IL-WERREJ
L-Editorjal Bernard Micallef
POEŻIJI
Ħajki Josette Attard
Din l-Għanja Tiegħi Rena Balzan
Fl-Irdum Fejn Jidwi Charles Bezzina
Naqa’ Biss Ġorġ Borg
gambrinu, 7.45 a.m. Norbert Bugeja
Għadam Joseph Buttigieg
Tħarisx Biss fil-Wiċċ John Caruana
Petra Priscilla Cassar
Mhux Iżjed Dan il-Pajjiż Tiegħi Victor Fenech
Twieqi Magħluqa Maria Grech Ganado
Joseph Quddiem ir-Ritratt ta’ Sieħbu Jitfarrak Adrian Grima
ta’ l-ilma l-fruntieri tiegħek Simone Inguanez
Għall-Kaċċa tal-Grejtwajt (għal Daniel Leuwers) Daniel Massa
Ftit Weraq mis-Slovenja Immanuel Mifsud
Dak li Kien Achille Mizzi
Wassalni Anna Pullicino
Tamiet Fiergħa Patrick Sammut
Fost l-Isbaħ Żmien (għal Victoria) Lillian Sciberras
Kelma Marcel Zammit Marmarà
Lill-Imdina Żagħżugħa Joe Zammit Tabona
NOVELLI
Sodda ta’ l-Ilma Clare Azzopardi
Kurċifiss Paul P. Borg
Mera Mkissra Lina Brockdorff
No(ra)vella Joe Friggieri
L-Abbati Henry Holland
L-Eħrex Ġurnata tal-Gwerra Maurice Mifsud Bonnici
Marija Lino Spiteri
Ikla Trevor Żahra
TRADUZZJONIJIET
Il-Mara Midinba (Albert Camus) Toni Aquilina
Silta mill-Antigone (Sofokle) Victor Xuereb
L-EDITORJAL F’din il-ħarġa tar-rivista Il-Malti qed jidhru x-xogħlijiet letterarji ta’ tletin kittieb. Il-varjetà fl-effetti estetiċi tagħhom tikkorrispondi, xi ftit jew wisq, mal-varjetà ta’ ġeneri letterarji mħaddma: mill-ħajku sal-poeproża fil-poeżija, mir-rakkont fittizju sa l-awtobijografija fil-proża, u mid-drama Griega san-novella moderna fit-traduzzjonijiet. Kull wieħed minn dawn il-ġeneri letterarji joffri kundizzjonijiet ta’ qari marbutin mal-mudell ġeneriku tiegħu, u jeħtieġ eżekuzzjoni artistika li l-qarrej ma jistax iwettaq f’forom letterarji oħra. B’dan il-mod, il-qarrej ikun qed jattiva l-modus operandi partikulari ta’ kull xogħol, u fil-proċess isir kompliċi fit-twettiq ta’ strateġiji differenti ta’ qari. Dawn l-istrateġiji oriġinaw minn storja twila ta’ l-arti verbali. L-istorja tal-letteratura tat ġieħ lil għadd kbir ta’ prattiki inferenzjali (bħall-parabbola, l-arketip, u l-allużjoni) li saru metodi validi u indispensabbli ta’ ħsieb fl-istudji umanistiċi, minkejja li fix-xjenzi baqgħu jitqiesu illeġittimi. L-intellett Malti se jitlef ħafna jekk ma jikkultivax dawn il-prattiki letterarji fil-kultura tiegħu, biex bihom jistabbilixxi fi lsienu d-dinja parabbolika, mitoloġika, u lirika li tmur magħhom. Meta tagħraf lilha nnifisha bħala parti minn dan il-proċess evoluttiv ta’ binjiet simboliċi u arketipali, il-letteratura Maltija għandha tagħraf ukoll li l-istess proċess ma jiqafx ma’ perjodu wieħed. L-istorja tal-letteratura ma teħilx f’perspettiva unika bħall-ispontanjetà tas-sentiment fir-romantiċiżmu, jew f’tendenza artistika waħda bħad-defamiljarizzazzjoni modernista. Illum, parti inaljenabbli mill-istorja tal-letteratura hija d-dinja postmoderna, li poġġiet id-diskorsi dominanti tal-passat taħt skrutinju akbar, u li lesta tħott anki l-medju lingwistiku biex tiżvela l-isterjotipi foloz mibnijin fih. Il-qarrej ta’ din il-ħarġa ta’ Il-Malti jista’ josserva sa fejn il-panorama tal-letteratura Maltija tinkludi kemm għarfien letterarju tradizzjonali, li jibqa’ s-sors ewlieni ta’ kull devjazzjoni li ġiet wara, kif ukoll proċeduri postmoderni bħall-intertestwalità u d-dijaloġiżmu, li xeħtu dawl ġdid fuq il-konvenzjonijiet