Lino Spiteri

linospiteriLino Spiteri twieled Ħal Qormi fil-21 ta’ Settembru 1938. Studja fil-Liċeo ta’ Malta, u fl-Università ta’ Oxford, fejn iggradwa fil-Politika u l-Ekonomija.

Kien editur tal-Malta News (1967-68) u kien il-korrispondent lokali għal The Guardian u The Observer. Beda jikteb in-novelli minn kmieni, bl-ewwel waħda tiegħu – Raġel Kburi – lokata f’Wied il-Kbir, barra Ħal Qormi. Kiteb madwar 110 novelli, imsejsa f’realiżmu soċjali, b’madwar kwart minnhom ambjentati fil-qasam soċjo-politiku, ’il hinn mill-parteġġjaniżmu.

L-ewwel ġabra ta’ novelli mit-tmienja li ppubblika bejn l-1968 u l-2005 (waħda minnhom fantasiji bl-Ingliż) kienet Tad-Demm u l-Laħam u stejjer oħra. Ippubblika wkoll Ħala taż-Żgħożija u stejjer oħra (1970). Iż-żewġ volumi dehru mill-ġdid bħala Anatomija (1978) u Iż-Żewġt Iħbieb u stejjer oħra (1979). L-iżjed ġabra għal qalbu jgħid li hi Stejjer għal Valentina, fejn l-awtur, jiċċelebra l-ferħ tiegħu li hu nannu billi jkellem lin-neputijiet tiegħu bi stejjer dwar il-ħajja. Spiteri ppubblika wkoll Il-Ħalliel u stejjer oħra (1981) u Mal-Ħmura tas-Silla u stejjer oħra (1993). L-aktar ġabra riċenti (2005) hi Meta Jdellel il-Qamar.

Flimkien ma’ publikazzjonijiet oħra Spiteri ħareġ ukoll tliet ġabriet ta’ poeżija: Stqarrija (1978), Jien Nimxi Waħdi (1987) u Għaliex ix-Xewk (1998). Ir-rumanz soċjopolitiku, Rivoluzzjoni, do Minore jirreġistra l-ħasra u l-ħala tal-kwistjoni politiko-reliġjuża tas-Sittinijiet, li għal Spiteri kienu l-ewwel fażi tal-karriera politika tiegħu. Huwa nħatar membru parlamentari ta’ 23 sena, u dam mill-1962 sal-1966. Wara li mar jistudja barra, huwa mexxa l-Bank Ċentrali, reġa’ tela fil-Parlament fl-1981 u baqa’ membru sa ma rtira mill-politika fl-1998. Tul il-21 sena li għamel fil-Parlament f’isem il-Partit Laburista kien ministru darbtejn, u serva b’kollox għal sitt snin. Bħala espert fil-qasam ekonomiku kien direttur fuq għadd ta’ bordijiet.

Lino Spiteri kien kontributur fil-ġurnali b’kolonni regolari f’The Times of Malta u The Sunday Times of Malta, kif ukoll f’Il-Ħelsien (1962-66) u f’It-Torċa u L-Orizzont. Ħafna minn dawn l-artikli miktubin bejn l-1981 u l-1986 dehru fil-volum Għalik. Il-kotba Jien u Għaddej fil-Politika – Ġabra ta’ Memorji u L-Onorevolidehru fl-2007.

Lino Spiteri miet fl-14 ta’ Novembru 2014.

Ħalli kumment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.