Kitba ta’ Frank Zammit
Ġużeppi Barbara, bin Grezzju, minn Bormla u Katerina née Micallef, mill-Isla, twieled Bormla fid-29 ta’ Marzu 1920. Missieru kien shipwright fit-tarzna ta’ Bormla “paga miżera ta’ tliet liri fil-ġimgħa … ma kienx ta’ skola”. Ommu, aktar magħrufa bħala Kitty, “kienet ta’ ftit skola”, ġejja minn familja numeruża, iżda kienet ta’ dixxiplina kbira.
Ġużeppi beda l-edukazzjoni tiegħu mas-Sorijiet Franġiskani f’Bormla. Minn hemm għall-iskola infantili mbagħad għall-primarja, ta’ Bormla wkoll. Fl-istess żmien kien jara żewġt aħwa patrijiet Dumnikani li kienu sikwit iżuru l-familja tagħhom fl-istess triq tiegħu, u jgħid li “Il-kappa sewda tagħhom tperper mar-riħ ħajritni”. Sadattant, fl-1930 daħal il-Liċeo tal-Belt u kien jaqbad id-dgħajsa jew il-lanċa kuljum bejn Bormla u l-Belt. Għamel xi żmien qasir il-M.U.S.E.U.M., iżda malajr tħajjar “għat-teatrin tal-Kantur ta’ Bormla”, fejn jgħid li dejjem tawh “il-parti tat-tifel”.
F’noti awtobijografiċi li ħalla f’idejn l-awtur ta’ din il-kitba, huwa jistqarr li l-istudju formali qatt ma ħamlu – fatt li sikwit tellfu opportunitajiet li b’danakollu ma jisgħobbihx li tilef. Fil-Liċeo kellu surmastrijiet mill-aqwa, u jgħid, pereżempju, li kien grazzi għall-ħeġġa li nissel fih il-professur tat-Taljan Fabriani li huwa tħabbeb mal-letteratura Taljana, u wara ftit, għal dik Maltija. Il-kors fil-Liċeo xejn ma kien ta’ suċċess għax sa minn kmieni ttraskura l-istudju u baqa’ sejjer lura sakemm kellu jirrepeti l-Quarta. Iżda billi sa dak iż-żmien kien diġà waħħal f’moħħu li jsir patri, ma ħadhiex bi kbira, għalkemm it-tbeżbiża rabbietlu l-għaqal. Fil-fatt, ta’ 15-il sena, fl-1935 bidel l-iskola u daħal St. Paul’s School, fi Triq l-Ifran, il-Belt, fejn għamel il-Quinta u f’kull eżami kien jiġi minn ta’ quddiem nett. Dak iż-zmien jgħid li rrealizza li “Kelli talent u rmejtu!” Iżda mbagħad ikompli jgħid “kull deni ħudu b’ġid” u jispjega li kieku mar l-università x’aktarx li kien jaqbad xi rotta oħra u kien “jitlef is-sodisfazzjon li gawdejt bix-xogħol li għamilt f’ħajti”.
Ġużeppi beda n-novizzjat mad-Dumnikani fir-Rabat fl-1936, meta tawh l-isem ta’ Fra Valentin Vinċenz. Tgħallem idoqq l-orgni taħt id-direzzjoni ta’ Patri Ġjaċint Darmanin u fost karigi oħra, baqa’ dejjem jaqdi dmiru bħala organista sakemm dam mad-Dumnikani. Fid-19 ta’ Diċembru 1942 ordna saċerdot, b’dispensa speċjali billi kien għad għandu 22 sena u għalhekk kien taħt l-età preskritta ta’ 24 sena qabel seta’ jieħu l-quddiesa.
