Mikiel Spiteri twieled fl-20 ta’ Awwissu 1917 fir-Rabat, Malta u ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Liċeo. Ħadem bħala uffiċjal tad-dwana u f’diversi dipartiment tal-Gvern (1935-1975).
L-ewwel xogħlijiet tiegħu letterarji kienu Burdati (1970) u Burdati 71 (1971). Warajhom ġiet kollezzjoni ta’ esejs fi Tlikki Tlikki ma’ Wenzu (1972) u Hawn Aħna, Wenz (1991) imma l-aktar xogħol magħruf ta’ Kilin jibqa’ Fuq il-Għajn ta’ San Bastjan (1973). Wara l-Għajn ta’ San Bastjan (1994) u Iż-Żmien Isajjar il-Bajtar (1996) jissoktaw it-tifkiriet ta’ tfulitu u żgħożitu. Fl-1973 rebaħ il-Premju Rothmans għal-Letteratura bid-dramm Bl-Irġulija u bl-Onestà, li deher fi ktieb bl-istess titlu flimkien ma’ ġabra ta’ novelli.
Kilin huwa l-awtur ta’ erba’ rumanzi: L-Għafrid (1975), Tmint Ijiem fi Dragunara (1984) – rebbieħ tat-tieni premju fil-Konkors Buġelli tal-1981, It-Tapit Imsaħħar (1995) uTinsiex, Publius, Tinsiex! (2003). Fl-1998 ġabar in-novelli fil-ktieb Għajnejn Kalanġ li jiġbru ‘kwadru morali’ tal-ħajja, bil-ħelu u bil-morr tagħha. Huwa t-traduċa L-Alla li ma Nemminx Fih (1983) mill-Ispanjol u ħareġ sensiela ta’ ħames kotba żgħar Kappelli u Knejjes Żgħar (1967), Nistqarr (1968), Djar is-Sultana (1969 uOsanna (1978). Wayside Chapels (1966) u A Maltese Mosaic (1990) huma l-verżjoni bl-Ingliż ta’ dawn il-kotba.
Kilin baqa’ jsemma’ leħnu fil-ġurnali, sikwit jilmenta fuq il-bidliet li għaddej minnhom ilsienna. Huwa ħalliena nhar it-8 ta’ Lulju 2008 ftit xhur wara li f’għeluq id-90 sena l-Akkademja onoratu b’tifkira għall-ħidma sfiqa u bla heda tul ħajtu kollha għall-ilsien Malti.