Mario Azzopardi

Għal aktar minn nofs seklu nistgħu ngħidu li Mario Azzopardi kien fost il-protagonisti ewlenin li taw spinta lil-letteratura tagħna, speċjalment bl-avangwardja li dehret u nħasset fl-antoloġiji Antenni (1968), Analiżi ’70 (1970), Mas-Sejħa tat-Tnabar (1971) u Dwal fil-Persjani (1972) u tibqa’ sejra sal-ġabriet personali tiegħu, ibda minn Demgħat tas-Silġ (1976), Passiflora (1977), Tabernakli (1979), Monokordi (1984) u tibqa’ sejra san-Noti mis-Sanatorji tal-Mistiċi (1995) u bl-aħħar pubblikazzjonijiet tiegħu ta’ poesaġġi Skizzi tal-Karnival (2010) u Epistoli mid-deżert (2014) li fih Mario jiddeskrivi lilu nnifsu bħala: “inġinier tal-kelma, jaħdem bil-prekarjat fil-bini tat-Torri l-Ġdid ta’ Babel postmoderna.”

Tabilħaqq “inġinier tal-kelma” fil-mod kif kien jagħġinha kemm bħala poeta kif ukoll fin-neoloġiżmi li joħloq f’kuntesti jew f’burdati differenti li kien isib ruħu fihom matul ħajtu.

Mario Azzopardi kien wieħed mill-fundaturi tal-Moviment Qawmien Letterarju li lejn tmiem is-snin sittin ried iċaqlaq lil Malta u joftomha mill-medjuevu li donnha kienet baqgħet ankrata fih. Intqal li l-poeti tal-anti-establishment riedu ’l ommhom taġġorna ruħha maż-żminijiet billi tinża’ darba għal dejjem l-għonnella u tibda tilbes il-mini-skirt. Għall-poeti miġbura qroqqa ma’ djul Dun Karm, dawn iż-żerbinotti storbjużi ma dehrux u ma kinux ħlief ħarbiexa prużuntużi li fi vrushom mhux biss lanqas kien hemm ħjiel ta’ metrika imma saħansitra lanqas biss sens ta’ ħsieb.

Eventwalment mill-protesta storbjuża tas-sittinijiet il-poeta għadda għall-irtir tas-sebgħinijiet. Il-Moviment Qawmien Letterarju niżżel is-siparju imma d-dramm baqa’ għaddej, u aktar u aktar fil-każ ta’ Mario Azzopardi – li ta kontribut kbir bħala reġista bit-teatru esperimentali kif ukoll bil-mistoqsijiet pertinenti li baqa’ jistaqsi bix-xewqa li jisfronda kull sens ta’ konvenzjoni.

Mario Azzopardi twieled il-Ħamrun f’familja tal-ħaddiema. Studja fil-Liċeo, fil-Kulleġġ tal-Għalliema u fl-Università ta’ Malta, mnejn iggradwa M. Phil. b’teżi dwar it-Teatru Komunitarju. Għallem l-arti, id-drama edukattiva u l-letteratura Maltija għal bosta snin fl-iskejjel statali u ħadem fil-Policy Unit tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u Kultura bejn l-1998-2004. Meta rtira mis-servizz pubbliku kompla jmexxi ċ-Ċentru tad-Drama ta’ Malta. Azzopardi kien jgħallem l-Istorja tat-Teatru tas-seklu 20 fl-Università ta’ Malta.

Huwa kittieb prolifiku u versatili, u aktarx hu l-aktar poeta Malti li esperimenta bi stili differenti, mill-vers “grafiku” sal-“poesej”. Kien attiv ukoll bħala ġurnalista kulturali mill-1967 u ħadem bħala artikolista ma’ L-OrizzontThe Malta EconomistThe BullettinThe Malta IndependentIn-Nazzjon u Il-Mument. Kien ukoll l-editur tar-rivista letterarja xellugija Neo u tas-supplimenti kulturali Spektrum u Fokus li kienu ppubblikati mal-gazzetta Il-Mument. Bħala reġista dderieġa x-xogħol ta’ awturi klassiċi u kontemporanji għat-televiżjoni u fl-1992 kien ħoloq u ppreżenta l-ewwel programm satiriku fuq stazzjon tar-radju.

Azzopardi kien wieħed mill-pijunieri tal-letteratura New Wave li tfaċċat f’Malta fis-snin sittin, kif ukoll wieħed mill-fundaturi tal-Moviment Qawmien Letterarju (1967), l-aktar biex jikkonfronta l-istaġnar fil-letteratura Maltija ta’ dik l-epoka u biex jiddemokratizza l-letteratura. Mill-M.Q.L. beda l-pubblikazzjoni ta’ Il-Polz Sagħtar – ir-rivista għall-istudenti. Kien ukoll kofundatur ta’ Mis-Sillabu Analiżi.

Fi kliem Oliver Friggieri, “donnu żagħżugħ li ma jixjieħx, bil-ħila tiegħu ta’ poeta ħerqan li jissokta jfittex kulma hu sorprendenti, mhux prevedibbli u aktarx ambigwu. Il-poeta riċerkatur, il-kittieb li jissielet mal-kelma tiegħu.”

Mario Azzopardi li miet fil-11 ta’ Marzu 2022.