Ħidma: 2013-2015

Il-Malti

Erba’ ħarġiet ta’ Il-Malti, waħda minnhom speċjali fi ħsieb Olvin Vella. Il-ħarġa akkademika ta’ Il-Malti (2013) bi ħdax-il studju, ħafna minnhom frott it-taħditiet li organizzat l-Akkademja matul is-sentejn li għaddew. Il-ħarġa letterarja (2014) fi ħsieb Achille Mizzi ddedikata lil Kelinu Vella Haber b’37 xogħol letterarju bejn poeżiji u novelli. Il-ħarġa speċjali (2014) b’żewġ studji b’rabta mal-Kantilena u tnejn oħra dwar il-poeti Medjevali Għarab-Maltin u l-prietki tas-seklu sbatax-dsatax.

Matul dawn is-sentejn, il-Kunsill iltaqa’ 23 darba, mill-10 ta’ Settembru 2013 sas-16 ta’ Lulju 2015. Fi wħud minnhom kellna mistednin speċjali b’rabta ma’ xi proġett jew attività: is-Sur Charles Coleiro, is-Sur Paul P. Borg, is-Sur Carmel Azzopardi, is-Sur Thomas Pace, is-Sa Claire Zerafa u s-Sur Frank Zammit mill-Awstralja. L-Akkademja ltaqgħet diversi drabi mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kif ukoll mal-pubblikaturi.

Tnedijiet ta’ kotba

Waqt iż-żewġ Konferenzi f’ġieħ Vassalli nidejna l-ktieb ta’ Karmenu Bonavia, L-Avukat Giuseppe Elia Pace (1742-1820): Ħabib ta’ M.A. Vassalli f’Ruma, Minn Fomm Vassalli ta’ David Agius Muscat u Olvin Vella u Il-Prefazju Storiku tal-Mylsen Feniċju-Puniku Prof. Horatio C. R. Vella.

L-Akkademja nediet ukoll:

It-tielet u l-aħħar volum fis-sensiela In-Nisġa tal-Ħsieb tal-Prof. Joe Friggieri fit-13 ta’ Ġunju 2014. Ħadet il-forma ta’ intervista mill-Prof. Manwel Mifsud u Olvin Vella f’Dar l-Ewropa.

It-tnedija ta’ Malta Poema Viżiva ta’ Victor Fenech li sar bil-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti flimkien ma’ Poeżijaplus bil-parteċipazzjoni tal-awtur ma’ Kit Azzopardi, Vince Fabri, Rita Pace, Joe Galea u Leanne Ellul. L-attività saret fis-sede tal-Kunsill Malti għall-Arti, ‘Casa Scaglia’ Triq Mikiel Anton Vassalli il-Belt.

B’omaġġ lil Doreen Micallef

L-Akkademja ħadet ħsieb tiġbor il-biċċa l-kbira tal-poeżiji tal-poetessa. Doreen Micallef – Il-Poeżiji jiġbor fih il-ġabriet poetiċi Fit-Triq tal-Empirew (1975), De Profundis (1979) u Kyrie (1980) flimkien ma’ xogħlijiet oħra li dehru f’antoloġiji u rivisti letterarji u qed jidhru għall-ewwel darba ittri u manuskritti tagħha.

Din il-pubblikazzjoni se tkun kumplimentata bi ktieb ieħor: Doreen Micallef – Il-Konferenza li jinkludi l-atti tal-konferenza li saret fit-3 ta’ Diċembru f’għeluq l-10 sena minn mewtha bit-taħditiet ta’ Rev. Prof. Peter Serracino Inglott, Prof. Oliver Friggieri, Dr Bernard Micallef, Dr Marco Galea, Dr Immanuel Mifsud flimkien mas-Sinjuri Francis Galea, Marlene Saliba, Olivia Borg u Rebecca Spiteri.

Iż-żewġ kotba ġew editjati minn Victor Fenech u jagħlqu b’Suppliment Viżiv li jinkludi ritratti ta’ Vince Briffa.

Jum Dun Karm

Kull sena, l-Akkademja tieħu sehem fil-korteo f’Jum Dun Karm li jsir quddiem il-Mafkar tal-Poeta Nazzjonali, attività organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tad-Direttorat tal-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni flimkien mal-Kumitat Festi Nazzjonali.

Fit-18 ta’ Ottubru 2013 l-Akkademja organizzat serata mużiko-letterarja f’ġieħ Dun Karm fil-Bibljoteka Nazzjonali mal-KFN u fl-20 ta’ Ottubru 2014 organizzat serata oħra fil-Palazz ta’ Sant’Anton taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta bit-titlu “Seddaq il-Għaqda fil-Maltin”. Ħamest ijiem wara (27.10.2014) is-serata saret mill-ġdid mal-Ministeru għal Għawdex.

L-Akkademja ppubblikat tagħrifa fil-folju Jum il-Mulej f’għeluq iċ-ċentinarju tal-Innu Ewkaristiku ta’ Dun Karm – “Nadurawk ja Ħobż tas-Sema”.

