Fit-18 ta’ Jannar 2022 fis-6pm, fuq ZOOM, saret din it-taħdita. Tista’ taraha hawn taħt.
F’din it-taħdita ġiet diskussa l-possibilità ta’ kliem Malti li għandu jew jista’ jkollu nisel Katalan jew xi forma ta’ influwenza Katalana fil-binja tiegħu. Ingħata wkoll sfond storiku dwar il-perjodu medjevali qabel il-wasla tal-Kavallieri, kif ukoll xi tagħrif dwar xi toponimi (ismijiet ta’ mkejjen) li huma bil-Katalan. Wara li kienu spjegati l-kriterji biex wieħed ikun jista’ jikkunsidra jew jiddetermina jekk kelma għandhiex nisel Katalan jew le, ingħatat lista ta’ kliem li, skont il-kelliem, huwa ta’ nisel Katalan.
SIMON SALAFIA, studja fl-iskola tal-Gvern tar-Rabat u fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi. Huwa kompla l-istudji tiegħu fl-Università ta’ Malta fejn iggradwa fl-Inġinerija Elettrika u studja l-Ispanjol fejn kiseb iċ-ċertifikat ta’ profiċjenza mogħti mill-Università ta’ Salamanca. Għallem l-Ispanjol fiċ-ċentru kulturali Spanjol-Malti, fl-iskejjel tal-Gvern, u fl-Università ta’ Malta. L-interessi u l-passatempi ewlenin tiegħu huma l-ivvjaġġar, u l-Istorja u l-kultura Maltija, l-aktar il-perjodu Medjevali u t-toponomastika. Huwa wkoll gwida liċenzjat u interpretu professjonali.