L-ewwel poeżija li kiteb kienet “Lil Dun Karm”, li ma żammx kopja tagħha, iżda jiftakar li kien kitibha “f’inqas minn xahar wara li qaddist”. Patri Valentin isemmi lil Dun Karm, Ġużè Chetcuti u Karmenu Vassallo li minħabba kitbiethom tħeġġeġ biex jikteb il-poeżiji bil-Malti. Kien mar tajjeb ħafna f’xi konkorsi tal-poeżija u meta saru jafu bih tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti (L-Akkademja tal-Malti), il-Kunsill ħatru membru akkademiku tal-Għaqda, u aktar ’il quddiem serva fil-Kunsill ukoll.
L-ewwel xogħol letterarju aktar serju tiegħu kien it-traduzzjoni “Ġulju Ċesri” ta’ Shakespeare. Meta s-superjuri indunaw bit-talent tiegħu, ma damux ma bdew jgħabbuh bix-xogħol. Kien żmien il-gwerra u tqis kollox ma’ kollox Patri Valentin ħassu għajjien sewwa, meta kiteb waħda mill-isbaħ poeżiji tiegħu “Nistrieħu Ftit”. Permezz ta’ Dun Karm, il-Provinċjal wissa lil Patri Valentin biex “ma jiktibx poeżiji pessimisti bħal dik”, iżda l-Pirjol tal-kunvent fehem il-poeżija b’mod aktar xieraq u naqqaslu xi ftit mix-xogħol li kien wisq mgħobbi bih. Imbagħad, wara l-gwerra, waqt li kien residenti fil-kunvent tal-Birgu, l-Arċisqof Gonzi ħatru Kappillan tas-Sorijiet Dumnikani fl-orfanatrofju ta’ Ħaż-Żabbar, fejn kellu esperjenzi li ħallewlu memorji x’aktarx negattivi tal-qagħda tiegħu twila hemmhekk.
F’Jannar tal-1947 intgħażel biex imur jagħmel kors Ruma fl-Istituto Pontificio di Musica Sacra. Patri Valentin ħass li ma kienx ippreparat biżżejjed għal kors ta’ dak il-livell, iżda ta’ patri li kien obda u mar. Hawn itenni l-inkompatibbiltà li kellu mal-istudju formali, u xejn ma qata’ figura sabiħa f’din it-tentattiva, għalkemm fl-aħħar spiċċa biex kiseb Baċellarat fil-Kant Gregorjan.
Fl-1948 beda jgħallem il-Malti fil-Kulleġġ San Albert il-Kbir, il-Belt, u fl-istess żmien beda jgħin bħala assistent editur tar-rivista “Ir-Rużarju”, li aktar ’il quddiem sar l-editur tagħha. Sal-1953 laħaq ittraduċa u ppubblikawlu l-ewwel tliet kotba tal-“Confessiones” ta’ Santu Wistin, waqt li safa mkaxkar ma’ għadd ta’ kittieba oħra Maltin li dak iż-żmien kienu jħaddnu l-prinċipju tas-Safiżmu – ħaġa li jgħid li ma damx m’abbanduna meta ntebaħ li kien impossibbli li juża dejjem l-għeruq Maltin biex ifisser moħħ Latin ikkomplikat.
Kien ilu diġà ftit snin sewwa ħabib ta’ Rużar Briffa, u ma’ xi oħrajn kien ilu jħajjar lil Rużar jippubblika l-poeżiji tiegħu. Fl-aħħar, fl-1960 f’laqgħa każwali fit-triq qrib Putirjal, Rużar aċċetta, u ħalla kollox f’idejn Valentin, anki biex idurlu l-poeżiji għall-ortografija u jlestihomlu għall-istampa. Sadattant Louisette, mart Rużar, kienet qiegħda tfittex, tiġbor u tittajpja dawn il-poeżiji oriġinali. Meta fis-6 ta’ Diċembru 1960 Valentin ħa l-ewwel kopji tal-ktieb lil Rużar, dan “Ħadhom f’idejh bi tbissima ħelwa ta’ sodisfazzjon u kważi bid-dmugħ ta’ ferħ f’għajnejh”. Rużar miet fit-22 ta’ Frar tal-1963. Ftit ġimgħat wara Patri Valentin ħa sehem attiv fit-tfakkira li saritlu fl-Università l-Belt.