Bil-ħsieb li l-Innu Malti fl-iskejjel tal-Gvern u tal-Knisja jkun aktar preżenti anke viżwalment, l-Akkademja u l-Ministeru tal-Edukazzjoni stampaw żewġ powsters bl-Innu Malti, wieħed għall-klassijiet kollha fl-iskejjel primarji u ieħor għal kull blokk fl-iskejjel sekondarji. L-Akkademja daħlet għall-ispiża ta’ 700 powster għall-primarji u 500 għas-sekondarji filwaqt li l-Ministeru tal-Edukazzjoni ħa ħsieb jistampa 1,500 għall-klassijiet tal-primarja. Id-disinn ta’ dawn il-powsters kien fi ħsieb Victor Fenech u Trevor Żahra li tlestew f’Settembru 2014 u bdew jitqassmu mix-xahar ta’ wara mill-Uffiċċju tal-Edukazzjoni tal-Malti.

Fit-18 ta’ Ottubru 2013 l-Akkademja organizzat ukoll serata mużiko-letterarja f’ġieħ Dun Karm fil-Bibljoteka Nazzjonali flimkien mal-Kumitat Festi Nazzjonali. Is-sena ta’ wara, fl-20 ta’ Ottubru 2014 l-Akkademja mill-ġdid ħadmet mal-KFN u fil-Palazz ta’ Sant’Anton saret is-serata “Seddaq il-Għaqda fil-Maltin”. Ħamest ijiem wara (27.10.2014) is-serata saret mill-ġdid mal-Kumitat għaċ-Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali fis-Sala  tal-Ministeru għal Għawdex.

Serata f’ġieħ Kelinu Vella Haber

Flimkien mal-Ministeru għal Għawdex u l-Uffiċċju tal-Kultura ta’ Għawdex, fid-29 ta’ Novembru 2013 organizzajna serata f’ġieħ Kelinu Vella Haber f’għeluq il-100 sena minn twelidu. Is-serata fetaħha Olvin Vella l-President tal-Akkademja u Paul P. Borg għamel kummenti bijografiċi permezz ta’ powerpoint. Saru żewġ diskorsi ewlenin, wieħed mis-Sur Richard Matrenza fuq il-Moviment tal-Malti u ieħor sar minn Patrick Sammut b’rabta mal-kontribut letterarju ta’ Kelinu Vella Haber. Il-programm tmexxa minn Lina Brockdorff u Josephine Mahoney u ngħalaq b’diskors mill-Onor. Dr Anton Refalo, Ministru għal Għawdex. Kelinu ħalliena ftit tal-ġimgħat wara, fit-28 ta’ Jannar 2014.

Serata mużiko-letterarja

F’għeluq il-100 sena mit-twelid ta’ Karmenu Vassallo, l-Akkademja organizzat serata mużiko-letterarja mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru li saret f’Kastilja fit-30 ta’ Jannar 2014.

Din is-serata prestiġjuża fetaħha l-Viċi President Dr George Farrugia u kienet tinkludi apprezzament viżwali mħejji minn Marcel Zammit Marmarà, filmat mill-arkivji tal-PBS tal-Prof. Joe Friggieri jintervista lill-poeta, diskors kommemorattiv dwar il-leitmotif ta’ Karmenu Vassallo mill-Prof. Oliver Friggieri, drammatizzazzjoni ta’ poeżiji minn atturi taħt id-direzzjoni ta’ Josette Ciappara, mużika ta’ Mro Dominic Galea u kant ta’ Corazon Mizzi u Doreen Galea. Is-serata ntemmet b’diskors mill-Prim Ministru Dr Joseph Muscat.

Serata f’ġieħ Ġużè Chetcuti

Fl-1 ta’ Awwissu 2014 L-Akkademja u l-Għaqda Poeti Maltin organizzaw serata f’ġieħ Ġużè Chetcuti fir-Razzett tal-Markiż, il-Mosta. F’din it-tifkira ħa sehem, il-Mons. Victor Grech, qarib ta’ Ġużè Chetcuti li qasam mal-udjenza t-tifkiriet tiegħu. Is-serata ta’ tifkira kienet imżewqa bil-proża u bil-poeżija ta’ Ġużè Chetcuti u bis-sehem tal-kantawtur Walter Micallef. Saru diskorsi kommemorattivi minn Patrick Sammut u l-Prof. Oliver Friggieri u fost il-qarrejja kien hemm Salv Sammut, Yana Psaila, Carmel Bianchi, Dr George Farrugia, Rita Saliba, Saviour Camilleri, Jane Micallef, Charles Mifsud u Theresa Pace.

F’għeluq il-250 anniversarju mit-twelid ta’ Vassalli

9L-Akkademja ħasbet għal Konferenza bil-ħsieb li l-kontribuzzjonijiet li jidħlu jiġu ppubblikati. Għall-ewwel ħsibna f’konferenza waħda imma b’sorpriża għalina, ir-riċerka u l-kontribuzzjonijiet li daħlu wasslu biex ġew organizzati żewġ sessjonijiet: l-ewwel waħda saret fit-3 ta’ Diċembru 2014 u t-tieni fis-7 ta’ Jannar 2015.

