Mary Meilak

marymeilakIl-poetessa Għawdxija Mary Meilak nistgħu ngħidu li kienet l-unika vuċi femminili fost il-poeti Romantiċi Maltin tal-ewwel nofs tas-seklu għoxrin. Imma kif ifisser il-Prof. Oliver Friggieri, “Mary Meilak tinqata’ għalkollox mill-poeti l-oħra mhux biss għaliex ma tagħti ebda ħjiel tal-ansjetà eżistenzjali u storika ta’ żmienha, iżda wkoll għaliex issib il-milja tal-espressjoni tagħha nnifisha fl-għoti ta’ sura fantastika lid-dinja ta’ madwarha.”

Meilak twieldet fid-9 t’Awwissu 1905 u mietet fl-1 ta’ Jannar 1975. Prof. Ġużè Aquilina u Prof. Peter Serracino Inglott jgħidulna li kellha pinna ħafifa u teknikament interessanti. Fejn poeti oħra ta’ żmienha kienu jfasslu xogħolhom fuq forom ta’ letteratura Griega u Taljana, dik ta’ Mary Meilak, bla ma kienet taf hi stess, kienet toqrob ħafna l-metrika li nsibu fil-poeżija Għarbija. Hi tip ta’ poeżija bħal tal-għannejja u qrib dik li joħolqu t-tfal, b’ħakma bla waqfien tar-rima u versi melodjużi u sempliċi.

Il-kontribut letterarju ta’ Mary Meilak

Fl-istorja tal-Letteratura Maltija, Mary Meilak għandha niċċa interessanti u unika. Meilak tħaddan it-titlu tal-ewwel poetessa Maltija u għal żmien twil baqgħet waħdanija b’dan it-titlu sakemm maż-żmien telgħu poetessi ġodda u fil-fatt kienu jdejha li tawna l-ewwel ktieb tal-poeżiji minn mara Maltija. Meilak għalhekk kienet qisha l-fula f’qargħa. Kienet l-eċċezzjoni u mhux ir-regola.  Mara sempliċi Għawdxija li ma beżgħetx iġġarraf it-tabu soċjali li kien jorbot il-mara mal-maternità u l-kċina u minflok tatha għax-xogħol artistiku. Minħabba f’hekk u minħabba l-kreattività u ċerta elementi stilistiċi fil-poeżija tagħha, Meilak ħabtet fuq il-bieb ta’ dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-qasam letterarju.

Il-kitbiet tal-poeta huma minnhom infushom mezz ta’ kif jikkomunika mal-qarrej. Permezz ta’ xogħlu, il-poeta jesprimi dak li jħoss ġewwa fih u jikxef is-sigrieti tiegħu li ħadd ma jkun jaf bihom. B’hekk il-qarrej isir jaf lil sid ix-xogħol kemm bħala l-artist kif ukoll bħala l-bniedem normali. Hekk ġara fil-każ ta’ ħafna poeti magħrufa fil-letteratura Maltija u hekk isir ukoll fil-każ ta’ Mary Meilak.

Fost it-temi prinċipali li nassoċjaw lil Meilak magħhom huma l-fantasija, in-natura u r-reliġjon. In-natura f’Mary Meilak hi s-sors ta’ orizzonti bla limiti. Lin-natura ma tarahiex bl-għajnejn viżivi biss imma tlibbes lin-natura b’kuluri fantastiċi u żżejjinhom bit-tixbih u l-figuri li joħloq il-moħħ. Skont Friggieri l-inanimat jsir animat f’Mary Meilak permezz ta’ versi ħfief, bit-tħaddim sħiħ tal-alliterazzjoni u tal-onomatopea, bil-ħakma bla waqfien tar-rima u tal-elementi kollha li jroddu versi melodjużi sempliċi (Friggieri KK).

