Victor Xuereb

Victor Xuereb twieled in-Naxxar fl-4 ta’ Ottubru 1930 u wara li ħa l-edukazzjoni formali tiegħu kompla jistudja s-Seminarju. Fl-1949 huwa ngħaqad mas-Soċjetà ta’ Ġesù (il-Ġiżwiti) u ssokta l-istudji tiegħu fil-Kulleġġ ta’ Heythrop u fl-1956 ħa d-dottorat tiegħu. Huwa studja wkoll fl-Università ta’ Oxford minn fejn iggradwa MA fil-Latin, fil-Grieg u fil-Filosofija (1961) u fil-Kulleġġ ta’ Weston, f’Boston minn fejn iggradwa S. Th. L. (1965). Hemmhekk fl-1964 ġie ordnat qassis mill-Kardinal Cushing.

Rev. Xuereb kien membru fil-Bord tal-Fakultà tal-Università ta’ Gonzaga, f’Washington, fejn għallem il-Latin, il-Grieg u t-Teoloġija (1965-1967). Fl-1967 kien maħtur Superjur tan-Novizzi f’Dar Loyola, fin-Naxxar u kien lettur tal-Iskrittura Mqaddsa fis-Seminarju ta’ Għawdex.

Huwa għallem ukoll f’Londra fil-Kulleġġ ta’ San Injazju (1980-1982) u għallem il-Filosofija u d-Divinità fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi u fil-Fakultà tat-Teoloġija tas-Seminarju kif ukoll fl-Istitut tal-Istudji Reliġjużi. Huwa kien ukoll lettur fid-Dipartiment tal-Klassiċi, fl-Università ta’ Malta.

Rev. Xuereb serva bħala Rettur fil-Kunvent ta’ San Filippu fl-Isla (1982-1990 u 1994-2002) kif ukoll f’Dar Sarria fil-Furjana. Fl-1991 ngħata l-unur prestiġjuż Città di Valletta għal-letteratura.

Rev. Victor Xuereb jibqa’ magħruf għat-traduzzjoni tiegħu tal-Odissea (1991) u L-Ilijade (1997) ta’ Omeru, kif ukoll ta’ L-Enejde (2006) ta’ Virġilju. Kien membru tal-Akkademja tal-Malti u serva wkoll fil-kunsill tagħha.