L-għażla ta’ Il-Fidwa tal-Bdiewa

Il-ġrajja fil-qosor – u s-siwi tagħha fi żmienna
Il-Fidwa tal-Bdiewa huwa dramm li joħodna fiż-żminijiet medjevali-fewdali meta Malta kienet maħkuma minn Don Consalvo Monroi. Il-Maltin qamu kontrih, qaflu lil martu Donna Costanza fil-Kastell Sant’Anġlu, u talbu lir-Re Alfonso biex jifdu l-gżejjer għal rahan ta’ tletin elf fjorin. Għall-ewwel darba, nilmħu l-fidwa ta’ nazzjon u l-kisba tal-identità nazzjonali mill-poplu nnifsu, patrijottiżmu b’xewqa waħda – dik li jieħu l-ħelsien u jwarrab kull sinjal ta’ skjavitù:
“Ċkejkna ħafna
kienet din l-art minn dejjem u n-nies tagħha
għaxet taħt is-saqajn dejjem ferħana;
il-weġgħa qatt ma ħaset, kielet dejjem
loqom ta’ ħobż u l-id ta’ sidha lagħqet.”
Fi kliem Joe Camilleri, studjuż li ħa ħsieb ifakkar lil Cremona fl-anniversarju li semmejna qabel: “id-dramm isegwi wkoll tifsiliet fejn l-element storiku u mistħajjel, dak patrijottiku, folkloristiku u reliġjuż jitħalltu u jsiru għaġna waħda … il-qalbiena huma l-Maltin li lesti jagħtu ġidhom u jiftaqru għal pajjiżhom … Il-karattri tiegħu mhumiex ġellieda armati u glorjużi. Huma n-nies komuni li Malta qajla ħasbet fihom, imma li fl-imgħoddi storiku tgħakksu huma biex fdew lil arthom. Fi Cremona, dawn in-nies umli, iżda ġenwini, sabu l-interpretu tat-tamiet u tas-sagrifiċċji tagħhom.” (Ninu Cremona 1880-1972, 2022, p. 25).
Din ir-raba’ edizzjoni ta’ Il-Fidwa tal-Bdiewa
Il-ktieb ilu nieqes mill-idejn ’il fuq minn 20 sena. Għal din l-edizzjoni, saru bidliet sostanzjali fil-format u fil-legatura b’qoxra ġdida iebsa u l-kontenut tal-ktieb ġie aġġornat mal-ortografija tal-lum filwaqt li twarrbu żbalji tipografiċi li kien hemm fl-edizzjonijiet ta’ qabel. Ingħatat attenzjoni speċjali matul il-qari tal-provi għall-metrika għax Ninu Cremona fassal il-Poema Drammatika tiegħu fuq l-endekasillabu (il-vers tal-ħdax), xogħol li sar b’mod metikoluż mill-qarrej tal-provi Chris Giordano.
Filwaqt li nżammu l-illustrazzjonijiet oriġinali flimkien mal-qxur tal-edizzjonijiet ta’ qabel, il-ktieb hu mogħni wkoll bi studju kritiku ta’ Ġużè Diacono li deher għall-ewwel darba fl-1972 fis-sensiela Melitensia Publications. Bis-saħħa t’hekk, il-qarrej issa f’idejh mhux biss għandu mill-ġdid il-kapolavur ta’ Cremona imma jsib ukoll studju li aktarx qajla kien jobsor li jeżisti. L-istess ħaġa tgħodd għall-apprezzament qasir ta’ Prof. Oliver Friggieri mislut minn ktieb li llum ukoll mhux fl-idejn – Ir-Ruħ fil-Kelma (KKM, 1973). Silta minn dan l-apprezzament tinsab fuq il-qoxra ta’ wara tal-ktieb:
Malta li jippreżenta Cremona fil-letteratura tiegħu, hi ta’ liema ġeneru hi: hija Malta safja, bla ambizzjonijiet żejda, iżda f’sensiha, bil-qisien ta’ x’inhi u x’għandha tkun, medhija bit-tajjeb tagħha, iżda mhedda minn żmien għal ieħor mill-għedewwa ġewwiena u barranija. Dan l-appell ma jinħass imkien aħjar milli fil-Fidwa tal-Bdiewa, imxandra fl-1936, fejn it-tnejn u għoxrin persunaġġ, ilkoll ulied l-art, marbutin b’ruħhom u b’ġisimhom mal-ambjent, isiru biċċa mill-ambjent, anzi jiksbu t-tifsira tal-eżistenza tagħhom sewwa sew fix-xejriet tiegħu.
Hemm art waħda, hemm għajta waħda, għad li hemm bosta nies, bosta tnehid, u bosta tbatijiet. U fil-fatt, nemmen li fost il-kittieba klassici Maltin li ntrabtu mal-istorja nazzjonali bħala s-sies tal-ispirazzjoni tagħhom, kif ilhom li għamlu l-aqwa kittieba ta’ artijiet oħrajn li bdew joħolqu l-letteratura sekli u sekli twal qabilna, ħadd ma fisser il-moħba tar-ruħ Maltija aħjar minn Cremona.
Din l-edizzjonl-ġdida ta’ Il-Fidwa tal-Bdiewa tinkludi wkoll glossarju ta’ kliem arkajku mfisser bil-Malti tal-lum kif ukoll il-ħames taqsimiet tal-ġrajja mqassra. Hawnhekk tajjeb ngħidu li n-notamenti oriġinali ta’ Cremona kollha nżammu mat-test innifsu u jidhru bħala footnotes.
Joseph P. Borg u Dr Sergio Grech
Edituri
