
Imwielda l-Ħamrun fis-7 ta’ Lulju tal-1933, Karmen kienet imnissla mill-familja ta’ Mikiel Anton Vassalli. Mingħandu wirtet l-imħabba lejn ilsienna u l-letteratura Maltija.
Wara li fl-1952 temmet il-kors tat-taħriġ għal għalliema fil-Mater Admirabilis Training College, ingħaqdet mal-British Institute Players u hemm bdiet il-karriera fl-arti drammatika. L-ewwel dramm li ħadet sehem fih kien bl-Ingliż, Crime and Punishment ta’ Fyodor Dostoevsky.
Biex dejjem titħarreġ aktar, Karmen marret Londra u ngħaqdet mal-Actors Studio u aktar tard marret fuq kors fix-xandir mal-B.B.C. Lura Malta, Karmen Azzopardi kompliet tieħu sehem fi produzzjonijiet ma’ diversi kumpaniji teatrali bħal M.A.D.C., l-M.U.T. Players, mal-Malta Drama League, mal-Maleth u mal-Malta Talent Artistes.
Matul is-snin ħadet sehem f’ħafna radjudrammi, dokumentarji u programmi oħra li kienu jinstemgħu minn fuq ir-Redifussion.
Fl-1960 kisbet l-ewwel unur tagħha, il-Best Actress Trophy f’konkors teatrali mniedi mill-Malta Drama League. L-unur rebħitu għall-parti ta’ Suor Wistina f’L-Għarusa ta’ Ġużè Diacono.
Ħadmet ukoll f’sensiela ta’ drammi ma’ Francis Ebejer u fl-1974, flimkien mal-mibki Chev. Paul Naudi, li aktar tard iżżewġet, kif ukoll ma’ Lino Farrugia, Victor u Antoinette Soler u Charles Arrigo, waqqfu l-kumpanija Atturi Theatre Group.
Fost il-partijiet kbar li ħadmet u li Karmen baqgħet issemmi matul is-snin kien hemm dawk ta’ Filumena Marturano, Mother Courage, Medea, The Prime of Miss Jean Brodie u A Streetcar Named Desire.
Ħadmet f’bosta produzzjonijiet televiżivi bħal F’Baħar Wieħed, Undercover, Villa Sunset, Aenigma, Viva l-Ministru, Il-Leħen li Dewa mill-Bir u Dejjem Tiegħek.
Karmen kienet sikwit tkun mistiedna mill-Akkademja tal-Malti biex tieħu sehem f’serati letterarji, tnedijiet ta’ kotba u kommemorazzjonijiet.
Karmen Azzopardi ħallietna fl-età ta’ 88 sena, fis-16 ta’ Marzu 2022.

Aktarx l-aħħar ritratt ta’ Karmen Azzopardi meta l-Akkademja tal-Malti ppreżentat bukkett fjuri f’għeluq sninha s-sena li għaddiet.

