IL-WERREJ
L-EditorjalMarco Galea
POEŻIJI
Hemm Xtajta Ġorġ Borg
Kelma Paul P. Borg
Inżul ix-Xemx fuq il-Gaudalquivir Norbert Bugeja
In-Ners Charles Casha
Tbissima Carmel G. Cauchi
Qalbi Sergio Grech
Poeżija Waħda Sergio Grech
Nugrufum Maria Grech Ganado
Bħal Vuċi Oħra ġo dil-Konfużjoni Adrian Grima
Funeral Henry Holland
Ftit Weraq mill-Gżira Immanuel Mifsud
Għax Xi Darba Kien Hemm il-Palestina Walid Nabhan
It-Tmiem fil-Qrib Patrick Sammut
Biljett Miftuħ Karl Schembri
Statistika Lillian Sciberras
NOVELLI
Meta Waqa’ l-Ispazju Kollu Fuqha Clare Azzopardi
Passju Stanley Borg
Abdilla l-Għaqi u l-Kibx il-Mitluf Steve Borg
Qaddis Ġdid Maurice Mifsud Bonnici (10 ta’ Lulju, 2003)
Bl-Irħis Vince Vella
Fejn Hemm il-Beraħ Trevor Żahra
TRADUZZJONIJIET
L-Apostata jew Moħħ Imħarbat (Albert Camus) Toni Aquilina
Il-Kantiku tal-Ħlejjaq (San Franġisk t’Assisi) Mario Debono
Siltiet minn Il-Profeta (Kahlil Gibran) Victor Fenech
L-Għaxija ta’ Jum il-Festa (Giacomo Leopardi) Oliver Friggieri
Is-Sibt fir-Raħal (Giacomo Leopardi) Alfred Palma
L-EDITORJAL Qed nikteb dan l-editorjal inqas minn ġimgħa mill-mewt ta’ Ġużè Chetcuti, li lilu huwa ddedikat dan il-volum. Mhijiex l-intenzjoni tiegħi li hawnhekk ngħaddi ġudizzju fuq il-karriera letterarja u akkademika ta’ dan il-kollega tagħna u għalliem ta’ ħafna minna. Dak il-ġudizzju jsir mill-kritiċi u mill-istoriċi, kemm tal-lingwa kif ukoll tal-letteratura, u jsir bil-kalma. Madankollu, ma nistax inħalli dan l-avveniment jaħrab mingħajr ma nikkummenta dwar il-figura ta’ Chetcuti bħala letterat li ddedika ħajtu għall-kawża tal-Malti u għall-ħidma letterarja, żewġ attivitajiet li għan-nies tal-ġenerazzjoni tiegħu ma setgħux jinfirdu minn xulxin. Chetcuti kien konsistenti tul il-karriera kollha tiegħu illi fiha ra l-kitba bħala strument biex iwassal ’il quddiem dak kollu li kien jemmen fih, mid-devozzjoni lejn il-Madonna sal-fiduċja li kellu li l-klassi politika kienet se ssolvi l-problemi tal-klassijiet soċjali emarġinati. Il-poeżiji, id-drammi u r-rumanzi tiegħu jixhdu dan kollu.[1] Taqbel jew ma taqbilx miegħu trid tammira l-kuraġġ li kellu li jipproponi l-ideat tiegħu bla ħabi. Il-kittieba attivi llum għandhom sfidi li jistgħu jidhru differenti. Per eżempju, m’għadhomx jitqiesu mill-pubbliku bħala r-regolaturi tal-lingwa, u għalhekk jistgħu jesperimentaw bil-lingwa b’mod li l-kittieba tal-ġenerazzjoni ta’ Chetcuti ma setgħux. Il-kittieba ta’ llum lanqas għadhom jgħixu f’soċjetà li tara lilha nnifisha bħala waħda omoġenja b’valuri komuni għal kulħadd u li huma jinżammu bħala d-difensuri pubbliċi tagħhom.
Dan jagħmel ix-xogħol tal-kittieba aktar faċli f’ċerti aspetti imma aktar ikkumplikat f’oħrajn. Il-kittieba għandhom aktar libertà ta’ espressjoni. Ħadd ma jistenna fi żmienna li jisma’ li t-tali awtur ġie kkundannat mill-qorti għaliex il-viżjoni li għandu tal-ħajja mhix pożittiva biżżejjed, bħalma darba ġara lil Ġorġ Pisani fis-seklu li għadda.[2] Madankollu, bħal kull libertà oħra, din il-libertà ġġib magħha responsabbiltajiet li aktarx il-kittieba li għexu qabilna ma kenux iħossu daqs il-kittieba ta’ żmienna.
