Rużar Briffa

RużarBriffabio_10Rużar Briffa twieled il-Belt fis-16 ta’ Jannar 1906 minn ommu Ġovanna u missieru Duminku. Huwa tgħallem l-iskola elementari tal-Gvern f’Sant’ Iermu l-Belt u wara l-Liċeo. Fl-1923 beda jgħallem mad-Dipartiment tal-Iskejjel Elementari u kien l-ewwel għalliem bil-matrikola fid-Dipartiment. Hu beda jgħallem fl-iskola primarja ta’ Ħaż-Żabbar.

Fl-1924 beda jistudja l-mediċina fl-Università tagħna bil-għan li b’din il-professjoni jkabbar is-sbuħija tal-ġilda tal-bniedem u jnaqqas il-kruha. F’dik l-istess sena kiteb l-ewwel poeżija magħrufa tiegħu Lacrymae Rerum. Fl-1926 issieħeb fl-Akkademja tal-Malti u ħa f’idejh ħarġa speċjali ta’ Il-Malti għall-istudenti universitarji. Tul is-snin li dam jistudja l-mediċina rebaħ għadd ta’ premjijiet (konkorsi) tal-Pronostku Malti u fl-1931 wara li kiseb il-grad tal-Baċċellerat tax-Xjenza (B.Sc.) flimkien ma’ ħabibu Ġużè Bonnici waqqaf l-Għaqda tal-Malti (Università) u beda joħroġ il-Leħen il-Malti.

bio_13Briffa ma damx wisq imexxi l-Għaqda tal-Malti għax f’dik l-istess sena ngħata borża ta’ studju biex ikompli jispeċjalizza fil-qasam tad-Dermatoloġija f’Londra. Fl-1932 ġie lura Malta bħala speċjalista tal-mard tal-ġilda. Sena wara żżewweġ lil Constance Winifrid Dunn u fl-1936 twilditilhom tifla li semmewha Ċeċilja. Briffa kien ta sehem importanti kontra l-pesta li faqqgħet fl-1936 u fl-1945 u wara li nħatar Uffiċjal Kontrollur tal-Lebbra kien mar kors l-Indja biex jistudja l-mard tal-ġdim.

F’April tal-1950 mietet martu Constance (Connie) wara marda kiefra u Briffa tant ombra daru li beda jorqod f’kamra privata fl-isptar ċentrali. Is-sena ta’ wara, fl-1951 beda jgħallem l-Università. Fl-1952 ltaqa’ ma’ Louisette Attard-Bajona u ftit tax-xhur wara żżewġu.

Fl-1960 Rużar Briffa ħareġ il-ktieb Poeżiji – jew aħjar ħariġhulu Patri Valentin V. Barbara. Sena wara, f’Lulju 1961 sar jaf li ħakmitu marda serja tal-kankru fil-larinġi. Sa sentejn wara kien għadu jara l-pazjenti fl-ispiżerija “Crown Pharmacy” u fid-19 ta’ Frar 1963 ta l-aħħar lezzjoni lill-istudenti tiegħu tal-mediċina fl-isptar San Luqa. Jumejn wara, fit-22 ta’ Frar 1963 miet f’daru l-Belt.

Noti miġbura mill-ktieb ta’ Ġorġ Mifsud Chircop Noti għall-Istudenti tal-Matrikola – Rużar Briffa – Il-Poeżiji Miġbura.

ANNIVERSARJU

“…U MBAGĦAD ĦARĠET IX-XEMX.”

RUŻAR BRIFFA JAGĦLAQ 40 SENA MEJJET

Bħall-bieraħ erbgħin sena ilu siket wieħed minn fost l-aqwa ilħna liriċi tal-poeżija Maltija. Poeta li għalkemm kiteb ftit fetaħ it-triq tal-poeżija riflessiva u fl-istess waqt konċiża, nieqsa minn formaliżmu żejjed u mnebbħa l-aktar mis-solitudni u n-niket.  Niket li beda jġarrab minn ċkunitu minħabba l-mewta ta’ ħuh izgħar minnu. Mewta oħra li bla dubju ta’ xejn tefgħetu f’baħar ta’ dulur kienet dik ta’ martu Constance Winifrid Dunn li hu żżewweġ fl-1933 u wara 17-il sena flimkien ħallietu wara marda qalila. Minn dan iż-żwieġ kellu l-bintu waħdanija Ċeċilja li twieldet fl-1936.

