Mikiel Anton Vassalli

MAV_Censu Apap(1980)– Missier l-Ilsien Malti –
(1764-1829)

Mikiel Anton Vassalli kien imsaħħar b’kemm il-lingwa Maltija kienet qadima u sabiħa u kien iqis l-ilsien Malti bħala simbolu ewlieni tal-kultura tagħna. Hu niseġ grammatika u dizzjunarju Malti li għadhom magħrufa sal-lum. X’aktarx ftit jafu li, aħna u niktbu bil-Malti, imqar meta niktbu xi ħaġa żgħira, inkunu qegħdin nimxu fuq it-tagħlim li kien xandar Vassalli ’l fuq minn mitejn sena ilu. Għalhekk tajjeb li aħna l-Maltin inkunu nafu xi ħaġa aktar dwar dan il-bniedem kbir – missier l-ilsien Malti.

Vassalli twieled Ħaż-Żebbuġ fil-5 ta’ Marzu 1764 fi żmien meta bosta ma kinux jirfsu l-għatba tal-iskola u kienu jibqgħu ħajjithom kollha sajmin mit-tagħlim tal-qari u tal-kitba. Vassalli nnifsu jgħid li qabel kellu 17-il sena ma kien jaf bl-ebda lsien barrani imma nafu li ta’ 19-il sena kien idur l-irħula biex jiġbor il-qwiel. Min jaf kemm-il darba kien waqaf jitħaddet mal-bdiewa u mar-ragħajja u jistaqsihom x’riedu jfissru bil-qawl li jkun semagħhom jgħidu, jew min jaf kemm ħabbat bibien ta’ nies tas-sengħa biex jistaqsihom xi jsejħu kull parti tal-għodda tagħhom.

Fl-imgħoddi l-qassisin Maltin li kienu jitħajru jmorru għall-missjoni l-Afrika ta’ Fuq, kienu jistgħu jitgħallmu l-Għarbi fi skola apposta hawn Malta. Mikiel Anton studja l-Għarbi fl-Iskola tal-Propoganda Fide fil-Belt u ta’ 21 sena rebaħ premju u bil-għajnuna ta’ patrimonju sagru Vassalli mar Ruma biex ikompli jistudja għal qassis. Hemmhekk huwa għallem l-ilsien Siro-Kaldajk fl-Università La Sapienza.

Il-Malti kien jinteressah mhux biss kif kien mibni imma wkoll bħala għodda f’idejn in-nies biex jitgħallmu kulma jinħtieġu biha. Vassalli fehem li jekk isib tarf kif il-Malti jiktbu tajjeb, ikun jista’ jistampa kotba sħaħ bih, u fuq is-suġġetti differenti. Għalhekk qatta’ żgħożitu jistinka biex jibni r-regoli tal-Malti, u meta sab tarfhom ippubblikaAlfabet Malti Mfysser byl Malti u bit-Taljan (1790), il-grammatika Mylsen Phoenico-Punicum (1791) u dizzjunarju ta’ tmintax-il elf kelma Ktyb yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u byt-Taljan. Dawn il-kotba ppubblikahom minn butu.

Waħda mill-akbar skoperti li kien għamel kienet il-preżenza tal-għerq fil-kliem Malti. Vassalli sab li kelma tista’ tlissinha differenti imma l-ittri tal-għerq ma tibdilhomx fil-kitba. Ngħidu aħna, għalkemm inlissnu “miktup”, “kitep” u “ktiep” irridu niktbu “miktub”, “kiteb” u “ktieb” għax l-għerq hu K-T-B.

Skont Vassalli, l-isbaħ Malti kien jinstema’ f’fomm ir-raħlin. Ir-raħlin ta’ żmienu kienu jinqdew b’Malti safi, mhux bħan-nies tal-Belt u tal-Kottonera li kienu jħalltu l-Malti bi kliem Taljan. Vassalli maqdar lil dawk l-ommijiet li kienu jkellmu lil uliedhom bit-Taljan, kemm għax ma kinux jafu t-Taljan tajjeb kif ukoll għax kienu jċaħħdu lit-tfal mill-Malti. Għal Mikiel Anton Vassalli, l-isbaħ djalett kien iż-Żebbuġi, u l-kotba tiegħu bniehom fuq dan id-djalett.

Waqt li Vassalli kien qed jippubblika l-aħjar kotba tiegħu, Malta kienet bdiet tintlaqat minn taqlib politiku kbir. Fi ftit snin artna għaddiet mill-ħakma tal-Kavallieri għal taħt il-Franċiżi u spiċċat taħt l-Ingliżi. Vassalli kellu fiduċja kbira fil-Franċiżi għax kellu għal qalbu l-prinċipji tar-Rivoluzzjoni Franċiża li qallbu l-Ewropa ta’ taħt fuq. Ta’ dan kollu, ħallas prezz għali ħafna: f’Mejju 1797 Vassalli spiċċa arrestat wara li nkixfet konfoffa kontra l-Ordni tal-Kavallieri li hu kellu sehem fiha. Il-Kavallieri tefgħuh il-ħabs għal għomru imma ħelsu Napuljun wara li ħa ’l Malta f’idu. Fi żmien il-Franċiżi reġa’ daq il-ħabs wara li r-raħlin u l-Ingliżi bdew jissuspettaw fih għax kien simpatizzant tal-Franċiżi. Il-Maltin kienu jqisuh traditur u l-Ingliżi eżiljawh.

Għadda 19-il sena eżiljat fi Franza u Spanja, u meta reġa’ Malta ta’ 56 sena kien b’ta’ fuqu senduqu. Imnalla ra għajn tajba minn John Hookham Frere, studjuż Ingliż tal-letteratura u ex-diplomatiku. Frere kien ħabib kbir tal-gvernatur u kkonvinċih iħallih idaħħal lil Vassalli bħala għalliem tal-Malti fl-Università. Il-paga kien iħallashielu Frere minn butu.

Fl-istess żmien Vassalli ġie mqabbad mill-Protestanti biex jaqleb il-Vanġelu bil-Malti. Ta’ xogħlu kien jaqla’ ħlas żgħir ħafna, iżda fil-qagħda li kien fiha, kien iqis kull ħlas barka mis-sema. Fl-1827 ħareġ it-tieni edizzjoni tal-grammatika u s-sena ta’ wara ħareġ ġabra ta’ 863 qawl.

Mikiel Anton Vassalli miet ta’ 65 sena. Il-Maltin kienu baqgħu jistkerrhuh sal-aħħar, tant li wara mewtu ħadd ma ried jikri daru. Imma llum dan il-patrijott sfortunat nafuh bħala Missier l-Ilsien Malti u llum insibu mhux biss kotba imma wkoll monumenti li jfakkruh b’qima.

Kotba kkonsultati:
Lawrenz Cachia, Mikiel Anton Vassalli – ħajtu fil-qosor, Malta, l-awtur, 1988.
Ninu Cremono, Mikiel Anton Vassalli u żminijietu – Malta Empire Press, 1937.
Dwardu Fenech, Vassalli u Kitbietu, Il-Provinċja Agostinjana Maltija, 1977.
Oliver Friggieri (editur), Essays on Mikiel Anton Vassalli, (Journal of Maltese Studies nri 23-24), Dipartiment tal-Malti, 1993.

Ħajr lil Joe Borg u lil Olvin Vella

Ħalli kumment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.