Il-Baruni Kelinu Vella Haber, kittieb li ħadem bis-sħiħ biex ixerred kemm l-imħabba u l-ġieħ li jixraq lill-ilsien Malti, kif ukoll rispett lejn dak kollu li jseddaq lill-Identità Maltija ċċelebra għeluq il-mitt sena minn twelidu. Kelinu twieled in-Nadur, Għawdex, fl-1 t’Ottubru 1913. Ommu Anna Buttigieg kienet mill-Qala u missieru Luċju kien min-Nadur. Kellu lil ħutu Ġużeppi u Pietru akbar minnu, waqt li Frankie, Karmena, Connie, Anġlu u Martin iżgħar minnu. Fl-għoxrinijiet qatta’ żmien twil ġej u sejjer minn Għawdex lejn il-ħwienet ta’ ħutu fil-Belt. Dan kien żmien li ressqu qrib sewwa l-ambjent soċjali ta’ Malta dak iż-żmien li wara għenu fit-twaqqif ta’ għadd ta’ għaqdiet ta’ ħaddiema.
Kmieni f’ħajtu beda jitgħallem il-Latin u fl-1928 daħal is-Seminarju t’Għawdex għall-ewwel sena skolastika. Sal-1933 kien student fil-Kulleġġ tal-Ġiżwiti Birkirkara. Minn hemm tela’ Sant’Agata r-Rabat biex jagħmel sena novizz mas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl. Kien hawn li qatta’ żmien twil ħabib tal-qalb ta’ Karmenu Vassallo. Wara għamel kors ta’ sentejn studji superjuri, filosofija, storja, u letteratura fil-Kulleġġ San Mark.
L-attivitajiet ta’ Kelinu Vella Haber mis-snin tat-Tieni Gwerra sas-sebgħinijiet kienu ta’ siwi kbir, l-aktar biex titkabbar il-qima li jeħtieġ ikollna lejn l-ilsien Malti mhux sempliċiment biex titwassal poeżija jew kitba oħra lil min qiegħed jisma’ jew jaqra, iżda wkoll biex titqanqal fis-semmiegħ jew fil-qarrej il-bidla meħtieġa ħalli jikber aktar is-sens ta’ identità nazzjonali.
Sa minn meta kien għadu żagħżugħ wera din il-kwalità meta f’kitba f’Il-Berqa fit-28 ta’ Novembru 1938, ħareġ mill-ewwel iħeġġeġ lill-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, illum imsejħa l-Akkademja tal-Malti, biex tkun aktar effettiva u biex il-kittieba jkollhom aktar impenn. F’moħħu kien hemm dejjem il-ħsieb ta’ letteratura funzjonali, kitba li mhux biss tirrifletti s-soċjetà bħala l-kuxjenza tagħha, imma li qabel kollox isservi ta’ tqanqila għal tibdil siewi li jkun meħtieġ. Ftit xhur wara, sewwa sew nhar il-Ħadd 15 ta’ Jannar 1939, fuq inizjattiva tal-poeta Ġorġ Pisani saret l-ewwel laqgħa tax-Xirka għat-Tixrid tal-Ilsien Malti. Il-promoturi kienu Anton Buttigieg, Ġorġ Pisani, Ġużè Chetcuti u Ġużè Bonnici.
Fl-1940 Kelinu waqqaf ix-Xirka għat-Tixrid tal-Ilsien Malti fin-Nadur u ħa ħsieb illi din ix-Xirka jkollha wkoll impenn soċjali billi użaha ħalli jikteb fejn kien ikun meħtieġ biex jgħin lil dawk li ftit jew wisq setgħu jiktbu biex jieħdu d-drittijiet tagħhom. Ftit ftit lix-Xirka ttrasformaha f’moviment ħaj biex jibqa’ jixxerred l-aktar fost iż-żgħażagħ l-interess lejn dak kollu li hu Malti. Hu sejjaħ dan il-proġett il-Moviment tal-Malti li kien popolari fost mijiet ta’ żgħażagħ u mifrux madwar Malta kollha. Bis-saħħa tal-Moviment għen ħafna fil-qasam tal-emanċipazzjoni tal-mara billi ħeġġeġ lill-bniet jipparteċipaw f’ħafna attivitajiet huma wkoll. Liż-żgħażagħ tahom dik l-opportunità li ma kinitx teżisti qabel ħalli jesprimu rwieħhom permezz ta’ kitbiet letterarji u ta’ interess ġenerali li kienu jaqraw huma stess fuq ir-Rediffusion.