bio_16Rużar Briffa twieled il-Belt nhar is-16 ta’ Jannar 1906. Studja fl-iskola elementari tal-Gvern f’Sant’Iermu u l-Liċeo tal-Belt u wara li għadda mill-eżamijiet tal-Matrikola, fl-1923 beda jgħallem fl-iskejjel elementari. Kellu jkun l-ewwel għalliem bil-matrikola fid-Dipartiment.

Ftit xhur wara, fl-1924, beda l-istudju tiegħu fil-mediċina, fl-Università ta’ Malta – studju li ssoktah f’Londra fil-Venereoloġija u d-Dermatoloġija u fl-1932 sar speċjalista tal-mard tal-ġilda. Skont Louisette, it-tieni mara tiegħu, ix-xewqa tiegħu fil-professjoni medika kienet li jkabbar il-ġmiel fil-ġilda u jnaqqas il-kruha tagħha, aspett li jixref sikwit fi vrusu, tant li fi żmienu kien magħruf bħala l-Poeta tas-Sbuħija.

Bniedem sieket, solitarju

Sa minn tfulitu kien ifittex il-ġonna mwarrba, l-aktar dawk tal-Barrakka ta’ Fuq kif ukoll ta’ Hastings, il-Mall, Sammiżum u l-Argotti. Prof. Ġużè Galea sikwit kien josservah hemmhekk mitluf wara xi xitla jew warda jew jissemma’ l-għana ta’ xi għasfur. Il-poeżiji tiegħu sikwit huma ambjentati fi mkejjen solitarji; l-għalqa semantika tiegħu hi miżgħuda bi kliem li jixhed it-telqa, is-skiet, it-twarrib: art imbiegħda, xatt, knejjes imġarrfa, knejjes minsija,  xagħra, għoljiet, ċimiterji, monasteru. Imqar il-ħin magħżul jixhed dan, kif jidher fis-sunett Nofsinhar Sajfi.  Fuq kollox, tinħass insistenza fl-għadd tal-frekwenza fuq id-diminuttiv.

Patri Ġużè Delia iddiskrivieh “…dejjem sibtu ta’ sentimenti kbar, dejjem mimli mogħdrija lejn għajru u dejjem lest biex jaqdi lil kulħadd. Kellu qalb li taf tassew tħobb.” U wieħed mill-istudenti fil-kors tiegħu, Dr Alfred Cauchi, iddeskriva lil Rużar bħala “bniedem magħluq fih innifsu, riservat fil-kliem u mnikket…rari jidħak, jew aħjar jitbissem u kien jagħti l-impressjoni… ta’ bniedem li għandu ħafna x’jaħseb imma ftit xi jgħid.” Huwa s-skiet qabelxejn marbut mas-solitudni:  element li skont Oliver Friggieri nsibuh mifrux tul il-ħajja poetika kollha tiegħu li tinfirex mill-1924 sal-1962. Minn Lacrymae Rerum – l-ewwel lirika – sal-aħħar poeżija tiegħu, Ballatella tal-Funtana, insibu tabib sensittiv li josserva d-dinja mill-imwarrab, b’xewqa nostalġika għall-imgħoddi filwaqt li mġarrab bin-niket ta’ ħaddieħor.

Boroż tal-karti, pakketti vojta tas-sigaretti…

Il-poeżija għalih kienet qabelxejn terapija. Jekk f’zgħożitu xandar regolarment ix-xogħlijiet tiegħu, aktar tard f’ħajtu l-poeżija saret djarju privat. B’Lacrymae Rerum, Tfajla Toħlomx u Il-Għanja tal-Imħabba rebaħ premjijiet imnieda mill-Pronostku Malti imma kellha tkun l-insistenza ta’ martu Louisette u ħabibu P. Valentin Barbara biex tidher l-ewwel ġabra Poeżiji (1960), u kif stqarr hu stess fid-daħla, “Qatt ma kelli l-ħsieb li nistampa dawn il-poeżiji fi ktieb… u ktibthom għalija…” Kien ukoll traskurat fejn tidħol il-kura tagħhom: ħafna minnhom kitibhom fuq folji żgħar maqtugħa minn pitazzi tal-but, karti tar-riċetti mediċi, boroż tal-karti u pakketti vojta tas-sigaretti.