Fil-bidu tas-sittinijiet Patri Valentin kien mitlub mis-Sorijiet Dumnikani biex jgħinhom fl-applikazzjoni tagħhom biex minn kongregazzjoni djoċesana jgħaddu għal waħda ta’ ġuriżdizzjoni diretta tar-Reliġjużi. Dan għamlu b’sagrifiċċju kbir u b’ħila bbażata fuq l-istudju li kien għamel qabel dwar id-dritt kanoniku.
It-Tieni Konċilju Vatikan donnu fetaħ djarju ġdid fil-ħajja reliġjuża u akkademika ta’ Valentin Barbara. L-inklużjoni tal-Malti f’mitt ħaġa reliġjuża u l-ħtieġa ta’ Bibbja aktar ħafifa għal moħħ il-poplu tefgħu lil dan il-bniedem għaref u ħabrieki f’baħar miftuħ ta’ ħidma sfiqa li għalkemm kienet ta’ sodisfazzjon kbir għalih, sikwit heddetu bl-għarqa!
Fuq rakkomandazzjoni ta’ ħabibu Dun Karm Sant, il-President tal-Kummissjoni Liturġika, il-Professur Mons. Ġużeppi Lupi, ħatru membru tal-kummissjoni ġdida tat-tradutturi. Bdew xogħol immedjat fuq il-Missal u l-Liturġija tal-Kelma, meta Valentin iddaħħal ukoll fil-Kummissjoni Liturġika. Ma damx ma tgħabba b’xogħol bla qies. Ittraduċa r-rit tas-Sagramenti kważi waħdu, kif ukoll il-Liturġija tas-Sigħat (il-Brevjar). Barra minn hekk tħallew f’idejh ukoll l-arranġamenti tal-istampar, u kien jeċċita ruħu wisq minħabba l-possibiltà li jaħarbu xi żbalji dottrinali jew oħrajn fit-tbigħ jew l-impaġinazzjoni ta’ kull dokument tradott! Dan għalih kien piż tremend u kien jagħtih ġewwa!
Valentin isemmi żewġ inċidenti ta’ nuqqas ta’ qbil aktar prominenti minn xi oħrajn fil-karriera tiegħu twila fil-qasam tat-traduzzjoni. L-aktar każ importanti kien meta l-Kongregazzjoni Mqaddsa tal-Vatikan ma aċċettatx it-traduzzjoni tiegħu tas-Sagrament tal-Morda. Dan għax hu ħass li l-partiċipju passiv li t-test Latin juża biex jindika li l-maħfra tad-dnubiet hija ‘indiretta’, ma jagħmilx sens ċar fil-Malti, għalhekk huwa uża l-indikattiv attiv. F’dan l-argument Valentin kiseb l-appoġġ tal-presidenti u l-professuri kollha involuti fl-awtorità tal-liturġija f’Malta, inkluż l-Arċisqof Gonzi. Mons. Lupi mar Ruma biex jiċċara aktar ir-raġuni. Fl-aħħar il-Kongregazzjoni aċċettat il-verżjoni ta’ Valentin bla ebda tibdil.
