Ġorġ Mallia

Twieled Ħal Qormi u studja fil-Liċeo, fl-Upper Secondary School u fl-Università ta’ Malta, minn fejn iggradwa B.A. (bl-Unuri) fl-Ingliż fl-1979 u M.A. fl-Istudji tal-Komunikazzjoni fl-1994. Fl-2003 kiseb ukoll Ph.D. fit-Teknoloġija Istruttiva mill-Università ta’ Sheffield, fir-Renju Unit. Għallem fis-Seminarju Minuri għal 15-il sena u kien ukoll għalliem fis-Sixth Form tal-Kulleġġ ta’ Stella Maris u San Alwiġi. Miet fit-19 ta’ Awwissu 2026.

Fl-1996 beda jgħallem fil-qasam tal-komunikazzjoni fiċ-Ċentru għat-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni fl-Università ta’ Malta, l-ewwel bħala assistent lettur, wara bħala lettur mill-2003, u bħala lettur anzjan mill-2008.

Mallia beda l-karriera tiegħu bħala kittieb ta’ stejjer qosra fuq il-BBC World Service fl-1977, u fl-1978 beda Mill-Ħsieb għall-Kelma, programm għar-radju dwar l-analiżi letterarja. Fl-1980 ikkontribwixxa strixxi komiċi għal Il-Ħaddiema Żgħażagħ u mexxa l-ewwel tim responsabbli mid-disinn u l-impaġnar ta’ Il-Ġens. Fl-1988 beda l-istrixxa komika Il-Familja Borg. Beda wkoll jippubblika l-cartoons u l-karikaturi tiegħu fuq livell internazzjonali.

Fl-1989 iddisinja mill-ġdid il-ġurnal Leħen is-Sewwa u bejn l-1990 u l-1992 ippubblika strixxa ta’ karikaturi f’The Sunday Times b’mod regolari. Fl-1990 kiteb u pproduċa s-serje televiżiva Il-Kastell Imsaħħar u fl-1992 ingħaqad mat-tim editorjali għall-produzzjoni tal-magażin Sagħtar. Bejn l-1993 u 2008 ippubblika s-sensiela ta’ komiks soċjopolitiċi One Family f’The Sunday Times li kienet l-unika waħda fi żmienha. L-istrixxa komika Żepp ippubblikaha matul il-pandemija tal-Covid-19 u kienet tidher darbtejn fil-ġimgħa f’The Times.

Fl-1996 Mallia rebaħ il-premju tal-Awtorità tax-Xandir għall-aħjar programm tar-radju tas-sena fit-taqsima kulturali għall-analiżi tiegħu tal-umoriżmu Malti fil-programm Biex Nidħku? Sensiliet oħra li pproduċa għar-radju jinkludu Lwien u Għandi Pjaċir.

Huwa ppreżenta għadd sabiħ ta’ kitbiet ta’ riċerka dwar il-komunikazzjoni, id-disinn u t-teknoloġija f’bosta pajjiżi, u ta wkoll bosta lectures barra minn Malta, l-aktar fl-Università ta’ Malmö u fl-Università ta’ Lund, it-tnejn fl-Iżvezja. Kien ukoll membru ta’ bordijiet editorjali ta’ ġurnali akkademiċi u f’kumitati xjentifiċi ta’ konferenzi ta’ riċerka. Fl-2005 inħatar chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, u ġie kkonfermat mill-ġdid f’din il-kariga fl-2007 u fl-2009. Kien ukoll fil-kumitat tal-International Conference on Information, Communicatin Technoloġies in Education (ICICTE) li tinżamm fil-Greċja.

Il-pubblikazzjonijiet ta’ Mallia jinkludu s-sensiela ta’ kotba Pullu għat-tfal u Il-Kukkudrill Eroj mal-Klabb Kotba Maltin (2000–2006), kif ukoll stejjer qosra, kotba komiks, stejjer bl-avventuri u għadd ta’ studji f’pubblikazzjonijiet akkademiċi. Bħala kittieb, Mallia nsibuh iħaddem il-proża idjomatika Maltija; bħala illustratur, jgħaqqad it-tpinġija bl-idejn ma’ grafika ġġenerata bil-kompjuter.

Pubblikazzjonijiet

1977: Mill-Art ta’ Qatt u Qatt (storja qasira)

1977: Dwal (editur u kontributur).

1982: L-Avventuri ta’ Adron, Re

1985: Żagħżugħ bla Isem

1987: Ktieb ix-Xwejjaħ. Edizzjoni ġdida fl-2023.

1992: A Childhood of Delight (koawtur ma’ Charles Briffa).

1993: Avventura taħt l-Art (avventura għat-tfal)

1993: Peter Pan (traduzzjoni minn J. M. Barrie)

1996: Taħt Sema Kwieġeb (ma’ Trevor Zahra). Rebbieħ tal-Premju Letterarju Malti għall-Aqwa Produzzjoni ta’ Ktieb tal-1996

1996: Tużżana: stejjer għat-tfal minn 12-il kittieb

1998: Tużżana (stejjer għal tfal akbar, ma’ Trevor Zahra). Rebbieħ tal-Premju Letterarju Malti għall-Aqwa Ktieb għat-Tfal tal-1998

2000: Pullu taħt is-Sodda (ktieb għat-tfal)

2000: Way and Measures – Teaching and Assessing Young Learners of English as a Foreign Language (editur, Charles Mifsud)

2001: Pullu u d-Dragun (ktieb għat-tfal)

2002: Il-Kotba għat-Tfal (Sensiela Kullana Kulturali) ed. Charles Briffa u Trevor Żahra.

2002: L-Avventura ta’ Pullu (ktieb għat-tfal)

2003: Pullu u t-tifla mill-Ispazju (ktieb għat-tfal)

2009: Pullu u d-Dinja Nadifa (ktieb għat-tfal)

2004: Il-Kukkudrill Eroj (ktieb għat-tfal)

2005: Il-Ħolma ta’ Pullu (ktieb għat-tfal)

2014: The Social Classroom: Integrating Social Network Use in Education

2015: Il-Professur Għasfur

2016: Sigurd and the Tree of Life

2017: The Metal Art of Marie Louise Kold

2019: My love had eyes of blue and dreams

2020: Melanie and Karl’s Enchanted Adventure

2020: L-Avventura Msaħħra ta’ Melanie u Karl

2020: Mitt Ruħ – Mikrostejjer dwar nies li jistgħu jkunu vera

2020: Rhapsody-In-Pain

2021: Il-Professur Għasfur fl-Ispazju

2022: Żepp: His Pandemic Years

2021: Il-Ħamsin (editur)

2021: Minn ġol-Gaġġa (editur)

2023: Il-Fantastiku: Stejjer minn Hawn u Hemmhekk

2024: L-Istejjer tal-Professur Għasfur

Riferenzi:

Biographies of the 20th Century PIN (2009)

Ir-Rumanz Malti fit-Tieni Nofs tas-Seklu Għoxrin (Kullana Kulturali) nru. 60 (2004)

Il-Kotba għat-Tfal (Kullana Kulturali) nru. 34 (2002)

ĦELA (sit elettroniku)