Il-Premju Letterarju tal-UE

EUPL_01Dan il-premju importanti ħafna jingħata lil awturi emerġenti Ewropej u jgawdi prestiġju għoli ferm fl-Ewropa, b’mod partikulari hu prestiġjuż għal pajjiż żgħir bħal Malta fejn il-pubblikazzjonijiet letterarji bħala regola jiċċirkulaw biss fil-gżejjer tagħna u rari jixirfu lil hinn minn xtutna.

Il-premju jixħet l-attenzjoni tiegħu fuq kittieba emerġenti u għandu l-għanijiet li jenfasizza r-rikkezza enormi u l-kreattività tal-letteratura Ewropea kontemporanja fil-qasam tal-proża fittizja, li jippromwovi d-diversità sħiħa tal-letteratura Ewropea u li jistimula ċ-ċirkulazzjoni tal-letteratura fl-Ewropa. Billi jesponi x-xogħlijiet ta’ awturi barra minn pajjiżhom, jimmira wkoll li jikkontribwixxi biex titrawwem attitudni favur letteratura li tiġi minn barra l-pajjiż. Ix-xogħlijiet tal-awturi rebbieħa jitwasslu għand udjenza usa’ u internazzjonali u jolqtu qarrejja lil hinn mill-konfini nazzjonali u lingwistiċi.

Il-premju hu organizzat mill-Kummissjoni Ewropea u minn konsorzju magħmul mill-European Writers’ Council (EWC), il-Federation of European Publishers (FEP) u l-European Booksellers Federation (EBF) u hu wkoll ikkofinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-konsorzju msemmi. Il-European Writers’ Council, b’koperazzjoni mill-qrib maż-żewġ entitajiet imsieħba fil-konsorzju, hu responsabbli mill-organizzazzjoni tal-ġurija u l-proċedura tal-għażla f’kull wieħed mill-pajjiżi parteċipanti.

Għal din ir-raġuni, l-Akkademja tal-Malti, li hi membru formali tal-EWC, ingħatat l-inkarigu li tikkoordina l-ħidma fuq livell nazzjonali u s-Sur Carmel Azzopardi, il-President tal-Akkademja, inħatar il-koordinatur nazzjonali tal-proġett.

Fil-premju jipparteċipaw il-35 pajjiż Ewropew li huma msieħba fil-Programm Kulturali tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-pajjiżi jinqasmu fi tliet gruppi.

Fl-2009 rebħu l-premju awturi mill-Awstrija, il-Kroazja, Franza, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja u l-Iżvezja.

Fl-2010 rebħu l-premju awturi mill-Belġju, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja u l-ex Repubblika tal-Jugożlavja.

Malta pparteċipat mal-grupp tal-2011 u magħha kien hemm il-Bożnja u Ħerzegovina, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, l-Iżlanda, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Montenegro, is-Serbja, l-Olanda, it-Turkija, u r-Renju Unit. Kull pajjiż jirbaħ il-premju darba kull tliet snin.

Il-ġurija fil-każ ta’ Malta kienet magħmula minn 5 membri: erbgħa minnhom ġew innominati mill-Akkademja u wieħed mill-Federation of European Publishers, li f’Malta hi rrappreżentata minn Dr Christopher Gruppetta.

Kull awtur rebbieħ jingħata €5,000 u x-xogħol tiegħu jingħata prijorità fl-iskema tal-Unjoni Ewropea li tiffinanzja t-traduzzjoni ta’ xogħlijiet letterarji. L-awturi rebbieħa jgawdu wkoll minn diversi attivitajiet promozzjonali; jingħataw pubbliċità qawwija fil-fiera internazzjonali tal-kotba ta’ Frankfurt u jkollhom coverage importanti waqt iċ-ċerimonja formali tal-għoti tal-premjijiet li ssir fi Brussell. Fl-2010 din iċ-ċerimonja saret fir-Royal Flemish Theatre u l-premjijiet tqassmu mis-Sinjura Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Kultura, l-Edukazzjoni, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ fil-preżenza ta’ numru kbir ta’ persuni prominenti mill-qasam tal-kultura, il-letteratura u l-politika.

Biex awtur jew awtriċi jikkwalifikaw għall-premju jridu jissodisfaw dawn iż-żewġ kundizzjonijiet:

  1. ikunu ċittadini Maltin
  2. ikunu ppubblikaw bejn 2 u 4 kotba (proża fittizja) biex jikkwalifikaw bħala awturi emerġentiL-awturi Maltin m’hemmx għalfejn japplikaw. Il-ġurija se tieħu ħsieb tidentifika l-awturi li jikkwalifikaw u se tgħarbel ix-xogħlijiet tagħhom.

Iċ-ċerimonja formali tal-għoti tal-premjijiet se ssir fi Brussell f’Novembru 2011.

Dan il-premju, li għandu l-appoġġ sħiħ tal-Ministeru tal-Edukazzjoni ta’ Malta, jagħti lil pajjiżna l-istess opportunità li tingħata lil pajjiżi ferm akbar minna u se joffri l-possibbiltà li l-awtur Malti u x-xogħol rebbieħ tiegħu jkunu esposti fil-vetrina wiesgħa tal-Ewropa. Bla dubju jagħti spinta enormi lill-awtur rebbieħ kif ukoll lir-rumanz Malti u lil-letteratura Maltija inġenerali.

