Marlene Mifsud Chircop

Marlene Mifsud Chircop twieldet fit-23 ta’ Mejju 1950. Studjat fl-Università ta’ Malta fejn ippreżentat l-ewwel teżi tagħha għall-B.A. “Il-Folklor fir-Rumanz Storiku/Romantiku Malti” (1972) u t-tieni teżi għall-MA “A Motif-Index of the Maltese Folktale”. Għallmet il-Malti fis-sekondarja fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi Għamlet ukoll id-Diploma fit-Traduzzjoni u l-Interpretazzjoni u għal bosta snin għallmet l-Ingliż fl-Istitut tan-Negozju u l-Kummerċ (MCAST).

Marlene ħadmet mal-folklorista Ġuże Cassar Pullicino u mal-mibki imma qatt minsi żewġha, il-folklorista antropoloġiku Dr Ġorġ Mifsud Chircop u kompliet bir-riċerka fin-narrattiva popolari, fl-irrakkuntar u fl-għana Malti, b’mod speċjali l-element kulturali u soċjali fl-għana tal-fatt.

Kienet tiddeskrivi ruħha bħala ‘għalliema u riċerkatriċi indipendenti’ u flimkien ma’ żewġha, ikkoproduċiet u ppreżentat 26 dokumentarju kulturali ta’ 45 minuta għat-televixin: Ix-xogħol Waħdu Jurik (1996) u Fuq Għajnejk (2001) taħt id-direzzjoni ta’ Alvin Scicluna) u għar-radju Maltese Folklore in the Modern World (2000) u A Folk Festival in Malta (2003). Interpretat u ttraduċiet kemm-il darba l-għana u l-irrakkuntar waqt festivals f’Malta u barra.

Ħadet sehem f’konferenzi f’Malta u barra, fejn ippreżentat fost l-oħrajn “Mnarja – a Midsummer’s Festival in Contemporary Malta” (Gothenburg 2006), “Maltese Folk Narrative” (Isle of Bute 2011), “Good Friday Processions in Contemporary Malta” (Innsbruck 2014), “The First Ten Years of the Maltese Folk singing Festival” (Malta 2014), The Development of Maltese Ballads (Malta 2014).

Barra diversi sessjonijiet tal-għana u tal-irrakkuntar, kemm f’Malta kif ukoll barra, ikkoorganizzat l-attivita kulturali “Grimani Min Qatlu?” għal Science in the City (Malta 2014). Sentejn wara, fl-2016, flimkien ma’ Fr Montebello ippubblikat il-ktieb Min Qatel il-Patri? bi studju speċjalizzat tagħha fuq il-ballati Maltin.

Matul l-aħħar snin ta’ ħajjitha, Marlene ħadmet fuq l-aġġornament tal-kitbiet ta’ żewġha u kompliet l-istudji tagħha tal-ballati folkloristiċi u t-traduzzjonijiet orali fil-kultura Maltija. Hija mhux biss ikkontribwiet fis-sensiela dwar It-Traduzzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta imma wkoll ħadet ħsieb it-tħejjija professjonali ta’ riċerkaturi żgħażagħ biex dan il-qasam ikompli jiżviluppa. Fl-istess hin, id-Dipartiment kien qed jgħin lil Marlene tiddokumenta l-kitbiet akkademiċi u l-materjal etnografiku tagħha u ta’ żewġha biex ikunu aċċessibbli għal dawk li jixtiequ jispeċjalizzaw fl-etnografija ta’ Malta u tal-Mediterran.

Dr Adrian Grima ddeskrivieha bħala “ħabiba, kollega, u riċerkatriċi li ħadmet bla heda, tul ħajjitha kollha, sal-aħħar, fuq it-tradizzjonijiet orali tagħna u fuq il-folklor b’mod ġenerali. Din hija telfa kbira għalina lkoll. Imma huwa wkoll il-mument biex nerġgħu nirringrazzjawha tal-kontribut imprezzabbli tagħha.” Marlene Mifsud Chircop mietet fis-26 ta’ Awwissu 2020.

Isma’ lil Marlene Mifsud Chircop fil-programm Nwar.

Tista’ taqra l-bijografija miktuba minn Yanika Schembri Fava.

Ħalli kumment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.