Ħafna minn dawk iż-żgħażagħ li kienu nħakmu minn din il-mewġa li ħoloq Kelinu Vella Haber baqgħu maqbudin mill-ħsibijiet li għalihom kien waqqaf il-Moviment tal-Malti u kibru biex għamlu ġieħ kemm lilhom infushom kif ukoll lil Malta. Fost dawk li sabu l-bidu tal-karriera tagħhom fi ħdan il-Moviment ta’ Kelinu, insibu bosta xandara, u persunaġġi bħall-Guido Demarco, Charles Camilleri u Frans Ebejer.
Kiteb ukoll għadd ta’ poeżiji u kitbiet letterarji, l-aktar dawk marbutin max-xandir, u ppubblika għadd sewwa minnhom. Insibu fosthom leġġendi u ġrajjiet mitoloġiċi lokali,Is-Santwarju tal-Qala u Ir-Raħeb Qaddis Kirrew, In-Nadur u l-Leġġendi Tiegħu, It-Tfajla ta’ Rdum Ħurrieqa, Il-Kappella ta’ Loretu, San Dimitri f’Għawdex, u Il-Leġġenda tal-Imsida. Hi ħasra li dawn il-leġġendi u kitbiet oħrajn ma ġew stampati qatt flimkien. Il-biċċa l-kbira minnhom instemgħu fil-programmi li kien ikun hemm għax-xandiriet tal-Moviment tal-Malti. Uħud instemgħu wkoll fuq ir-radjijiet aktar tard. Barra minn hekk, fost l-għadd ta’ novelli li kiteb insibu wkoll dawk li kellhom bixra mitoloġika jew bażi leġġendarja, bħalma huma L-Għalqa tal-Imsaqqfin, L-Għar tal-Eremita, Ġew tas-Setta u ħafna oħrajn. Vella Haber kien pijunier fil-qasam tal-kitba tar-radjudramm għax kien hu li fl-1943 kiteb l-ewwel radjudramm bil-Malti bl-isem ta’ L-Għenieqa ta’ Wiżu, li kien ibbażat fuq ġrajja li kien kiteb Temi Zammit.
Matul is-snin, xogħlijiet tiegħu ġew immużikati u dehru f’kemm-il gazzetta, fosthom Il-Berqa, Is-Sebħ, The Dawn, Il-Ħelsien, Times of Malta, Iż-Żmien, Il-Ħajja, Leħen is-Sewwa, In-Nazzjon, l-Orizzont, It-Torċa u oħrajn. F’dan l-aħħar ġurnal, il-kontribuzzjoni esperta tiegħu dwar ħxejjex u estratti mediċinali damet għaddejja regolarment snin twal.
L-attività ta’ kitba ma qatgħet xejn matul is-snin. Insibu anzi li firixha wkoll ’il bogħod minn xtutna b’artikli dwar Malta, fost ħafna oħrajn fit-Tribuna De La Cultura, li joħroġ fi Spanja. Bejn l-1946 u l-1958 kien assistent editur, u bejn l-1958 u l-1973 laħaq l-editur tal-folju tad-Dipartiment tal-Biedja, Il-Bidwi, u aktar tard L-Agrikoltura. Mill-1978 sa ftit ilu kien ukoll l-editur tal-folju ta’ aħbarijiet dwar l-Ordni ta’ San Ġwann SOSJ Observer, li jitqassam madwar id-dinja kollha kull fejn hemm membri tal-ordni. Fl-1984, ħareġ il-ktieb ta’ riċerka storika dwar l-Ordni ta’ San Ġwann, Sov. Order of St. John of Jerusalem: Outlines of History.
Kelinu kien ukoll membru tal-Assemblea Nazzjonali mwaqqfa mill-Gvern. Kien ukoll Uffiċjal Għoli fit-Taqsima Governattiva tal-Agrikultura u ħadem qrib ħafna ma’ Ninu Cremona u Ġużè Orlando.
Il-funzjoni tal-Ordni Ereditarja ta’ San Ġwann, hi llum funzjoni filantropika. Il-Baruni Vella Haber kien sa din is-sena (2013), għeluq il-mitt sena tiegħu, il-Kap tal-Kunsill Eżekuttiv, bħala Gran Prijur Internazzjonali bis-Sede hawn Malta. Dmiru kien li jara li l-attivitajiet organizzati madwar id-dinja mill-membri fil-prijurati, jimxu skont l-istatut u l-ispirtu tal-Ordni.
Ix-xogħol li wettaq dan ir-raġel kwiet hu kbir minħabba l-viżjoni ċara li kellu lejn dawk il-ħtiġijiet tal-identità tagħna, l-aktar il-ġid tal-Ilsien tagħna bħala l-pern tal-identità Maltija.
Tagħrif bijografiku minn Paul P. Borg