L-inċident l-ieħor ġara fl-istess żmien ta’ għaġla biex isiru ħafna traduzzjonijiet tal-liturġija wara l-Konċilju. Malta ma setgħux jistennew aktar lill-Vatikan biex jibagħtilhom it-test Latin tar-riti tat-Tliet Ijiem Wara l-Għid, u għalhekk l-awtoritajiet ekkleżjastiċi Maltin awtorizzaw lill-Patri Valentin biex jittraduċihom mit-traduzzjoni ġdida u lesta Taljana, li x-xitan ried li bi żball kienet nieqsa mill-isem ta’ San Lawrenz. Patri Valentin ma indunax b’dan in-nuqqas, u bħat-Taljani ħalla lil San Lawrenz barra. Min għandu xi ħjiel tal-livell tal-pika tradizzjonali li teżisti fil-Birgu bejn Ta’ San Duminku ta’ Ta’ San Lawrenz jista’ jaħseb x’pandemonju nqala’ malli dehret it-traduzzjoni ta’ Valentin! Dan kien saħansitra rrappurtat lill-Vatikan għall-vendikazzjoni li għamel lilhom u lill-Patrun tagħhom San Lawrenz, u povru Valentin, b’appoġġ sħih mill-Vatikan stess, kellu jispjega l-biċċa biex jikkalma t-theddida ta’ rivoluzzjoni li kienet riesqa lejn il-belt dejjem trankwilla tal-Birgu!
L-Arċisqof Gonzi tant kellu fiduċja f’Patri Valentin, li malli waqqaf is-senat presbiterjali ħatru President ta’ wieħed mid-distretti u hekk, forsi bla ma ħaseb, kompla għabbieh b’aktar xogħol, tant, li fil-bidu tas-sebgħinijiet huwa stqarr li kien “fgat bix-xogħol” u li “ix-xogħol beda jagħmel tiegħu”. Dawn kienu stqarrijiet qawwija minn bniedem li qatt ma beża’ mix-xogħol, anzi dejjem daħal għalih b’ħeġġa kbira u konvinzjoni sħiħa sakemm ilestih.
Fl-istess epoka jsemmi xi nuqqas ta’ ftehim ma’ xi superjuri immedjati tiegħu u jirreferi għal xi inkwiet fl-orfanatrofju ta’ Ħaż-Żabbar fejn kien baqa’ jmur iqaddes. Sadattant l-Arċisqof ħass id-dmir li b’xi mod juri l-apprezzament tal-Knisja għal dak kollu li kien qiegħed jagħmel dan is-saċerdot ħabrieki u ta’ ħila kbira, u għalhekk imbagħad, fuq rakkomandazzjoni ta’ Dun Karm Sant irrakkomandah lill-Vatikan biex f’Ġunju tal-1974 ingħata d-dekorazzjoni prestiġjuża Pro Ecclesia et Pontifice (P.E.P.). Ironikament, kien biss ftit xhur wara, fit-22 ta’ Ottubru tal-istess sena, li Patri Valentin ħalla ’l Malta biex imur iqatta’ ftit xhur ta’ mistrieħ fl-Awstralja fejn seta’ wkoll igawdi ’l ħutu u l-familji tagħhom.
Jgħid li ħutu l-bniet bilkemm għarfuh u qabdu jibku xħin rawh hekk mixrub u għajjien, (u dan ġie kkonfermat lill-awtur mill-istess ħutu). Tilef ħafna piż u kien fuq medikatura stretta ta’ kalmanti. Iżda malli waħda minn ħutu ġew f’idejha dawn il-pilloli li kien qed jibla’, ramithomlu “barra bir-rabja fit-triq”. Ma damx wisq ma ħass ruħu ta’ piż żejjed fuq il-familja t’oħtu li żammitu magħha, għalhekk ra l-ħtieġa li jsib xogħol biex jgħin ruħu u lill-familja t’oħtu wkoll. Sab xogħol ta’ assistent skrivan il-Posta. Imbagħad wasallu ż-żmien serju li kien ilu jkiddu, tad-deċiżjoni li ma kienet xejn faċli għalih, u jgħid: “… rajt li kelli naqtagħha darba għal dejjem u nikteb lill-Provinċjal għad-dispensa”. Minn dak il-ħin Valentin Vinċenz Barbara sar ukoll persuna eminentissima fl-istorja tal-Maltin emigranti fl-Awstralja – sa ċertu punt b’telfa kbira għal Malta, iżda ċertament b’xorti akbar għalina l-Maltin emigranti, speċjalment fl-Istat ta’ New South Wales!