letterarji. Ingħażel xogħol wieħed biss tal-kittieba li qed jidhru f’din il-ħarġa, għad li wħud mill-poeti – ngħidu aħna Victor Fenech, Maria Grech Ganado, Daniel Massa, u Achille Mizzi – jinsabu fil-qalba tat-tradizzjoni poetika tagħna, u xogħlijiet oħra tagħhom żgur li ma kinux se jinħassu żejda. L-ismijiet ta’ dawn il-poeti llum saru sinonimi ma’ modalitajiet letterarji stabbiliti. Biżżejjed wieħed isemmi t-taħlit konxju ta’ ġeneri letterarji fil-poeproża ta’ Victor Fenech, jew it-taqbida bejn il-vuċi femminili u d-diskors patrijarkali li hija karatteristika ewlenija tal-poeżija ta’ Maria Grech Ganado. Biżżejjed ukoll li wieħed jirreferi għad-diżintegrazzjoni tal-fruntiera bejn oġġett u ieħor fid-dinja allużiva ta’ Daniel Massa, jew għall-għaqda bejn l-oġġett modern u l-mitoloġija klassika fil-poeżija ta’ Achille Mizzi. Ingħażel xogħol wieħed biss minn dawn l-idjomi poetiċi biex il-profil letterarju ta’ kull poeta jidher f’kuntrast ma’ panorama letterarja sħiħa li ma waqfitx tissawwar bid-dħul ta’ komponenti ġodda. L-iżviluppi poetiċi riċenti wkoll jingħarfu aħjar meta n-novità tagħhom tidher maħruġa ’l barra minn sfond letterarju sħiħ. Poeti bħal Norbert Bugeja, Priscilla Cassar, u Simone Inguanez jispikkaw fit-tradizzjoni letterarja Maltija minħabba l-mod iktar ippronunzjat li bih iħollu l-konvenzjonijiet lingwistiċi, in-normi soċjali, u l-ġerarkija ta’ valuri tal-poplu Malti. Minkejja dan, kull distorzjoni artistika tagħhom fil-fatt tiddefinixxi lil xejriet oħra tat-tradizzjoni letterarja bil-Malti bħala dominanti jew ortodossa. Jekk għandna ġenerazzjoni ġdida ta’ poeti li lesti jlaqqgħu bla lġiem forom grammatikali li ma jmorrux flimkien, u anki jisfumaw f’xulxin kelliema u diskorsi inkompatibbli, dawn il-ġesti postmoderni jingħarfu bħala azzjonijiet trasformattivi f’qafas letterarju stabbilit, il-qafas li fih il-poeta l-ġdid ikun sab kemm l-iskop għar-reazzjoni artistika tiegħu, kif ukoll il-lingwa magħmula minn preġudizzji passati li biha jista’ jesprimi d-devjazzjoni tiegħu. Il-validità ta’ dawn l-iżviluppi letterarji fi lsienna tidher permezz tar-rikonoxximent mogħti barra minn xtutna lil traduzzjonijiet ta’ xogħlijiet riċenti bil-Malti. Il-viżjonijiet kuntrastanti li Josette Attard tgħaqqad bil-ħajku, u n-nies immarġinalizzati li jippopulaw il-poeżiji ta’ Adrian Grima u ta’ Immanuel Mifsud huma kwalitajiet letterarji li ġew ippremjati f’konkorsi letterarji internazzjonali. Matul l-istorja qasira tal-letteratura Maltija, dan l-għarfien internazzjonali ngħata aktar minn darba, u lil għadd ta’ poeti li ġew qabel Attard, Grima, u Mifsud. Iżda l-fatt li dan l-għarfien qed ikompli jingħata lil (traduzzjonijiet ta’) xogħlijiet riċenti bil-Malti juri li n-novità fi lsienna mhix qiegħda tindirizza biss lill-kuxjenza Maltija, u fil-fatt qiegħda titqies bħala suppliment artistiku b’valur globali jew profondament uman. Eżempju riċenti ta’ dan ir-rikonoxximent hu t-tieni premju tad-disa’ edizzjoni tal-kompetizzjoni internazzjonali tal-ħajku, Kumasakura, li din is-sena ngħata lil Josette Attard, fil-kategorija ta’ l-ilsna barranin. Avveniment bħal dan jixhed kemm il-konnotazzjonijiet letterarji ġġenerati fi lsienna qed jitqiesu bħala avvanz simboliku u inferenzjali serju, imqar meta x-xogħol jiġi tradott f’ilsna oħra. Kull idjoma