Ninu Cremona

NinuCremonaX’tgħidilna dwar Ninu Cremona qabel ma sar magħruf bħala wieħed mill-kolonni tal-Ilsien Malti?

Is-Sur Nin (kif ħafna kienu jsejħulu f’ħajtu) twieled nhar is-27 ta’ Mejju 1880 iben Feliċ u Margaret née Pace fir-Rabat, Għawdex. Tilef lil missieru ta’ tliet snin u fl-1885 mar jgħix ma’ zijuh f’Tuneż fejn attenda l-iskola tal-Christian Brothers u aktar tard f’St Charles College.

Fl-1888 ġie lura Malta u l-istudju ssoktah fis-Seminarju ta’ Għawdex kif ukoll f’tal-Furjana. Hemm sar jaf lil Dun Karm.  Fl-1900 laħaq skrivan mal-Gvern u erba’ snin wara sar Spettur tas-Sanità wara kors fl-Ashton School of Hygene fl-Università ta’ Liverpool. Fl-1928 sar l-editur responsabbli mit-traduzzjonijiet u l-pubblikazzjonijiet kollha tal-Gvern. Kien jgħallem il-Malti fil-klassijiet ta’ filgħaxija u fl-1936 kien l-ewwel għalliem tal-Malti fil-Liċeo. Matul is-snin kien ukoll wieħed mill-eżaminaturi tal-Malti fl-Università.  Bħala karattru nistgħu niġbru kollox fil-qosor bis-saħħa tas-sunett ta’ wieħed mill-poeti ta’ żmienu (aqra l-poeżija ta’ Nicol Biancardi).

Għal xiex jibqa’ magħruf l-aktar is-Sur Nin?

Ninu Cremona kien wieħed mill-Fundaturi tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti (illum magħrufa bħala l-Akkademja tal-Malti). Kien żamm il-kariga ta’ Viċi-President u kien wieħed mill-edituri ta’ Il-Malti (ir-rivista tal-Għaqda). L-akbar kontribut tiegħu fil-Malti kien fit-tfassil tal-ortografija Maltija – ħidma importanti ħafna u fiha kien għenu Ġanni Vassallo. L-istudju tiegħu għadu jgħodd sal-lum u nsibuh fil-ktieb Tagħrif fuq il-Kitba Maltija li deher għall-ewwel darba fl-1924.

Kien kittieb prolifiku. Kien iħobb id-drama u l-aqwa xogħol tiegħu f’dan il-qasam bla dubju huwa Il-Fidwa tal-Bdiewa, dramm imsejjes fuq l-istruttura klassika tal-Griegi. Fost il-kotba li ppubblika nsibu Weraq mar-Riħ (1932), Rand u Rihan (1945) u Mis-Siġra ta’ Ħajti (1970). Ippubblika wkoll novelli: Ktajjen Maqtugħa(1968) u fil-qasam lingwistiku nsibu X’inhu l-Malti Safi (1925), A Manual of Maltese Orthography and Grammar (1929), Tagħlim fuq il-Kitba Maltija (l-ewwel volum fl-1935 u t-tieni volum fl-1938). Ippubblika wkoll A Historical Review of the Maltese Language (1945).

X’tgħidilna dwaru bħala riċerkatur?

Xandar ukoll bosta bijografiji, imma l-aqwa waħda li fuqha ħadmu oħrajn u r-riċerka tagħhom għadha miexja sal-lum hi bla dubju ta’ xejn Mikiel Anton Vassalli u Żminijietu (1937), bijografija li ġiet tradotta minn May Butcher, Vassalli and his times fl-1940. Fost il-bijografija ta’ Ninu Cremona nsibu dik ta’ Rużar Briffa li dehret  f’Il-Malti ta’ Ġunju 1963 (is-sena li fiha miet il-poeta) u fiha jagħti tagħrifa interessanti dwar it-twaqqif tal-Għaqda tal-Malti (Università) li twaqqfet minn Rużar Briffa u Ġużè Bonnici fl-1931.

Xandar ħafna studji bħal: L’Antica Fondazione della Scuola di Lingwa Araba in Malta (1955), La Marina Maltese dal Medio Evo all’Epoca Moderna (1964), fuq il-Folklor kien espert: Maltese Funeral Customs(1922), Race, Language, and Myth (1922), Mourning and Funeral Customs in Malta (1923), Some Myths and Beliefs in Maltese Folklore (1923), Weather and Husbandry Lore in the Isles of Malta (1925), Is the Maid of Mosta a Myth? (1934) u Folklore u Lsien Malti (1944).  Fl-1970 ippubblika ħafna mix-xogħlijiet tiegħu bil-Malti f’Antoloġija ta’ Proża Maltija.

Ħafna drabi, min jaħdem għal art twelidu jiġrilu bħal Vassalli u jitwarrab fil-ġenb sakemm fl-aħħar, b’xorti tajba, xi ħadd jagħraf jirrikonoxxieh.  L-istess ġralu s-Sur Nin?

Fl-1946 ingħata l-midalja tad-deheb Ġużè Muscat Azzopardi u fl-4 ta’ Ġunju 1960 ġie mogħti mill-Università Rjali ta’ Malta l-Grad Honoris Causa tad-Dottorat tal-Letteratura għall-ħidma kbira tiegħu fil-qasam letterarju, grammatikali u xjentifiku tal-Ilsien Malti.

L-aħħar xhur ta’ ħajtu qattagħhom fil-gżira ta’ Għawdex sa ma miet nhar it-Tlieta, 4 ta’ Jannar 1972. L-Għaqdiet tawh ġieh b’pubblikazzjonijiet speċjali b’tifkira tiegħu, fosthom għadd 18 tal-Leħen il-Malti fl-1973.

Silta mill-intervista ta’ Michael Galea, p. 68-69 L.M. 1973

Ara wkoll dan il-profil tal-Kav. Joe M. Attard fuq Ninu Cremona

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s