Patri Mikiel Fsadni

Kitba ta’ Pawl Gatt OP

Mas-sebħ tal-Ħamis, 18 ta’ April 2013, il-Mulej sejjaħ għal għandu lil P. Mikiel Fsadni OP, li, fl-età ta’ 97 sena  (kien għadu kif għalaqhom tlett ijiem qabel), kien l-ixjaħ membru li qatt kellha l-Provinċja Dumnikana Maltija.

Mikiel twieled il-Birgu fil-15 ta’ April 1916 minn Joseph u Giovanna née Cassano. Hu daħal bħala novizz fil-Kunvent tad-Dumnikani tar-Rabat fl-1933 u għamel l-Ewwel Professjoni fil-21 ta’ Ottubru 1934. Ġie ordnat saċerdot fil-11 ta’ Ġunju 1939.

Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija hu kien jifforma parti mill-komunità Dumnikana tal-Kunvent tal-Lunzjata tal-Birgu u kien hemm meta partijiet tal-kunvent iġġarrfu bil-bombi tal-għadu fl-attakk fuq l-HMS Illustrious f’Jannar tal-1941. F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-patrijiet ingħataw il-permess li jitilgħu r-Rabat, fejn baqgħu sakemm saru arranġamenti biex niżlu, l-ewwel f’dar ġewwa Birkirkara, imbagħad, mill-ġdid fil-Birgu f’parti mill-Palazz tal-Inkwiżitur. P. Mikiel, għaldaqstant, bħal sħabu, mir-Rabat niżel Birkirkara u mbagħad mill-ġdid f’belt twelidu. Wara l-gwerra, imma, hu ġie assenjat definittivament fil-Kunvent ta’ S. Marija tal-Għar tar-Rabat, fejn baqa’ sa ftit xhur qabel miet, meta kellu jiġi rikoverat ftit passi bogħod, f’Villa Messina.

Fi ħdan il-Provinċja P. Mikiel jibqa’ magħruf għas-snin twal ta’ riċerka li huwa għamel fuq il-kunventi tagħna li wassluh ukoll biex ippubblika monografiji dwarhom, partikularment dwar it-tlieta l-iktar antiki.

Isem P. Mikiel jintrabat ukoll mad-devozzjoni kbira li hu kellu lejn il-Madonna tal-Għar u l-ħidma biex din id-devozzjoni tinxtered mhux biss f’pajjiżna imma wkoll barra. Fi żmien l-Inkurunazzjoni Solenni tax-xbieha tagħha fl-1957, hu, personali, ħadem għadd kbir ta’ xbihat tal-ġibs tal-Madonna. Minn wara l-Inkurunazzjoni sakemm tatu saħħtu, kien jara li l-materjal devozzjonali ma jonqosx: santi, kwadri, xbihat taċ-ċeramika, żejt. Fuq kollox, kien iżomm nota tal-pellegrinaġġi kollha li kienu jiġu għand il-Madonna, u jiġbor, mingħand il-fidili, ir-rakkonti tagħhom ta’ grazzji li jkunu qalgħu bl-interċessjoni tal-Madonna tal-Għar. Ippubblika wkoll kotba, bil-Malti u bl-Ingliż, dwar il-Madonna tal-Għar, partikularment wara l-fenomenu tal-qtar tad-dmugħ li dehru taħt għajnejn ix-xbieha tagħha meta din kienet armata fil-knisja għall-festa f’Mejju tal-1999.

Patri Mikiel kellu wkoll imħabba kbira għall-ħajja tal-kunvent u tal-komunità. Għalkemm il-mard kien jimpedih milli jkun attiv fil-ministeru saċerdotali, imma xorta waħda kien jinteressa ruħu f’kull attività li jkunu hemm fil-knisja, li ħafna drabi kien isegwi mit-tieqa tax-xellug li, fil-kappella interna tal-kunvent (‘korin’) hemm tagħti għall-kor tal-knisja. Sakemm seta’, hu baqa’ jingħaqad mal-patrijiet għat-talb u għall-ikel. Kien jagħmel premura kbira għas-sigurtà tal-kunvent tant li sal-aħħar snin ta’ ħajtu kien iqisu bħala inkarigu tiegħu li, fit-tard, filgħaxija jinżel fil-kjostru biex jara li l-bibien kienu magħluqin.

