Patri Donat Spiteri

donat spiteriPatri Donat Spiteri twieled il-Marsa fit-13 ta’ Ottubru 1922. Ingħaqad mal-Ordni Franġiskan u laħaq Saċerdot Kapuċċin fit-13 ta’ Marzu 1948.

Patri Donat intbagħat jistudja t-Teoloġija fl-Università Pontifiċja Gregorjana f’Ruma l-Italja, fejn kiseb il-Liċenzjat u Dottorat fit-Teoloġija. Studja l-Iskrittura Mqaddsa fil-Pontificio Istituto Bibblico u l-Liċenzjat fl-Iskrittura Mqaddsa. Irritorna Malta fl-1954 u beda jgħallem lill-istudenti Kapuċċini.

Kien kapillan tal-Parroċċa tat-Trinità Qaddisa, il-Marsa bejn l-1958 u l-1967 fejn ħa ħsieb ukoll li jinbena ċ-Ċentru Parrokkjali San Piju X tal-Marsa. Kien ukoll kappillan tal-Parroċċa ta’ Lourdes, San Ġwann bejn l-1983 u l-1991. F’San Ġwann ukoll ra li jħalli ċ-Ċentru Parrokkjali San Ġużepp fejn ikunu jistgħu jiltaqgħu l-għaqdiet. Ħa ħsieb ukoll jirrestawra, bl-għajnuna tal-Ministru tax-Xogħlijiet, il-kappella ddedikata lil Santa Margerita, f’San Ġwann.

Bejn l-1966 u l-1988, kien għalliem u Professur tal-Istudji Bibliċi fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta, fejn mal-Prof. Rev. Karm Sant u oħrajn waqqfu l-Għaqda Biblika Maltija fl-1958 u li tagħha kien President. L-aqwa opra ta’ din l-Għaqda kienet il-pubblikazzjoni tal-Bibbja bil-Malti, li x-xogħol fuq din it-traduzzjoni beda fl-1966 u baqa’ għaddej sal-ewwel pubblikazzjoni, fl-1984. Minn dak iż-żmien ’l hawn il-Bibbja ġiet riveduta. It-tieni edizzjoni ġiet ippubblikata fl-1996, wara reviżjoni li ħadet ħames snin. Peress li t-tagħlim u l-ispjegazzjoni tal-Bibbja kienu u baqgħu sal-aħħar il-missjoni ta’ ħajtu, kellu sehem kbir fit-twaqqif ta’ ‘Dar il-Bibbja’ fil-Furjana bħala Ċentru Bibliku.

Huwa wkoll awtur ta’ għadd ta’ kotba b’temi teoloġiċi tal-Bibbja fosthom il-Ktieb tas-Salmi, Dizzjunarju Bibliku – Temi Teoloġiċi, l-Evanġelji ta’ San Mattew u San Luqa, il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli u ħafna kotba oħra ppubblikati mill-Għaqda Biblika Maltija. Kiteb ukoll artikli f’ġurnali u rivisti bħal Dawl Franġiskan u anke xandiriet dwar l-Iskrittura Mqaddsa. Dar anke l-parroċċi kollha ta’ Malta u Għawdex jagħmel korsijiet Bibliċi.

Peress li l-Bibbja kienet saret ħaġa waħda miegħu, f’Jannar 1974 ħareġ għall-ewwel darba l-Kliem il-Ħajja, ktejjeb ta’ għajnuna għall-qari tal-Bibbja u paġna ċkejkna kuljum b’silta mit-test tal-Kotba Mqaddsa, li joħroġ kull erba’ xhur. Patri Donat, kien l-Editur u d-Direttur Ġenerali ta’ Kliem il-Ħajja, ktejjeb li wara aktar minn 38 sena għadu jitqassam fid-djar f’Malta u Għawdex u anke fost l-emigranti Maltin. Sal-lum mal-20,000 kopja ta’ Kliem il-Ħajja jitqassmu bl-idejn bl-għajnuna tal-voluntiera. Hu ħa ħsieb ukoll li f’għeluq it-30 sena ta’ din il-pubblikazzjoni jinfetħu librerija u uffiċċju ta’ Kliem il-Ħajja fil-Kunvent tal-Kapuċċini fil-Furjana – post li jintuża wkoll minn persuni interessati fl-Istudji Bibliċi.

Patri Donat ġie onorat b’“Ġieħ il-Marsa” u “Ġieħ San Ġwann” mill-Kunsilli tal-Marsa u ta’ San Ġwann, u fit-13 ta’ Diċembru 2009 ngħata l-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika mill-E.T. il-President ta’ Malta Dr George Abela.

Patri Donat Spiteri OFMCap miet fid-19 ta’ Diċembru 2011 fl-għomor ta’ 89 sena. Il-funeral sar fil-Parroċċa tat-Trinità Qaddisa, il-Marsa, u ndifen fiċ-ċimiterju tal-Addolorata fil-qabar tal-Patrijiet Kapuċċini.

Fl-14 ta’ Ġunju 2015 ġie mfakkar għall-ħidma tiegħu mill-Kunsill ta’ San Ġwann billi semma għalih Misraħ Patri Donat Spiteri.

This slideshow requires JavaScript.

Il-biblijografija ta’ Patri Donat issibha minn hawn.

Ħajr lil Anna Spiteri ta’ din il-bijografija.

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s