Pawlu Aquilina

220px-Pawlu_Aquilina2Pawlu Aquilina twieled nhar it-28 ta’ Awwissu 1929 fis-Siġġiewi u studju fis-Seminarju tal-Arċisqof u fis-St Michael’s Training College. Wara karriera ta’ għalliema fl-iskejjel Primarji tal-Gvern, fl-1957 inħatar bħalascriptwriter mad-Dipartiment tal-Informazzjoni mat-Taqsima tax-Xandir Edukattiv. Fl-1978 sar assistent surmast u fl-1986 leħaq surmast u baqa’ f’din il-kariga sakemm irtira fl-1990.

Aquilina jibqa’ magħruf bħala poeta l-aktar bix-xogħlijiet ippubblikati f’Mill-Beraħ tal-Għelieqi (1992), L-Għanja Tiegħi lil Ħal Xluq (2002), Erġa’ Semmagħli l-Għanja (2006) u L-Għanja Tiegħi lil Ħal Kbir (2008).Xogħlijiet oħra tiegħu huma Hawn Twieldet u Tibqa’ Tħabbat Qalbi (2004) u Is-Siġġiewi u t-Toroq Tiegħu li se jistampah il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi.

Pawlu Aquilina ħadem bis-sħiħ biex jara l-Malti miexi ‘l quddiem u kien ko-editur ma’ Ġużè Diacono fl-edizzjoni riveduta tad-dizzjunarju Ingliż-Malti (5 volumi) ta’ Dun Karm Psaila(1991-1993). Huwa ħa ħsieb it-traduzzjoni mill-Ingliż ta’ A Saint in a Hurry, id-dramm storiku-reliġjuż El Divino Impaciente tal-poeta Spanjol José Maria Pemán, fuq talba ta’ Patri Ġużè Delia. Traduzzjonijiet oħra tiegħu huma ta’ St Vincent de Paule’s Residence for the Elderly – The medico-social record (1994) ta’ Dr Paul Cassar; Il-ħobż Malti – Is-Sengħa tal-Furnar (1994) tal-Monsinjur Hubert Chiron u A Guide to the Passion – 100 Questions About the Passion of The Christ (2004).

Aquilina ta s-sehem tiegħu fl-għaqdiet tal-Malti u xandar bosta programm edukattivi għat-tfal tal-iskola. Mexa fil-passi ta’ Patri Ġużè Delia, iħobb il-leġġendi, jgħix il-fidi u dejjem jikteb fir-rivisti tal-festa ta’ San Nikola – ħafna drabi xi poeżija dwar il-Qaddis Tawmaturgu. Huwa miet fid-29 ta’ Jannar 2009.

Ħalli kumment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.