Bħal Anton Buttigieg, Meilak tinqeda bit-teknika tal-personifikazzjoni b’mod aktar ħelu u sempliċi; tagħti l-kwalitajiet tal-bniedem lil dak kollu li mhux uman u b’hekk dawn il-ħlejjaq isiru mogħnija bis-sensi u l-emozzjonijiet: iħossu, jifhmu, jħobbu, jistħu. Dawn il-figuri tat-taħdit joħorġu b’mod naturali minn moħħ il-poetessa ħafna drabi bi tbissima u b’ħajta umoristika. Fl-istudju kritiku dwar il-ktejjeb ta’ Mary Meilak “Pleġġ il-Hena”, Kelinu Vella Haber jgħid li l-hena l-aktar li tinstab hi fl-oriġinalità u s-sempliċità tal-ħsieb u ssaltan l-aktar fl-erwieħ ċkejknin li għandhom fantasija kollha kemm hi tagħhom u tagħhom biss. Vella Haber ikompli jgħid li dan hu li jagħti valur artistiku kbir lill-poeżiji tagħha (Għawdex rivista). Meilak tuża wkoll id-djalogu mexxej bl-użu tal-kelma popolari bix tkompli tislet il-kwadretti fantastiċi tagħha u tressaqhom iktar għar-realtà.

Poeżiji bħal “Il-Bexxiexa”, “In-Naxra”, “L-Istuta” u “Bott fit-Triq” huma ftit mill-ħafna poeżiji fejn hi titkellem fuq ħwejjeġ immaterjali u mwarrba li kulħadd iqishom “imbarazz” u jieħdu l-ħajja fil-poeżiji tagħha. Mix-xejn toħroġ il-kbir, mis-sempliċi tiftaħ l-orizzonti tal-kreattività. Fi kliem ieħor nistgħu ngħidu li Mary Meilak kienet artista. Filfatt, Oliver Friggieri jqabbel lil Meilak ma’ “saħħara tal-ħsieb imsarraf fi kliem” (Friggieri KK). Din hi d-dinja ta’ Mary Meilak. Dinja fejn issaltan l-armonija, l-ilwien, is-sbuħija u s-sens ta’ trankwillità mbiegħda mit-tiġrib.

Meilak fil-fatt titbiegħed għalkollox mill-poeti li ħaddnu t-tema tal-kriżi eżistenzjali li kienet qed issir il-moda ta’ dak iż-żmien. Hi taħrab mill-pessimiżmu u rari nsibu ħsibijiet profondi. Dan kollu narawh fil-poeżija “Daħk”:

Għala l-ġenna ta’ ġo qalbi
Li mill-ewwel tqegħdet fija,
Indallamha bi sħab iswed
U nxiddilha dell il-ħtija?

Għib. Ja sħab iswed ta’ dwejjaq,
Li jwessgħulek nies bla raj,
Oħroġ xemx, farraġ lil qalbi,
B’dak ir-raġġ ta’: Ħaħ-ħaħ-ħaj

Meilak ma tridx ħsibijiet tad-dwejjaq li jtaqqlulha moħħha u għalhekk hi tidħak anki fil-mumenti ta’ swied il-qalb. Il-poetessa qatt ma tħares lejn il-lat negattiv tal-ħajja u f’waqt mudlam tħares lejn dak ix-xaqq ta’ dawl li jista’ jfeġġ u jġegħla tidħak u titbissem. Dan is-sens ta’ hena, ottimiżmu u nuqqas ta’ ħsieb narawh fi strofa ‘l isfel tal-istess poeżija:

Għala l-gdiedem?…..Għala ċ-ċiera?
Uċuħ Laskri bil-mijiet!
Ħaħ-ħaħ-ħaj!…. Ħalluni minnkom,
Għax min tpittem ukoll miet!

Punt bijografiku li affettwa l-poetika tagħha u li għal ħafna qatt ma ħolmu bih kien li Meilak għexet iż-żminijiet koroh tal-gwerra u fil-fatt dawn iż-żminijiet qanqluha biex tikteb poeżiji li juru l-kwadru tal-ħajja lokali f’dawn l-esperjenzi qarsa li għaddiet minnhom.  Din hi tema li mhix assoċjata mal-poetessa.  Minn dawn il-poeżiji (li qegħdin f’manuskritti u qatt ma nħarġu għall-pubbliku) insibu tifħir lill-Imperu Ingliż għax iddefenda lil Malta u wkoll tifħir bla qies lill-Maltin u lil Malta. Xi kultant it-tifħir tagħha nqabbluh ma’ dak ta’ Dun Karm fejn tuża l-iperboli biex tneffaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta u biex tqawwi qalb in-nies li kienu qed jgħaddu minn tant tbatija minħabba l-kefrija tal-gwerra. Għalkemm minnu nnifsu dan hu żmien ta’ swied il-qalb il-kreattività tal-poetess xorta jkomplu jispikkaw.

