Twieled l-Imsida u studja fil-Liċeo u wara f’St Michael’s Training College minn fejn iggradwa fl-1950. Huwa emigra lejn l-Awstralja mal-familja tiegħu fl-1955 fejn beda jaħdem bħala għalliem fi Skejjel tal-Istat tal-Victoria u aktar tard bħala kap ta’ skola rurali, u wara bħala Postal Accountant u Awditur. Huwa rtira fl-1981.
Fl-1959 waqqaf l-Għaqda tal-Letteratura tal-Maltin fl-Awstralja.
Manwel Cassar kien kittieb prolifiku ta’ poeżiji bil-Malti. Huwa kiteb ħafna artikli dwar letteratura Maltija-Awstraljana f’gazzetti ta’ Malta u ta’ Melbourne, kif ukoll kien sub-editor ta’ poeżiji minn awturi Maltin-Awstraljani fil-ġurnal Malta. Huwa qaleb għall-Malti ħafna xogħlijiet u ta sehmu f’ħafna antoloġiji. Fost il-pubblikazzjonijiet tiegħu nsibu t-traduzzjoni ta’ Edgar Wallace The Four Just Men bħala L-Erbgħa tal-Ħaqq li dehret f’Il-Berqa (Settembru-Ottubru 1952). Ħafna mill-poeżiji tiegħu dehru f’Driegħ ma’ Driegħ (1971) u f’Irjieħ (1987).
Cassar kien membru tal-Akkademja tal-Malti u kien iżomm kuntatt mal-imsieħba. Kien membru tal-Victorian Association of Multicultural Writers, membru fil-kumitat tal-Australian Poetry Lovers Society u għamel żmien President tal-Australian Rostrum. Kien ukoll President tal-Grupp Letteratura Maltija mill-1988 sal-1992 u għamel żmien kontributur kritiku tal-kotba fuq 3EA ta’ Melbourne.
Manwel Cassar kellu interess fl-arti tad-drama u kien involut fl-organizzazzjoni f’wirjiet ta’ drama u letterarji tal-Għaqda Letteratura Maltija fl-Awstralja, fil-Kunsill Malti tal-Victoria, fil-Malta Star of the Sea Dramatic Company u fil-Maltese Performing Arts.
Manwel Cassar studja l-pittura fir-Royal Melbourne Institute of Technology fejn kiseb id-Diploma in Fine Arts (Painting) fl-1984 u Bachelor of Fine Arts (Painting) fl-1985. Huwa kompla l-istudju tiegħu fi Newcastle College of Advance Education (NSW). Ħa sehem f’ħafna esebizzjonijiet u rebaħ ħafna premjijiet.
Manwel irċieva l-Manoel de Vilhena Award fl-1992 għax-xogħol tiegħu fil-Letteratura.
Kien miżżewweġ lil Josephine née Spiteri u kellu ħamest itfal. Miet fit-8 ta’ Novembru 2019, fl-età ta’ 86 sena.
Il-poeżiji miġbura tiegħu (għall-pubblikazzjoni) jinkludu Il-Ħajku, it-Tanka u s-Senrju, Poeżiji tat-Tfulija u ż-Żgħożija, Ir-Rebbiegħa u Jien, Djarji tal-Btajjel, Poeżiji Umoristiċi flimkien ma’ poeżiji tradotti u dwar kittieba oħra, My Poems.
Tagħrif miġbur minn A Who’s Who of Maltese-background Persons in Australia and New Zealand” tal-Professur Maurice Cauchi u Maltese Biographies of the Twentieth Century (PIN).