Il-ħidma ta’ P. Mikiel imma kellha tħalli impatt lil hinn mill-affarijiet li jirrigwardaw il-kunventi u l-provinċja tagħna. Bla mistenni u bla ma kien ippjanat, infatti. P. Mikiel ta sehem importanti għall-iżvilupp tal-Letteratura u l-Kultura Maltija. Dan, b’mod speċjali bis-sejba, fl-1966,  flimkien mal-Professur Godfrey Wettinger, ta’ dik li s’issa għadha meqjusa bħala l-eqdem poeżija bil-Malti Medjevali – il-Kantilena ta’ Pietru Caxaro, kif ukoll, iktar tard, bil-pubblikazzjoni tar-riċerka li kien hu għamel dwar wirt arkitettoniku partikolari Malti: il-Giren (FSADNI, Mikiel OP: IL-GIRNA, Wirt Arkitettoniku u Etniku Malti, Pubblikazzjoni Dumnikana, 1990), liema xogħol ġie wkoll tradott u ppubblikat fil-Lingwa Ingliża.

Patri Mikiel kellu wkoll passjoni għall-fotografija. L-interess tiegħu f’dan il-qasam beda meta hu taha għall-kitba u xtaq li pubblikazzjonijiet tiegħu jkunu mżewqin b’xi illustrazzjonijiet. Għal dan il-għan kien jissellef il-camera ta’ patri ieħor (P. Ġużepp Gauci) sakemm xtara tiegħu fis-snin 70, flimkien mal-apparat biex ikun jista’ jiżviluppa hu stess ir-ritratti li jieħu. Il-profiċjenza tiegħu f’dan il-qasam, frott l-eżattezza u l-perfezzjoniżmu li kienu jikkaratterizza lil dan ħuna, wassluh biex saħansitra jirbaħ l-ewwel premju fit-taqsima D ta’ kompetizzjoni tas-slajds kuluriti mnedija mill-Ministeru tat-Turiżmu u s-Soċjetà Fotografika, fl-1988.

Għal xi żmien, P. Mikiel Fsadni kien ikkollabora wkoll ma’ Dun Ġorġ Preca, fundatur tas-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M. – illum kanonizzat – fil-kitba tar-Regola għas-Soċjetà tiegħu, partikolarment fit-taqsima dwar it-Tmexxija.

Minħabba r-riċerki u l-pubblikazzjonijiet tiegħu, P. Mikiel ingħata diversi unuri: l-ikbar fosthom ċertament huwa l-ħatra tiegħu bħala Membru tal-Ordni tal-Mertu tar-Repubblika ta’ Malta, nhar it-13 ta’ Diċembru 2008. Fl-1975 hu kien diġà ngħata l-premju Rothmans għal-Letteratura, filwaqt li, għal ktieb dwar il-Girna, fl-1990 ingħata l-Midalja tad-Deheb fil-premjijiet letterarji tal-Gvern ta’ Malta. Fis-7 ta’ Settembru 2000 ingħata Ġieħ il-Birgu. Dan minbarra l-premju għall-fotografija li ssemma qabel.

Mikiel kellu karattru sod u determinat f’kollox. Ried jagħmel kollox eżatt u jekk jista’ jkun mingħajr difett. Ma kienx tip li jċedi malajr – anki quddiem in-nuqqas ta’ saħħa li dan l-aħħar kien qed iġorr. Imma fl-età ta’ 97 sena, il-forzi ħallewh għalkollox u radd ruħu lill-Mulej, kif għedna fil-bidu, nhar it-18 ta’ April 2013. Il-funeral sar is-Sibt, 20 ta’ April, fil-knisja tal-Madonna tal-Għar fir-Rabat. Kienu diversi l-qraba u l-ħbieb li attendew biex jagħtuh l-aħħar tislima. Kienu wkoll ħafna l-Aħwa tal-Provinċja li kkonċelebraw flimkien mal-Provinċjal. Fl-omelija ma naqasx li tissemma ħidmietu u l-kwalitajiet li kienu jispikkaw fih.

Din in-nekroloġija dehret għall-ewwel darba fir-rivista Knisja Elfejn, Sena XXV, nru 105, Lulju-Settembru 2013