Marjanu Vella

MVMARJANU VELLA (1927-1988), patri Franġiskan Minuri twieled Tas-Sliema u studja fi Stella Maris College u l-Liċeo. Daħal patri (O.F.M.) u qaddes fl-1952. Kiseb il-lettorat fl-ilsien u l-letteratura Taljana fl-1960. Għallem il-Malti u t-Taljan. Il-kitbiet tiegħu dehru f’Leħen il-Malti u fl-antoloġiji Il-Muża Maltija, Linji Ġodda u Poeti Maltin. Ix-xogħlijiet tiegħu jinsabu miġbura f’Ġiżimin Aħmar (1958), Dgħajjes tal-Karti(1969), Ħitan tas-Sejjieħ (1975), Ġarġir mal-Ħerża (1979), Qoffa Riħ(1985) u Demm fuq il-Verna (1989).

Il-lirika tiegħu, oriġinali u personali ħafna, hi mfassla sikwit fuq il-Vanġelu jew fuq siltiet bibliċi. Il-ġrajjiet ta’ kuljum huma mbiddla f’xhieda tal-preżenza ta’ Alla fil-ħajja, waqt li n-niket huwa dejjem mogħti tifsira reliġjuża. Tema ewlenija fil-versi tiegħu hija l-ħtieġa tal-bniedem li jifhem il-misteru u jiltaqa’ ma’ Alla.

Il-kelma mhux biss titniżżel fuq il-karta bil-qies li titlob is-sengħa tal-kitba, iżda tirrifletti qagħda ġewwiena, esperjenza mġarrba tassew mill-awtur. Il-poeżija ta’ Marjanu Vella mhix magħluqa f’gaġġa provinċjali, ristretta fiċ-ċokon tal-lokalità Maltija, hi miftuħa biex tħaddan temi universali, ħielsa minn kull irbit ma’ żmien u spazju partikulari. Dan hu xkiel li sikwit il-poeżija Maltija tas-sittinijiet u tal-bidu tas-sebgħinijiet qajla rnexxielha tegħleb. Kontra ta’ dan, Marjanu Vella nxteħet mill-ewwel fil-kurrent ta’ ħsieb u ta’ sentiment li mhumiex tipiċi ta’ gżira ċkejkna.

It-tematika tiegħu hi nisranija u mistika. Bħal Dun Karm, Rużar Briffa, Anton Buttigieg u Karmenu Vassallo huwa jixrob min-nixxiegħa tat-tiġrib. Għal Vella l-ogħla quċċata fil-ġrajja tal-umanità tibqa’ dik li tirrappreżenta lid-divinità tmiss mal-umanità. Il-Kruċifissjoni ta’ Kristu tibqa’ għajn tal-akbar ispirazzjoni, kif fil-fatt għadha għal bosta artisti tas-seklu għoxrin. Il-bniedem imġarrab jagħraf lilu nnifsu fit-tislib, fit-tbatija li l-aqwa eżempju tagħha seħħ fuq il-Golgota. Fit-tema ċentrali tiegħu, jinġabru t-temi l-oħra kollha, ilkoll varjazzjonijiet tal-ħsieb Nisrani li l-bniedem jinsab fid-dinja biex bit-tbatija tiegħu jasal għall-ħelsien dejjiemi mit-tbatija. Il-kontenut bibliku jitbiddel f’kontenut liriku u ritwalistiku.

Il-lirika tat-tiġrib

Fid-dell tal-Kruċifissjoni, jikbru u jiżviluppaw ruħhom ix-xejriet tat-tematika tat-tbatija. It-twemmin jifrex l-għeruq tiegħu fir-ruħ għaliex il-bniedem jifhem il-limiti tiegħu bħala ħlejqa mortali u l-poeżija li titnissel minn dan it-twemmin tittratta t-tbatija, l-għeja, il-qtigħ il-qalb, id-diqa u l-malinkonija. Huma x-xejriet li lir-ruħ sensittiva jfehmuha li l-fidi li twassal għall-ferħ trid tgħaddi mill-mogħdija tan-niket.

Flimkien mad-dispożizzjoni malinkonika tixref it-timidezza, qagħda li torbtu mal-poeti tal-ewwel nofs tas-seklu għoxrin. Element tipiku ieħor ta’ Vella hu s-skiet. Is-silenzju huwa l-kundizzjoni ewlenija li fiha tiżvolġi ruħha l-esperjenza fiżikospiritwali kollha tal-poeta. Huma kotrana l-waqtiet meta l-poeta jisħaq li s-skiet hu kisba, fażi aħħarija, rebħa. Vella jrid jisħaq, bħal Dun Karm ta’ Il-Jien u Lilhinn Minnu, li s-silenzju hu sikwit aqwa mit-taħdit. Hemm fih it-twemmin li l-kelma mhix, wara kollox, l-aqwa don tal-bniedem. Huwa l-paradoss tan-Nisrani, li jkollu jifhem dak li Dun Karm isejjaħlu “tan-niket il-hena”, il-ferħ li joħroġ biss mit-tbatija.

Patri Marjanu Vella, bħala wieħed mill-aħjar poeti Maltin tat-tieni nofs tas-seklu għoxrin, iseddaq il-fehma magħrufa li l-forom klassiċi tat-tradizzjoni huma mezzi mill-aqwa biex dejjem tinkiteb poeżija tajba. Fih tinħass ir-rabta bejn il-perjodu ta’ qabel u l-perjodu l-ġdid, filwaqt li jittratta l-poeżija bħala l-forma tal-ansjetajiet umani b’mod universali u rilevanti għal kull żmien.

Stħarriġ tat-tematika jista’ juri li r-ruħ tiegħu timxi dejjem fil-mogħdija fejn Alla jittawwal il-ħin kollu u jitlob intensità dejjem akbar ta’ skiet. Il-mużikalità tal-versi, l-insistenza fuq il-ħolqien ta’ ambjent metaforiku, it-tħaddim għaqli tar-rima u ta’ xejriet oħra tal-kelma bħala ħoss sabiħ jixirfu bħala karatteristiċi ewlenin ta’ kull perjodu tal-ħajja poetika tiegħu.

Siltiet mill-istudju kritiku tal-Prof. Oliver Friggieri (1989)

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s