Bil-mod il-mod Valentin, li għalkemm l-Awstralja sar magħruf bħala Joe Barbara, xorta baqa’ jżomm l-isem tal-pinna Val. V. Barbara, ma damx ma stejqen mid-dipressjoni qawwija li kienet ħakmitu. Beda jitħallat mal-komunità. Għaqqad kumpanija tat-teatrin u anki ssieħeb fil-Programm Malti tar-radju tal-iSpecial Broadcasting Services (S.B.S.) f’Sydney bħala producer u xandar tal-letteratura Maltija, fejn baqa’ sakemm il-ħin kien jippermettilu.
Sħabu u l-ex superjuri tiegħu reliġjużi f’Malta, bil-fatti jekk mhux bi kliemhom ċar, issimpatizzaw miegħu għal dak li għadda minnu bħala vittma taċ-ċirkustanzi, u ma damux biex għal darba oħra bdew jerġgħu jittantawh u jgħabbuh bix-xogħol. Iżda issa ħaseb li kien hemm differenza għax (forsi!) tgħallem mill-passat u qagħad ftit aktar attent x’jaċċetta u kemm jaċċetta xogħol. Sakemm ħalliena, wara għoxrin sena oħra ta’ ħidma sfiqa letterarja, wettaq wisq aktar xogħol letterarju fl-Awstralja milli kien wettaq f’Malta.
Ftit wara li wasal l-Awstralja, Patri Valentin kien mar jara lid-delegat tar-reliġjużi lokali u sar ħabib tiegħu, kif baqa’ sal-aħħar ta’ ħajtu. Dan sa mill-ewwel laqgħa li kellhom flimkien fehem sewwa l-qagħda tiegħu u għenu f’kulma seta’, tant li meta wasal iż-żmien laqqgħu ma’ mara eżemplari bi ħsieb ta’ żwieġ, għax hu ma riedx jibqa’ jgħabbi lil ħutu bil-piż tiegħu. L-għerusija għaddiet għaż-żwieġ li sar fil-5 ta’ Marzu 1977. Kellhom tarbija waħda li b’sogħba mill-akbar għalihom mietet ftit sigħat biss wara li twieldet u laħqu għammduha b’talba urġenti u semmewha Katerina. Xtraw dar li kienet għadha qed tinbena fi Blacktown, NSW, u flimkien sawru ġnien madwarha li kien l-għaxqa tagħhom, dejjem miżmum pinna.
Sadattant Malta laħaq Provinċjal ġdid tad-Dumnikani Patri Pawl Cremona (l-Arċisqof preżenti) li tħabat ħafna biex isib il-kotba li Patri Valentin kien ħalla warajh fil-kunvent tal-Birgu. Sablu xi wħud minnhom li bagħatlu Sydney minnufih. Dawn kienu għodda wisq siewja f’idejh, u sikwit kien jibki t-telfa tal-kumplament tagħhom li kien tilef. Dan il-fatt kien għen biex tibda korrispondenza twila u wisq siewja bejn dawn iż-żewġ persuni eminenti u ħabrieka li wasslet għal bosta ġid li minnu gawdew l-Ordni Dumnikan u l-letteratura Maltija.
