
Il-KNM beda billi ġabar lista ta’ dawn il-varjanti u poġġiha fuq is-sit tal-Kunsill biex kulħadd ikun jista’ jaraha u jikteb il-kummenti tiegħu dwar dan il-kliem. Wara din il-fażi kien imiss il-fażi ta’ konsultazzjoni ma’ bosta persuni li jaħdmu f’xi qasam jew ieħor tal-Malti, fosthom, għalliema, kittieba, studjużi, tradutturi u pubblikaturi. Dawn intalbu jagħtu fehmithom fi ktiba. B’kollox il-Kunsill irċieva 33 ktiba li ġew ippubblikati fi ktieb apposta. Dawn il-ktibiet servew ta’ bażi għal seminar nazzjonali li sar fl-20 ta’ Jannar 2007. Wara din il-fażi ta’ konsultazzjoni wiesgħa l-Kunsill ħatar kumitat ta’ esperti biex jiflu l-varjanti u l-fehmiet kollha li kienu ngħataw fuqhom u biex fl-aħħar jaslu għad-deċiżjonijiet meħtieġa u tant mistennija. Dan il-kumitat kien kompost minn dawn il-membri: il-Prof. Albert Borg (il-Koordinatur tal-kumitat), George Farrugia MA (is-Segretarju tal-Kumitat), David Agius Muscat MA, Dr Charles Briffa, Prof. Joseph M. Brincat, Dr Ray Fabri, Prof. Manwel Mifsud, David Muscat BA, PGCE, flimkien ma’ tliet konsulenti, Carmel Azzopardi MA, Joe Caruana MSc u Mag.phil. Maria Ferstl.
Il-kumitat għamel 30 laqgħa ta’ madwar tliet sigħat il-waħda biex jiddiskuti dawn il-varjanti. Fid-diskussjonijiet tagħhom il-membri tal-kumitat dejjem żammew quddiem għajnejhom il-bosta prinċipji differenti li jsawru l-ortografija tal-Malti, ewlenin fosthom, il-prinċipju fonetiku, il-prinċipju fonoloġiku, il-prinċipju etimoloġiku u l-prinċipju morfoloġiku. Għaldaqstant l-għażla finali tal-verżjoni magħżula kienet raġunata u meqjusa biex kemm jista’ jkun ma tkunx arbitrarja. Il-Kumitat ippreżenta rapport dwar id-deċiżjonijiet tiegħu lill-KNM u dan approva dan ir-rapport b’mod unanimu fil-laqgħat tat-12 u s-16 ta’ Ġunju 2008. Dan ir-rapport ġie ppubblikat fi ktejjeb bl-isem ta’ Deċiżjonijiet 1. Dawn id-deċiżjonijiet saru uffiċjali bil-pubblikazzjoni tagħhom fil-Gazzetta tal-Gvern, ħarġa numru 18,286 fil-25 ta’ Lulju 2008. Ġie deċiż li jingħata perijodu ta’ tliet snin li matulu l-varjanti li se jitwarrbu jibqgħu ttollerati u jitqiesu korretti iżda wara dan il-perijodu jibdew jitqiesu tajbin il-forom magħżula biss.
George Farrugia (2009)