L-ewwel sessjoni mexxieha Dr George Farrugia, u l-kelliema kienu DrGiovanni Bonello, Karmenu Bonavia, Dr Mario Cassar, Mons. Ġwann Azzopardi, David Agius Muscat, Olvin Vella, Dr William Zammit u l-Prof. Frans Ciappara.

It-tieni sessjoni mexxietha Rita Saliba u ħadu sehem Dr Stefano Zammit, il-Prof. Richard Spiteri, Liam Gauci, Dr Charles Xuereb, il-Prof. Horatio C.R. Vella, Dr Albert Ganado, Dr Robert Thake u għalaqha Victor Fenech.

This slideshow requires JavaScript.

Il-Programm “Nwar”

Fuq inizjattiva ta’ Victor Fenech, l-Akkademja bdiet tieħu sehem fil-programm popolari “Nwar” ta’ Susanne Mulvaney kull nhar ta’ Ġimgħa fuq Radju Malta 1. Tajna pubbliċità esklussiva lill-membri tagħna u lill-kotba tagħhom. Mit-3 ta’ Ottubru 2014 sas-26 ta’ Ġunju 2015 irreġistrajna 38 programm fi tliet skedi ta’ 13-il programm kull wieħed.

Il-koordinazzjoni tal-programm kienet fi ħsieb Olvin Vella, Joe Borg u Rita Saliba u ħadu sehem madwar 40 awtur.

Taħditiet

L-Akkademja ssoktat torganizza t-taħditiet minn esperti f’oqsma differenti tal-Malti.  B’kollox organizzajna tnax-il taħdita li l-biċċa l-kbira tagħhom saru f’Dar l-Ewropa, il-Belt, filwaqt li oħrajn saru fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu, il-Ħamrun, fiċ-Ċentru Iżlamiku (il-Moskea), ir-Raħal Ġdid, f’Palazzo Santa Sofia, l-Imdina, fil-Palazz tal-Inkwiżitur u fil-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali, l-Imdina.

DATA ATTIVITÀ PARTEĊIPANTI U POST
31.10.2013 Taħdita nru 1: Int kif tlissinha ‘jaqraha’? –  Christina Sammut. Introduċa Prof. Albert Borg Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu, il-Ħamrun. Ħajr lil David Agius Muscat, David Muscat, George Mifsud
11.12.2013 Taħdita nru 2: Il-Grammatika tal-Kunjomijiet Maltin ta’ nisel Taljan – Dr Mario Cassar. Introduċa Dr George Farrugia Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu, il-Ħamrun
23.01.2014 Taħdita nru 3: Prof. Martin Zammit

Il-Versi Għarbin tal-Poeti Medjevali Maltin – ħarsa mill-ġdid. Introduċa Achille Mizzi

L-Akkademja tal-Malti u l-Moskea, iċ-Ċentru Iżlamiku, ir-Raħal Ġdid.
28.03.2014 Taħdita nru 4: Dr Bernard Micallef

Studju Kritiku fuq il-qari tal-Kantilena. Introduċa: Trevor Żahra

Dar l-Ewropa
16.04.2014 Taħdita nru 5: Dr Joan Abela

Is-Sorsi Primarji u l-Ħajja ta’ Brandano Caxario (u raġuni oħra għala seta’ kkopja l-Kantilena).

L-Akkademja tal-Malti u Palazzo Falson

Palazz Santa Sofija

 

15.05.2014 Taħdita nru 6: X’hemm ġdid fil-Ħimjari?Introduċa Achille Mizzi Prof. Michael Cooperson; Dar l-Ewropa
29.01.2015 Taħdita nru 7: Ir-Rikkezza tad-Djaletti –Prof. Albert Borg . Introduċa Trevor Żahra Dar l-Ewropa
13.02.2015 Taħdita nru 8: Il-Karnival Barokk f’Malta: ritwali viżivi, miktuba u mitkellma – Dr William Zammit Heritage Malta – Palazz tal-Inkwiżitur
16.02.2015

 

Taħdita nru 9: Il-valur lingwistiku tal-Qrieċel

Il-Qarċilla (2015) – Trevor Żahra

Olvin Vella

Heritage Malta, id-Dipartiment tal-Malti. Wirja tal-Akkademja tal-Malti – Palazz tal-Inkwiżitur

17.02.2015 Taħdita nru 10: Il-Qarċilla – il-ħila letterarja ta’ Dun Feliċ Demarco

Il-Qarċilla (2015) – Trevor Żahra

Dr Bernard Micallef

Heritage Malta, id-Dipartiment tal-Malti. Wirja tal-Akkademja tal-Malti – Il-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali, l-Imdina

24.03.2015 Taħdita nru 11: Id-Deċiżjonijiet 2 – ir-reviżjoni tar-regoli tal-1984 bis-sehem ta’ Prof. Albert Borg, Prof. Ray Fabri u Dr George Farrugia L-Akkademja tal-Malti u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti

Dar l-Ewropa, il-Belt

17.04.2015 Taħdita nru 12: Dun Karm u Caruana Dingli Dr Giuseppe Schembri Bonaci

Dar l-Ewropa