poetika li qed tidher f’din il-ħarġa ma tikbirx jew tiċkien fil-validità tagħha skond tissemmiex jew le f’dan l-editorjal. Wara kollox, l-arti verbali titkellem weħidha, u l-ogħla ġustifikazzjoni għall-eżistenza tagħha tiksibha biss waqt il-qari nnifsu, li jista’ jvarja skond il-gosti individwali tal-qarrej u l-kriterji estetiċi taż-żmien. L-effetti li jibqgħu joħorġu minn kull idjoma poetika jistgħu jitqiesu periferali f’perjodu wieħed ta’ qari u jsiru dominanti f’perjodu ieħor. Is-sempliċità qarrieqa tal-poeżija ta’ Ġorġ Borg, il-liriċiżmu nostalġiku ta’ Lillian Sciberras, l-għaqda bejn is-sentiment uman u l-oġġett ordinarju fil-versi ta’ Rena Balzan: dawn l-idjomi poetiċi u oħrajn se jibqgħu jesprimu ruħhom matul proċess ta’ qari ħafna itwal minn dawn il-kelmtejn. Madanakollu, hu xieraq li dan l-editorjal jgħid kelma qasira dwar ix-xogħlijiet fin-narrattiva li qed jidhru f’din il-ħarġa, u b’mod speċjali dwar il-modalitajiet differenti ta’ rappreżentazzjoni li jesponu. Anki fit-taqsima tan-narrattiva, l-għan ewlieni tar-rivista Il-Malti għandu qabelxejn ikun li tintwera l-firxa eżistenti ta’ ġeneri letterarji bil-Malti. Ir-rakkont bil-Malti sikwit jinqeda b’mekkaniżmi narrattivi li jimitaw ir-realtà esterna (aktarx meqjusa bħala ġabra ta’ ċirkustanzi soċjali u politiċi li huma lesti). Iżda drabi oħra r-rakkont bil-Malti jinqeda b’mekkaniżmi narrattivi li jittrattaw din ir-realtà esterna bħala mit, jiġifieri xejn aktar minn sistema semjotika li tibqa’ suxxettibbli għal diversi modifikazzjonijiet u reviżjonijiet waqt l-interpretazzjoni tagħha. Meta tesebixxi din il-varjetà ta’ modalitajiet rappreżentattivi fin-narrattiva, ir-rivista Il-Malti tkun qed turi t-transizzjoni li qiegħda sseħħ bejn metodi differenti ta’ rakkuntar bi lsienna. Fil-paġni li ġejjin, dan jidher sew permezz tad-differenza bejn ix-xejriet narrattivi magħżula: l-orjentament storiku u awtobijografiku fil-kitbiet ta’ Lina Brockdorff u ta’ Maurice Mifsud Bonnici; id-determiniżmu soċjali u ambjentali fir-realiżmu ta’ Lino Spiteri; il-ġemgħa ta’ narraturi li bejniethom jinsġu l-aspetti reliġjużi u profani ta’ l-istess ġrajja fir-rakkont ta’ Paul P. Borg; id-dinja fantastika daqskemm allegorika ta’ Trevor Żahra; il-konnessjonijiet sottili u serji li jibqgħu ħerġin sew wara l-ewwel qari tan-novella ta’ Joe Friggieri; l-antiċipazzjonijiet foloz li l-qarrej hu mġiegħel jibni fir-rakkont suġġestiv ta’ Henry Holland; u n-narratriċi li tirrifletti fuq ir-rakkuntar tagħha nnifisha fil-proża kuraġġuża ta’ Clare Azzopardi. Illum, in-narrattiva titqies bħala formattiva aktar milli imitattiva, għax tipprojetta tip ta’ realtà li tinbena minn logħob bil-perspettiva u minn strutturi temporali tassew oriġinali. Hija wkoll narrattiva li biddlet in-narratur li sempliċiment jirrakkonta f’ieħor li jirrifletti fuq il-mod kif qiegħed jirrakkonta, narratur li sikwit jikxef il-limiti u d-defiċjenzi fir-rakkuntar tiegħu nnifsu. Madanakollu, dawn ix-xejriet riċenti tan-narrattiva ma setgħux iseħħu jekk mhux bħala suppliment oriġinali ma’ normi diġà eżistenti tar-rakkuntar, l-aktar dawk in-normi li kienu ġew stabbiliti mill-estetika realista fl-Ewropa tas-seklu dsatax, il-perjodu li skond ħafna kritiċi ta bidu serju lir-rumanz u lin-novella. Hu siewi ħafna għan-narrattiva Maltija li r-rivista