Michael Agius

Michael (Mikiel) Agius, l-iben waħdieni ta’ Elisa u Spiru Agius (li kien ħaddied) kellu ħajja movimentata ħafna. Twieled Ħal Qormi fis-16 ta’ Diċembru tal-1896 u miet fit-2 ta’ Ottubru tal-1984. Fl-1917, Michael Agius u Assweru Scicluna – it-tnejn li huma għalliema fil-primarja ta’ Bormla – waqqfu l-Cospicua Scout Group. Fl-1919 Agius iżżewweġ lil Pawlina mwielda Abdilla u, wara ftit, marru jgħixu Ruma. Hemm martu kienet tgħallem l-Ingliż filwaqt li hu kien jittraduċi l-korrispondenza tal-Banca Commerciale di Roma mit-Taljan għall-Ingliż u viċeversa. Agius kellu żewġ subien: il-kbir – Joe – twieled l-Italja filwaqt li Carol twieled Malta. Kemm dam l-Italja kien ukoll il-korrispondent ta’ The Daily Malta Chronicle kif ukoll it-teżorier tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Ruma.

Kellu ħila kbira fis-sengħa tas-sinktib (shorthand); fil-fatt fl-1922 ippubblika l-Agius’s Three Letter Commercial Code. Il-kapaċitajiet tiegħu f’dan il-qasam kienu essenzjali biex jirrapporta l-kelmtejn li kien għamel l-ewwel Prim Ministru Malti, Joseph Howard, fost oħrajn, waqt ikla f’La Rinascente fl-24 ta’ Settembru tal-1923. Ċertu diskors li, skont ir-rapport ta’ Agius[1], kien qal Howard, ġie mbagħad interpretat bħala irredentist u wasslu saħansitra biex jirriżenja. Fil-gazzetti lokali bħal The Daily Malta Chronicle u Il Popolo di Malta kien qam kjass sħiħ[2] u fil-fatt jeżistu diversi rapporti konfliġġenti dwar dak li ġara dakinhar tal-ikla f’La Rinascente. Agius irritorna Malta għal “Complimetary luncheon in honour of Mr M. Agius at the Westminster Hotel, Wednesday October 17th 1923” bħala l-mistieden ta’ Sir Gerald Strickland u beda jaħdem bħala accountant mal-Forzi Armati Britanniċi f’Malta.

Agius studja l-Għarbi waħdu u għalkemm ma kienx jitkellem il-lingwa b’mod profiċjenti, kien kapaċi jaqraha u jifhimha. Kien ħabib ta’ Patri Dijonisju Mintoff O.F.M., Patri Dwardu Fenech O.S.A. u Ninu Cremona. Kellu wkoll kuntatti ma’ Pietru Pawl Saydon. Agius huwa l-awtur ta’ tliet rumanzi, miżmuma fit-taqsima tal-Melitensia fil-Librerija tal-Università, li għadu mhuwiex magħruf meta kitibhom. Dawn huma: Ħasad li Żara’; Is-Surġent Pawlu Barbara, jew, Kif Taħdem il-Puluzija [sic]; u Il-Kurċifiss tal-Imnara: Ġrajja Spanjola. Kien ukoll kontributur fir-rivista Il-Malti b’żewġ poeżiji, reċensjoni u ħames studji lingwistiċi.

Fit-12 ta’ Jannar tal-1978, Agius ippreżenta tliet manuskritti importanti lil-Librerija tal-Università ta’ Malta, fosthom l-ewwel teżawru u l-ewwel dizzjunarju monolingwi: Ms. 312 Dizzjunarju tal-Lsien Malti (sic); Ms. 310 Ftit Sinonomi w Antonomi Maltin [sic] u Ms. 311 Dictionary for Commercial Correspondence.

Ix-xogħlijiet tiegħu li dehru f’Il-Malti

poeżiji: “Sa Nsiefer” Ġunju 1970, pp. 44-45 u “X’inhija l-Ħajja” Diċembru 1971, p. 115.

reċensjoni: Dwar “Madwari”ta’ Brother Henry, Ġunju 1973, pp. 62-63.

studji lingwistiċi: “Sqalli, Taljan jew Semin?”Diċembru 1970 pp. 108-113 u Ġunju 1971 pp. 50-57; “Għall-Kitba Tajba tal-Malti”Settembru 1971 pp. 85-88; “Merħba u Maktur” Diċembru 1971 p. 115; “Għaġġlajewgħaġla?”Ġunju 1973 pp. 44-45; “Għawdex – Gozo” Mejju-Ġunju 1979 pp. 8-10.


[1] Ir-rapport sar minn Michael Agius bħala korrispondent ta’ The Daily Malta Chronicle fl-edizzjoni tat-12 Ott 1923, p. 3 u mhux minn Edward Tancred Agius kif jikteb Henry Frendo (1991:227). Frendo, H. “Plurality and Polarity: Early Italian Fascism in Maltese Colonial Politics” fi Fiorini, S. u V. Mallia-Milanes, edituri, Malta: a Case-Study in International Cross-Currents. Malta UP, 1991, pp. 227-240.

[2] Ara The Daily Malta Chronicle 29 Sett, 1923, p. 3; The Daily Malta Chronicle 2, 12 u 15 Ott 1923, p. 3; Il Popolo di Malta 29 Sett 1923, p. 1 u Il Popolo di Malta 1-3 Ott pp. 1-2; Il-Progress 5, 12, 19 u 26 Ott, p.2.