Ir-Regoli tal-Kitba tal-Malti

 
Meta mqabbel mal-kitba ta’ ilsna oħra, nistgħu ngħidu li l-mod ta’ kif għandu jinkiteb il-Malti jista’ jitqies bħala avveniment pjuttost reċenti. Kellna nistennew sal-1921 biex ikollna alfabett iffinalizzat u sal-1924 biex ikollna grammatika li suppost ikunu aċċettati minn kulħadd. Qabel din id-data kien hemm bosta tentattivi oħra biex jitfasslu alfabett u grammatika ta’ lsienna, xi wħud minn dawn it-tentattivi kienu serji u oħrajn, anqas serji, xi wħud qabdu l-art u oħrajn ma sabux xorti. Uħud mill-ewwel tentattivi li nsibu huma dawk tal-Kanonku Ġanfranġisk Agius De Soldanis bil-grammatika (1750) u d-dizzjunarju tiegħu f’erba’ volumi, ix-xogħol tal-Kavallier Thezan u l-grammatiki u d-dizzjunarju ta’ Mikiel Anton Vassalli. Nistgħu ngħidu li Vassalli għaraf tassew it-tiswir tal-ilsien Malti. Fl-ewwel perjodu tiegħu, meta kiteb Il-Grammatica Melitensis jew Mylsen Phoenico-Punicum (1791) kif ukoll fil-Lexicon (Dizzjunarju Malti – Latin – Taljan), kien għadu jemmen li l-Malti kien imnissel mil-Lhudi u l-Feniċju iżda aktar tard, ta’ studjuż li kien, intebaħ li l-Malti kien aktar jixbah lill-Għarbi.Nistgħu ngħidu li Vassalli kien l-ewwel wieħed li assoċja ittra waħda ma’ ħoss distintiv wieħed fit-tfassil tal-alfabett tiegħu. Madankollu, b’xorti ħażina, xi simboli li uża ma ntlaqgħux tajjeb minħabba li kienu pjuttost strambi għax kienu meħudin fost l-oħrajn, mill-alfabett Feniċju u Grieg. Huwa bidel xi wħud minn dawn l-ittri fil-Grammatica della Lingua Maltese (1827). Wara l-grammatika ta’ Vassalli nkitbu bosta grammatiki oħrajn, fosthom dik ta’ Francis Vella (1831). Ir-regoli tal-ortografija f’din il-grammatika nistgħu ngħidu li kienu bbażati fuq ir-regoli tal-kitba bit-Taljan. Fl-1839 ħareġ il-ktieb English and Maltese Reading Book for the use of Government Primary Schools. L-ortografija użata f’dan il-ktieb kienet taħlita ta’ ittri Rumani u Għarab.Fl-1843 is-Società Filologica Maltese magħrufa wkoll bħala l-Accademia Filologica fasslet alfabett ieħor. Dan l-alfabett kellu 33 ittra u l-għan ewlieni tiegħu kien li jħaffef il-proċess tat-tagħlim tal-kitba Taljana bil-Malti. Dan l-alfabett kien ukoll iddaħħal fl-iskejjel fl-1850 mill-Kanonku Paolo Pullicino iżda ta’ min jgħid li dan l-alfabett ma kellux sisien lingwistiċi u xjentifiċi sodi. Ġara li aktar ma bdew jinħolqu alfabetti ġodda, aktar bdiet tikber il-konfużjoni ta’ kif għandu jinkiteb il-Malti u saħansitra kien hemm żmien li t-tagħlim tal-kitba Maltija fl-iskejjel tal-gvern kellu jieqaf proprju  minħabba nuqqas ta’ alfabett tajjeb. Fl-1845 insibu l-grammatika tal-Kanonku Fortunato Panzavecchia: Grammatica della Lingua Maltese u fl-1882 ix-Xirka Xemija ħarġet l-alfabett fonetiku tagħha li kien fih 29 ittra. Ir-regoli tal-ortografija tax-Xirka Xemija nistgħu ngħidu li kienu tajbin u maħsubin bir-reqqa u mibnijin fuq prinċipji sodi u li servew ta’ bażi għax-xogħol li ħarġet l-Għaqda aktar tard. Insibu bosta tentattivi oħra, bħal ngħidu aħna dawk ta’ Ġanni Vassallo fl-1901. L-alfabett ta’ Vassallo kien simili għal dak tal-Accademia u għall-alfabett fonetiku mfassal minn A.E Caruana fl-190l.


George Farrugia (2009)

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s