Flimkien ma’ din il-korrispondenza nbdiet oħra mal-ħbieb qodma, ex superjuri, professuri u oħrajn, u din irriżultat f’aktar xogħol iebes għal Joe, li reġa’ beda jgħaġġeb lil kulħadd bl-interess ġenwin, bil-ħeġġa, l-urġenza u s-serjetà li bihom kien jaħdem mingħajr heda. Il-qatla tiegħu kienet meta ta’ Malta, minkejja li jkun qed jipprova jaqdi lilhom, idumu tant ma jweġbuh jew jittardjaw b’xi materjal li jkunu ilhom li wegħduh. Arah bil-geddum jiftaħ u jagħlaq l-e-mail; tiela’ u nieżel bis-sigarett f’idu, jiċċekkja l-kaxxa tal-ittri u jgerger bit-traskuraġni u n-nuqqas ta’ ħeġġa ta’ xi wħud. (Dan jien nafu għax b’xorti kbira, ftit wara li ġie l-Awstralja, sirt wieħed fost il-ftit ħbieb tal-qalb li kellu, kif bqajt sal-aħħar nifs ta’ ħajtu). Irnexxielu wkoll jitgħallem waħdu l-kompjuter, u fi ftit żmien sar tant effiċjenti li beda jipproduċi l-master b’mod professjonali mill-bidu sal-aħħar, lest għat-tbigħ.
Fit-28 ta’ Marzu 1990, waqt lejla letterarja organizzata f’ġieħu f’għeluq is-70 sena minn twelidu u għall-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tat-traduzzjoni tiegħu tal-Istqarrijiet ta’ Santu Wistin, Frank Zammit, President tal-Għaqda Kulturali Maltija ta’ NSW, ippreżentalu l-Premju Kulturali Malti b’apprezzament għal ħidmietu b’risq il-letteratura u l-kultura Maltija.
Fost għadd ta’ ittri ta’ awguri għal din l-okkażjoni, f’waħda minnhom il-Professur Oliver Friggieri stqarr li Valentin V. Barbara. jinsab “fil-filliera ta’ quddiem nett fl-istorja tat-tradutturi Maltin”.
Wara ħafna snin oħra ta’ ħidma intensiva u marda qasira, (Joe) Val. V. Barbara, ikkonfortat mis-Sagramenti amministrati minn Fr Luke, patri Dumnikan Awstraljan, u mdawwar mill-familjari tiegħu u ftit ħbieb, ħalla dan il-qasam dinji ta’ ħidmietu fis-6 ta’ Mejju, 2004.
TRADUZZJONIJIET TA’ VAL. V. BARBARA
Mil-Latin
L-ewwel żminijiet tal-Ordni tal-Predikaturi, tal-Beatu Ġordan tas-Sassonja O.P.
Fjuretti Dumnikani (Vitae Fratorum), ta’ G. Frachet O.P.
L-Istqarrijiet ta’ Santu Wistin.
Id-Digriet tat-II Konċilju Vatikan fuq il-formazzjoni saċerdotali Optatam Totius.
Id-Digriet tat-II Konċilju Vatikan fuq il-misteru u l-ħajja tas-saċerdoti Presbyterorum Ordinis.
Għaqda fl-imħabba – l-Ewkaristija u ż-Żwieġ imfissrin minn V. V. Barbara u Ġ. Frendo O.P.
Innijiet Liturġiċi – ġabra użata fil-Liturġija tas-Sigħat skont ir-rit Ruman u r-rit Dumnikan.
Il-Belt ta’ Alla – Civitas Dei, ta’ Santu Wistin.
Il-Prietka tal-Muntanja – De Sermone in Monte, ta’ Santu Wistin.
Mill-Ingliż
Lacordaire, ta’ M. V. Woodgate.
Ġulju Ċesri, minn Julius Caesar, ta’ William Shakespeare.
Dar tal-Pupa, minn traduzzjoni Ingliża tad-dramm ta’ Henrik Ibsen (mhix Stampata).
Id-Djabete, ktieb maħruġ mill-Kummissjoni tal-Affarijiet Etniċi u d-Dipartiment tas-Saħħa ta’ N.S.W.
Mill-Franċiż
Fis-Skiet Quddiem Alla, ta’ M. Philippon O.P.
Mit-Taljan
Il-Ħabib Divin, ta’ G. Shryvers C.SS.R.
Agħtini Ruħek, ta’ G. Shryvers C.SS.R.