Testment ħaj letterarju

Fl-1931 meta beda joqrob l-eżami tal-lawrja, flimkien ma’ sieħbu Ġużè Bonnici waqqaf l-Għaqda tal-Malti (Università). F’L-Iżvilupp tal-Letteratura Maltija, Briffa jfisser li flimkien ma’ Ġużè Bonnici kien imur fil-ġnien ta’ Hastings biex jistudjaw u l-idea twieldet hemmhekk.  F’Marzu ta’ dik is-sena ħarġu l-ewwel għadd ta’Leħen il-Malti, imma f’Ottubru Briffa ngħata l-Aubrey Strachan Travelling Scholarship biex jissokta l-istudju tiegħu Londra. Fl-editorjal bit-titlu “Kliem il-Firda” Briffa jistqarr li “b’għafsa ta’ qalb ser ninfired minn xogħol hekk għal qalbi” imma fl-istess ħin kellu kliem ta’ tifħir għal sieħbu li baqa’ direttur ta’ Leħen il-Malti:  “It-tabib Bonnici huwa żagħżugħ ta’ ħila kbira.” Dak ix-xahar stess, bħala President minflok Briffa nħatar il-Prof. Pietru Pawl Saydon.

Rużar Briffa ħadem bla mistrieħ meta faqqgħet il-pesta bubonika fl-1963 u dik tal-1945. Baqa’ jaġġorna ruħu fil-Leproloġija b’diversi żjarat f’pajjiżi oħra bħal Tuneż, l-Indja, l-Ingilterra u Sqallija. Baqa’ jara l-pazjenti fil-Crown Pharmacy sa ftit ġimgħat qabel ma miet, il-Ġimgħa, 22 ta’ Frar 1963, fid-dar tiegħu fil-Bini Vincenti, Triq id-Dejqa, il-Belt. Tlitt ijiem qabel kien ta l-aħħar lezzjoni lill-istudenti tal-mediċina.

Il-funeral sar l-għada wara nofsinhar u fi kliem Oliver Friggieri fil-bijografija Il-ħajja ta’ Rużar Briffa, “kien jum ikreh ta’ xita, silġ u rjieħ qawwija, iżda sakemm niżżluh fil-qabar it-temp laħaq ikkalma u ċċara ġmielu, u mbagħad ħarġet ix-xemx.” Kellu jkun l-aħħar vjaġġ ta’ poeta li bħala bniedem “għaraf l-għeruq tal-poeżija fit-toqol tat-tiġrib.”

Tifkiriet xierqa u denji

Il-ħidma ta’ Rużar Briffa għadha tħalli frott sal-lum fost numru kbir ta’ qarrejja tal-poeżija. L-Għaqda tal-Malti fakkritu bl-għadd speċjali ta’ Leħen il-Malti fl-istess sena ta’ mewtu u għaxar snin wara l-Moviment Qawmien Letterarju waħħal lapida kommemorattiva fil-Barrakka ta’ Fuq, dak il-ġnien li tant ispira lill-poeta u fih tħabbeb mal-poeżija. Tkun ħaġa tassew xierqa li fl-isptar il-ġdid Mater Dei, waħda mis-swali ewlenin tissemma għalih.

Biblijografija

Briffa, Rużar. Poeżiji. Malta: 1971.
Friggieri, Oliver. Il-Ħajja ta’ Rużar Briffa. Malta: 1984.
Friggieri, Oliver. Rużar Briffa: Il-Poeżiji Miġbura. Malta: KKM, 1983.
Mifsud Chircop, Ġorġ. Rużar Briffa: Il-Poeżiji Miġbura – noti kritiċi. Malta: PEG, 1989.

Joseph P. Borg (04.02.03)

Ħalli kumment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.