-qafas taż-żmien li qed ngħixu fih, bit-tajjeb u l-ħażin li jġib miegħu, b’dak kollu li jogħġobna u b’dak li ma jogħġobniex, b’dak li jferraħna u jhennina u b’dak li jnikkitna u jwassalna f’xifer il-preċipizju. Biex nifhmu kif ġara dan irridu nersqu lejn il-filosofiji l-kbar li ddominaw l-istorja tal-bniedem.

X’inhuma l-isfidi quddiem il-filosfu meta jiġi biex jgħaddi l-filosofiji l-kbar ta’ matul l-iżmna u jwassalhom bil-Malti?

Il-Malti kif jegħlibhom id-diffikultajiet lingwistiċi u terminoloġiċi quddiem suġġett li, fi kliem l-awtur, “ma jinkisibx malajr u mingħajr tbatija, imma bis-sabar u ż-żmien”?

Wara l-ħruġ tat-tielet (u l-aħħar) volum ta’ In-Nisġa tal-Ħsieb, l-Akkademja tal-Malti stiednet lill-Prof. Joe Friggieri biex ifissrilna l-esperjenza tiegħu f’dan il-proġett li wettaq f’14-il sena. Kienet okkażjoni biex nifirħu b’awtur stabbilit li b’din l-opra fetaħ triq ġdida fil-qasam ta’ lsienna.

Prof. Manwel Mifsud u s-Sur Olvin Vella intervistaw lill-Prof. Joe Friggieri l-Ġimgħa 13 ta’ Ġunju 2014, fis-6.30pm f’Dar L-Ewropa, Triq San Pawl, il-Belt.

It-tliet volumi kien ukoll għall-bejgħ wara s-serata.