Kienet tkun ħasra kbira li kieku dawn il-poeżiji spiċċaw intilfu għax tabilħaqq, konna nitilfu aspett ieħor fil-letteratura ta’ Mary Meilak. Minbarra dawn il-poeżiji patrijottiċi hi tiddedika poeżiji lill-irħula u l-inħawi tipiċi Għawdxin biex mingħajr dubju tkompli tiftaħar b’dak li hu ta’ pajjiżha. Hi ma llimitatx din it-tema għall-poeżija biss iżda kitbet storja fuq kull belt u raħal ta’ Malta u Għawdex. Minbarra dawn il-poeżiji patrijottiċi nsibu wkoll poeżiji didattiċi li għadhom popolari sal-lum l-aktar fost it-tfal iż-żgħar tal-iskola li jaqrawhom fil-kotba tal-qari fosthom “Id-Denfil”. Fost dawn il-poeżiji nsibu “Is-Sulfarina” u “Toninu Mar il-Festa”. F’ċerta poeżiji oħra tinħass l-ispiritwalità u l-imħabba li Meilak kellha għal Alla.

Għamlet żmien twil tikteb lill-ġurnal tal-Knisja “Leħen is-Sewwa” fejn ħafna mill-poeżiji tagħha li dehru kienu reliġjużi. F’dan l-istess ġurnal għamlet serje ta’ poeżiji marbutin mal-Passjoni ta’ Ġesù Kristu u li riċentament nġabru fi ktieb mill-mibki Frank L. Mercieca bl-isem ta’ “L-Istrumenti tal-Passjoni”.

Meilak ma beżgħetx turi l-kitba bi stil innovattiv tagħha u dan ħajjarha biex tieħu sehem fil-kuntesti letterarji ta’ dak iż-żmien. Fil-fatt hi daħlet għall-konkors tal-Pronostku Malti għal disa’ snin sħaħ infila. Aktar ma bdiet tikteb f’dawn il-konkorsi letterarji, il-ġurija aktar bdew ikunu favorevoli ma’ Meilak. Fil-Pronostku Malti tal-1936 il-ġurija kkummentat hekk fuq il-poeżija “Dubbiena” li ħadet il-ħames post dik is-sena:

“Il-għana ta’ Meilak ħelu u mexxej. Jirbaħlu l-ħsieb għoli ta’ oħrajn, imma kemm aħjar kieku ħafna oħrajn jagħmlu bħala  flok jiktbu dejjem fuq Malta, xi ħadd mejjet…” (Pronostku Malti 1936)

Sena wara fl-istess Pronostku Malti, l-istess ġurija kompliet tfaħħar xogħol Meilak din id-darba bil-poeżija “Ġiżimin” li ħadet ir-raba’ post. Hawn il-ġurija nnutaw it-teknika tal-monorima li tuża l-poetessa u wkoll l-oriġinalità f’xogħolha:

“Ħadet ir-raba’ premju, l-aktar għall-oriġinalità tagħha. Hemm xi ħaġa ħelwa fiha li ma ssibhiex f’poeżiji għoljin; u r-rima li mill-ewwel vers sal-aħħar wieħed ittennilek l-aħħar sillaba ta’ “Ġiżimin” iżżid dik il-ħlewwa….” (PM 1937).

Friggieri (KK) jisħaq li “is-seħer tal-ħolqien imfisser minn Meilak hu dokument tas-sliem li hi nnifisha ġġarrab u tixtieq troddu f’verżjoni versifikata.”  Il-poeżiji ta’ Meilak mhumiex miktuba biex jiġu analizzati b’mod sistematiku għax b’hekk ikun qed jintilef il-ħlewwa tal-versi tagħha. Fl-aħħar mill-aħħar il-versi ħfaf, sempliċi u mexxejja li jpaxxu l-widna huma l-valur artistiku veru tal-poetessa.

Aqra aktar fuqha:

Minn hawn

Minn hawn

U minn hawn

Ħajr lis-Sur Josmar Vella (2012)

Ħalli kumment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.