Ommi Marija, ta’ G. Shryvers C.SS.R.
Erwieħ ta’ Fiduċja, ta’ G. Shryvers C.SS.R.
Għaxar Snin Ħabs, ta’ S. Pellico.
Il-Lukandiera, kummiedja ta’ C. Goldoni (mhix stampata).
Il-ħajja ta’ San Martin de Porres
Mill-Ispanjol
It-Triq, ta’ J. M. Escriva.
Agħtina x-Xita, ta’ M. Descalzo.
Bħala membru tal-Kummissjoni tal-Għaqda Biblika għat-traduzzjoni tal-Bibbja bil-Malti:
Mil-Lhudi
Il-Għanja tal-Għanjiet.
Il-ktieb tal-Profeta Hosegħa.
Il-ktieb tal-Profeta Ġoel.
Il-ktieb tal-Profeta Għamos.
Il-ktieb tal-Profeta Għabdija.
Il-ktieb tal-Profeta Ġona.
Il-ktieb tal-Profeta Mikea.
Il-ktieb tal-Profeta Naħum.
Il-ktieb tal-Profeta Ħabakkuk.
Il-ktieb tal-Profeta Sofonija.
Il-ktieb tal-Profeta Ħaggaj.
Il-ktieb tal-Profeta Żakkarija.
Il-ktieb tal-Profeta Malakija.
Mil-Lhudi u l-Aramajk
Il-ktieb tal-Profeta Danjel.
Mill-Grieg
Il-Vanġelu ta’ San Mattew.
Il-Vanġelu ta’ San Mark.
Il-Vanġelu ta’ San Luqa.
Il-Vanġelu ta’ San Ġwann.
L-Ittra ta’ San Ġakbu.
L-I, it-II, u t-III Ittra ta’ San Ġwann.
L-Apokalissi ta’ San Ġwann.
Kotba liturġiċi maqlubin mil-Latin u użati uffiċjalment fil-Liturġija (N.B. It-testi bibliċi ttieħdu mit-traduzzjoni tal-Għaqda Biblika):
Il-Missal (l-ordinarju tal-quddiesa u t-tliet kanoni ewlenin inħadmu flimkien ma’ membri oħra ta’ kummissjoni apposta).
Il-Liturġija tas-Sigħat (xi innijiet u għadd ta’ lezzjonijiet għall-Uffiċċju tal-qari nqalbu minn oħrajn).
Ir-Rit tal-Magħmudija.
Ir-Rit tas-Sagrament tal-Morda.
Ir-Rit taż-Żwieġ.
L-Ordni tal-Funerali.
L-Ordni tal-Professjoni Reliġjuża.
Il-Liturġija tas-Sigħat skondt ir-Rit Dumnikan.
Il-Ktieb tat-Talb tal-Ordni tal-Predikaturi.
Kotba oriġinali ta’ V.V.B
Min Kienu, tagħrif fuq persuni li jissemmew fil-Bibbja, Media Centre, Malta 1997.
Persons in the Bible, verżjoni bl-Ingliż ta’ ‘Min Kienu’ (lest għall-istampa).
Versi Marjani u Dumnikani, edizzjoni limitata privata li mhix ippubblikata.
Intietef, ġabra ta’ poeżiji ta’ V.V.B., edizzjoni limitata privata li mhix ippubblikata.
Intietef Oħra, ġabra ta’ proża ta’ V.V.B., edizzjoni limitata privata li mhix ippubblikata.
Minbarra dan kollu Val. V. Barbara pprepara u ssettja l-master lest għall-istampa ta’ kotba u xogħlijiet diversi għal awturi oħrajn, bħal: Is-Sagramenti, ta’ Patri Ġorġ Frendo u Patri Ġwann Frendo O.P. u għadd ġmielu ta’ kotba ta’ ħabibu Frank Zammit, l-awtur ta’ din il-kitba.