Is-sit elettroniku uffiċjali tal-Premju: www.euprizeliterature.eu


L-ewwel Premju Letterarju kien intrebaħ fl-2011 mill-awtur Dr Immanuel Mifsud bix-xogħol letterarju tiegħu Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben).

immanuelmifsud

Pierre J. Mejlak rebaħ il‐Premju Letterarju tal‐Unjoni Ewropea 2014

pierre_mejlakMejlak rebaħ  il‐premju bil‐ġabra ta’ novelli Dak li l‐Lejl Iħallik Tgħid, ippubblikata minn Merlin Publishers fl‐2011. Ir‐rebbieħa tat‐tlettax‐il pajjiż li pparteċipaw fl‐edizzjoni ta’ din is‐sena tħabbru nhar l‐Erbgħa 8 ta’ Ottubru waqt il‐Fiera tal‐Kotba ta’ Frankfurt.

Il‐Premju Letterarju tal‐Unjoni Ewropea hu premju prestiġjuż  li jingħata lil awturi emerġenti Ewropej. Hu aktar prestiġjuż fil‐każ ta’ Malta fejn il‐pubblikazzjonijiet lokali għandhom ċirkulazzjoni limitata u rari jkollhom l‐opportunità li jixirfu lil hinn minn xtutna. Il‐premju jixħet l‐attenzjoni fuq kittieba emerġenti u għandu l‐għanijiet li jenfasizza r‐rikkezza enormi u l‐kreattività tal‐letteratura Ewropea kontemporanja fil‐qasam tal‐proża fittizja, li jippromwovi d‐diversità sħiħa tal‐letteratura Ewropea u li jistimula  ċ‐ċirkulazzjoni tal‐letteratura fl‐Ewropa. Billi jesponi x‐xogħlijiet ta’ awturi barra minn pajjiżhom, jimmira wkoll li jikkontribwixxi biex titrawwem attitudni favur letteratura li tiġi minn barra l‐pajjiż. Ix‐xogħlijiet tal‐awturi rebbieħa jitwasslu għand udjenza usa’ u internazzjonali u jolqtu qarrejja lil hinn mill‐konfini nazzjonali u lingwistiċi. Fi kliem il‐Kummissarju tal‐UE għall‐Edukazzjoni, il‐Kultura, il‐Multilingwiżmu u  ż‐Żgħażagħ, is‐Sinjura Androulla Vassiliou “hu l‐uniku premju internazzjonali ta’ dat‐tip: hu jiċċelebra l‐aħjar talenti ġodda fil‐qasam tal‐proża fittizja tal‐Ewropa u jagħti l‐possibiltà li l‐pubbliku jiskopri awturi emerġenti minn pajjiżi differenti.”

Il‐premju hu kkoorganizzat mill‐Kummissjoni Ewropea u minn konsorzju magħmul mill‐European Writers’ Council (EWC), mill‐Federation of European Publishers (FEP) u mill‐European and International Booksellers Federation (EIBF) u hu kkofinanzjat   mill‐Kummissjoni Ewropea u mill‐ konsorzju msemmi. Il‐European Writers’ Council, f’kollaborazzjoni mill‐qrib maż‐żewġ  organizzazzjonijiet l‐oħra, hu responsabbli mill‐organizzazzjoni tal‐ġuriji u l‐proċedura tal‐għażla f’kull pajjiż parteċipant. Għal din ir‐raġuni, l‐Akkademja tal‐Malti, li hi membru tal‐EWC, ingħatat l‐ inkarigu li tikkoordina l‐ħidma fuq livell nazzjonali.

Il‐premju jingħata lill‐35 pajjiż  li jipparteċipaw fil‐Creative Europe Programme. Dawn il‐pajjiżi jitqassmu fi tliet gruppi u darba kull tliet snin awtur minn kull pajjiż parteċipant jirbaħ il‐premju. L‐ ewwel premjijiet ingħataw fl‐2009 u Malta, flimkien mat‐tnax‐il pajjiż  l‐ieħor fil‐grupp tagħha, ħadet sehem l‐ewwel darba fl‐2011, meta l‐awtur rebbieħ  kien Immanuel Mifsud bir‐rumanz Fl‐ isem tal‐Missier (u tal‐Iben). Il‐pajjiżi l‐oħra li ma’ Malta se jirbħu l‐premju fl‐2014 huma l‐Albanija, il‐Bulgarija, ir‐Repubblika  Ċeka, il‐Greċja, l‐Iżlanda, il‐Latvja, il‐Liechtenstein, il‐Montenegro, is‐ Serbja, il‐Pajjiżi l‐Baxxi u r‐Renju Unit.

Kull awtur rebbieħ  jingħata €5,000 flimkien mal‐possibiltà li jkollu l‐ktieb tiegħu/tagħha maqlub f’lingwi oħra. Dawn it‐traduzzjonijiet igawdu mill‐appoġġ finanzjarju tal‐EU Creative Programme li jissapportja it‐traduzzjoni ta’ letteratura ġdida biex din tasal għand qarrejja ġodda f’pajjiżi oħra. L‐ awturi rebbieħa jgawdu wkoll minn diversi attivitajiet promozzjonali; jingħataw pubbliċità qawwija fil‐Fiera tal‐Kotba ta’ Frankfurt kif ukoll fiċ‐ċerimonja tal‐premjazzjoni li, din is‐sena se ssir fit‐18 ta’ Novembru fis‐sala prestiġjuża Concert Noble fi Brussell. Is‐Sinjura Vassiliou se tippremja lir‐ rebbieħa fil‐preżenza ta’ bosta mistednin distinti mix‐xena kulturali Ewropea, inklużi mistednin Maltin.

L‐Akkademja tal‐Malti tifraħ lil Mejlak għal dan is‐suċċess.

Carmel Azzopardi

L‐Akkademja tal‐Malti
Koordinatur tal‐Premju Letterarju tal‐Unjoni Ewropea 2014

Ħalli kumment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.