Mifsud Bonnici Pietru Pawl (1841—1881), poeta, edukatur, bin Dr Felice, twieled Ħal Qormi, studja fl-Iskejjel Elementari tal-Gvern u fil-Leċeo, sar surmast ta’ l-Iskola Primarja tal-Gvern il-Mellieħa; b’sabar u metodu speċjali tiegħu ta’ tagħlim għaraf iħarreġ l-imħuħ sammi ta’ żmienu fil-ġografija, l-aritmetika, it-Taljan u l-Ingliż u wassalhom biex jagħmlu komponimenti u xi xarada bil-Malti wkoll.
Kien poeta magħruf u bosta mill-poeżiji tiegħu dehru fil-ġurnal “In-Naħla Maltija” immexxi minn Ġużè Muscat Azzopardi l-awtur tar-rumanz Pawlu Xara, iddedikat lil ħabibu Pietru Pawl u sieħbu poeta u prożatur tal-Malti mill-aħjar. Kien iħobb jiffirma bil-psewdonimu P.M. (Pawlu Mifsud). Barra mill-poeżija kiteb ukoll għadd sabiħ ta’ xaradi ħelwin, kurjużi u ta’ taħbil il-moħħ. Miet fis-7 ta’ Lulju, 1881. Kellu 40 sena.
Pubblikazzjonijiet
Is-Sirena: Ġabra ta’ poeżiji ta’ diversi awturi Maltin, ħamsa minnhom ta’ Pietru Pawl Misud Bonnici
Meħud mid-Dizzjunarju Bijo-Biblijografiku Nazzjonali ta’ Rob Mifsud Bonnici (neputih)