Il-kittieba Maltin illum għandhom aktar għażliet individwali x’jagħmlu. Ħafna minn dawn l-għażliet huma stilistiċi, imma għandhom ukoll għażliet politiċi x’jagħmlu. Il-pubbliku għadu jistenna li l-kittieba jservuh ta’ kuxjenza, li jisfidawlu l-mod kif jaħseb. Fi kliem ieħor, il-qarrejja għadhom iħarsu lejn il-kittieba bħala intellettwali.
Għalhekk il-kittieba huma obbligati li jieħdu pożizzjoni. Fi żmien Dun Karm din il-pożizzjoni kienet ċara, favur il-Malti, favur Malta, favur il-Kattoliċiżmu. Imma llum?
Edward Said, fil-ktieb tiegħu Representations of the Intellectual isostni li l-pożizzjoni li jridu jieħdu l-intellettwali (u b’intellettwali ħafna drabi qed jifhem kittieba) hija li jirrappreżentaw lil min fis-soċjetà qed ibati, min hu fqir, bla leħen, bla rappreżentazzjoni u bla poter.[3] Ma jiswa xejn, ħlief għalihom infushom, li l-kittieba jirrepetu pożizzjonijiet magħrufa u dominanti li jagħmluhom il-benjamini ta’ min ikun fil-poter. L-agħar ħaġa li tista’ tiġrilu l-intellettwali, għallinqas skond Said, hija li jagħżel li ma jitkellimx meta b’dak li jista’ jgħid se jweġġa’ lil min jista’ jagħmlu konsulent, iqiegħdu f’kumitat prestiġġjuż, u forsi xi darba jagħmlu ambaxxatur.[4] Din naħseb li hi l-isfida li għandhom quddiemhom il-kittieba Maltin illum, li ma jaddottawx pożizzjonijiet komdi u popolari imma li jkunu dejjem lesti li bil-kitbiet tagħhom iċaqalqu, iġiegħlu lin-nies jiddubitaw minn ħwejjeġ li għalihom kienu ċertezzi, jistaqsu mistoqsijiet skomdi. Naturalment m’għandhomx jistennew premju għal dan ix-xogħol. F’ħafna pajjiżi oħra l-kittieba jintbagħtu l-ħabs, jiġu eżiljati, jinqatlu għal dak li jgħidu. Għall-grazzja t’Alla f’pajjiżna l-kastig għal min idardar l-ilma s’issa huwa żgħir bħalma huwa żgħir il-premju għal min jaqdi lil xi poter.
Huwa f’das-sens li jien ferħan li l-Akkademja tal-Malti tista’ llum tippreżenta ġabra ta’ xogħlijiet bħalma hi dik li ssibu f’din il-ħarġa. Fil-komplessità tagħhom dawn ix-xogħlijiet juru li l-kittieba Maltin, minbarra li jfittxu dak li hu sabiħ, huma impenjati wkoll li jipprovdu letteratura li tirreaġixxi għall-mistoqsijiet li l-Maltin jistaqsu l-ħin kollu. Huwa fatt interessanti żgur li numru mhux ħażin mill-kitbiet li ġew sottomessi għal din il-ħarġa kienu b’modi differenti qed jikkummentaw fuq il-problema tar-razziżmu u l-ksenofobija f’pajjiżna, minkejja li din il-problema donnha għadha mhix prijorità għal min jikkontrolla l-istituzzjonijiet u l-mezzi tal-komunikazzjoni f’pajjiżna.
Imma l-kitbiet li ssibu hawnhekk mhumiex manifesti politiċi. Għalhekk meta taqrawhom għandkom tintebħu li l-kittieba tagħna qed jagħmlu sforz biex iġebbdu l-possibiltajiet tal-lingwa. Għal xi qarrejja ta’ Il-Malti, uħud mill-esperimenti lingwistiċi jistgħu jidhru eċċessivi jew idarrsu. M’iniex se nagħmel apoloġiji. Naħseb li f’ħajjitna, il-ġdid, id-differenti, dejjem jinkwetana. Imma letteratura li ma tħassibniex, x’użu għandha? Naturalment, m’iniex ngħid li kull ma hu ġdid u trasgressiv huwa tajjeb. Qed ngħid biss li l-letteratura tajba trid tfittex bilfors dak li hu ġdid u tkun trasgressiva bil-mod awtentiku u intelliġenti tagħha.
Marco Galea [1] Ara, per eżempju, d-dramm 1919 (Malta, Ministeru ta’ l-Edukazzjoni u l-Ambjent, 1987) ir-rumanz Qabel Telgħet ix-Xemx (Malta, Sensiela Kotba Soċjalisti, 1987) u l-oratorju “Marija Immakulata” (1994). [2] Ara Ġużè Aquilina, Il-Polz ta’ Malta, (Malta, Lux Press, 1948) 201. [3] Edward W. Said, Representations of the Intellectual, (Londra, Vintage, 1994) 84. [4] Said, 74. |