Il-Malti ma timxix fuq kriterji letterarji fissi u esklużivi, iżda turi kif ix-xejriet tal-proża fi lsienna qed jevolvu bejn ġenerazzjoni ta’ kittieba u oħra. Jekk kull xogħol ta’ proża jidher bħala komponent ta’ ġrajja letterarja ikbar, kittieba oħra se jiskopru f’din l-evoluzzjoni letterarja lakuni li huma stess jistgħu jimlew bl-oriġinalità artistika tagħhom. Eżempju tajjeb ta’ din l-evoluzzjoni letterarja jagħtih Henry Holland fin-novella “L-Abbati”. F’dan ir-rakkont id-diskors tan-narratur sikwit isir ħaġa waħda mal-ħsieb tal-karattru, tant li ż-żewġ ilħna ġieli jingħataw f’sekwenza bla qtugħ u jiddeformaw il-grammatika tas-sentenza. Dan l-effett, iżda, jista’ jitqies ukoll bħala trasformazzjoni interessanti tan-narratur oġġettiv, distakkat, u letterarjament mirqum tal-kitba realista f’pajjiżna. Eżempju ieħor hu l-kliem Ingliż, ir-reġistru vulgari, u n-neoloġiżmi li jiffurmaw parti kbira mir-rakkont “Sodda ta’ l-Ilma” ta’ Clare Azzopardi. Dan il-vokabularju jirrifletti d-diskors attwali ta’ poplu bilingwi, iżda jista’ jitqies ukoll bħala defamiljarizzazzjoni artistika tad-diskors aktar mirqum u konxjament letterarju ta’ kittieba li ġew qabel. Din il-ħarġa ta’ Il-Malti tinkludi wkoll żewġ traduzzjonijiet ta’ xogħlijiet letterarji klassiċi: silta mill-Antigone ta’ Sofokle maqluba għall-Malti mir-Reverendu Victor Xuereb, u “Il-Mara Midinba” ta’ Albert Camus maqluba għall-Malti minn Toni Aquilina. Fiha nnifisha, it-traduzzjoni hija opra ta’ arti oħra, u ddaħħal fil-letteratura Maltija temi, arketipi, u paradimmi li saru epitomi, jew mudelli klassiċi, tal-qagħda umana. L-importanza li għandha t-traduzzjoni ta’ xogħlijiet kbar fi lsienna ma teħtieġ ebda enfasi. Il-letteratura Maltija trid tikber mhux biss ’il quddiem, b’innovazzjonijiet artistiċi li jimxu ma’ l-aħħar movimenti letterarji, iżda wkoll (u paradossalment) lura, lejn sfond klassiku, medjevali, jew rinaxximentali li qatt ma kellha, u li forna lil letteraturi oħra b’diversi mudelli u prototipi universali. Wieħed jista’ jargumenta li l-innovazzjoni fil-letteratura Maltija hija sfida diffiċli għax in-norma, jew it-tradizzjoni, mhix eżistenti biżżejjed. B’xorti tajba, ix-xogħlijiet klassiċi ta’ letteraturi oħra llum jitqiesu bħala wirt dinji, u l-karattri u s-sitwazzjonijiet arketipali tagħhom saru entitajiet semjotiċi li qasmu l-fruntieri nazzjonali u ġew assimilati f’diversi kulturi. Bl-għarfien rispettiv tagħhom tal-letteratura Griega u Franċiża, ir-Reverendu Victor Xuereb u Toni Aquilina qed jagħtu lil-letteratura Maltija kontribut tassew siewi: l-importazzjoni ta’ entitajiet letterarji arketipali li f’letteraturi oħra dejjem servew bħala riżorsi allużivi u simboliċi ewlenin. Wieħed mill-prinċipji fundamentali ta’ kull kultura artistika hu li l-bniedem jirreaġixxi għall-kreazzjonijiet tiegħu stess, tant li jittrasforma l-konvenzjonijiet artistiċi f’effetti ġodda, wara li jkun ġie influwenzat minnhom. Din il-ħarġa ta’ Il-Malti qiegħda tistieden lill-qarrej josserva safejn dan il-proċess reċiproku bejn it-tradizzjoni u l-innovazzjoni artistika qiegħed iseħħ fil-letteratura Maltija. Barra minn hekk, din il-ħarġa qiegħda tistieden ukoll lil kittieba oħra tal-Malti biex iqisu fejn, f’dan il-proċess reċiproku, għandu jidher il-kontribut tagħhom. Bernard Micallef |