Karmenu Vassallo

karmenuvassalloTwieled nhar it-Tlieta 18 ta’ Marzu 1913, bin Mikiel Vassallo u Ġużeppina Micallef. Karmenu kien il-kbir fost ħutu. Id-dar fejn twieled kienet tan-nanniet, fi Strada Parrocchiale fis-Siġġiewi. Għammduh l-għada, l-Erbgħa tat-Tniebri, fil-knisja parrokkjali ta’ San Nikola tas-Siġġiewi.

It-tfulija bikrija għexha fis-Siġġiewi u ftit wara ttieħed joqgħod San Ġiljan, b’episodji li baqgħu mnaqqxin sew f’moħħu. Minn ċkunitu kellu sensittività kbira lejn in-natura u lejn l-annimali. Jiftakar sew lin-nanniet tan-naħa ta’ missieru jeħduh magħhom is-Siġġiewi fir-razzett, bix-xeni tal-għelieqi tal-ful u s-silla stampati fil-memorja. Mill-età tenera ta’ sitt snin kien diġà jħossu mwarrab minn tfal oħra; beda jinduna li huwa differenti. Din id-diversità mill-oħrajn tibda biex iġġiegħlu jħossu inferjuri iżda maż-żmien, permezz tal-poeżija jirnexxilu jdawwarha f’superjorità. Ir-reliġjożità tal-poeta wasslitu biex jaċċetta li t-tbatija hija l-liġi tal-ħajja. Vassallo jinterpreta d-dulur bħala l-qagħda kontinwa tal-bniedem.

Il-burdati fil-familja ta’ Vassallo kellhom sehem mit-tiswir tal-karattru tiegħu u ħallew marka fuq il-versi tiegħu. Il-ġenituri kienu l-oppost ta’ xulxin; waqt li  ommu kienet ġwejda u miġbura, missieru kien ta’ karattru żorr. Fil-poeżija “Lir-Riħ Fuq”, il-poeta mar lura meta kien jara lil ommu tibki u titlob. Madankollu jistqarr li aktar kien ra fsied mingħand missieru, li meta kien ikun f’burdata tajba kien joħorġu miegħu.

Il-ferħ u l-ħajja sempliċi f’San Ġiljan ma damux ma tħalltu ma’ oħrajn ta’ diqa. Ommu mietet ftit qabel ma għalaq is-seba’ snin. Karmenu reġa’ sab ruħu jgħix man-nanniet u ma’ zitu Rożanna fis-Siġġiewi fejn twieled. Ħass l-abbandun ta’ missieru u n-nuqqas ta’ ħutu. Ħassu waħdu u għex iċ-ċaħda.

In-natura, il-familja, il-knisja u r-reliġjon sawru t-tfulija ta’ Vassallo. Dawn l-elementi aktar tard ingħaqdu mal-filosofija u t-teoloġija. Minn dejjem kien iħobb it-tagħlim iżda stqarr li biex jitgħallem kellu jbati. Studja fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi mill-1928 sal-1932. Kompla l-istudji tiegħu fil-Kunvent ta’ San Mark fir-Rabat fejn tħarreġ fil-Latin, fil-letteratura Taljana, fil-Filosofija u fit-Teoloġija.

Lejn it-tmiem tal-1932 beda n-novizzjat mas-Societas Santi Pauli, fejn dam sal-1935. Ħsibijietu dwar il-ħajja reliġjuża joħorġu b’mod ċar fin-novella awtobijografika “Bejn il-Ħbieb” fejn jispikka d-djalogu filosofiku bejn iż-żewġ karattri. Kien żmien li kien dejjem qed ifittex il-konvinzjoni f’kitbietu. Kien ta’ spiss jibgħat kitbiet lil Dun Karm biex jarahomlu u jagħtih parir dwarhom.

Vassallo jirribella kontra n-natura u ċ-ċaħda iżda jammira l-ħolqien ta’ madwaru, kif jikteb fil-poeżija “Marzu”: ‘X’seħer hu dan! … X’qawwa tiġġedded fil-ħolqien!’ Għalih il-bniedem hu l-akbar theddida għall-bniedem u għan-natura.

Vassallo beda l-karriera tiegħu bħala ġurnalist mal-ġurnal Leħen is-Sewwa bejn l-1935 u l-1937, fejn kien qarrej tal-provi u anke artikolist. Fl-aħħar tal-1937 beda jaħdem ma’ Il-Berqa, fejn minbarra xogħol ta’ rappurtaġġ kien ukoll editur tal-paġna letterarja. Fl-1939 daħal għalliem fil-kulleġġ ta’ San Alwiġi fejn għallem il-Malti, it-Taljan, l-Istorja u l-Ġeografija. Dam hemmhekk għal sentejn.

Fl-1939 iżżewweġ lil Marija Vassallo u kellhom sebat itfal: Rożanna, Herman Baruch, Oliver Paul, Toninu, Nicholas, Jane u Joe Siverius. Iżda l-ħajja baqgħet tagħtih fuq wiċċu bit-telfa ta’ ibnu ċkejken, Toninu. Martu Marija ħallietu fl-età ta’ sitta u sittin sena.

F’Lulju tal-1941, fl-aqwa tat-Tieni Gwerra Dinjija, inqabad bil-lieva u ingaġġa suldat mal-KOMR, fejn serva sal-1944. Ġie mogħti diversi rikonoxximenti għall-qadi ta’ dmirijietu, fosthom; The Star (1939-1945), The African Star u l-War Medal (1939-1945). Wara l-gwerra kien impjegat maċ-ċivil bħala skrivan fit-taqsima Statute Law Revision Commission mill-1944 sal-1945.

Bejn l-1945 u l-1946 kien ġie elett fil-Kunsill tal-Gvern. Għallem il-Malti fil-Liċeo bejn l-1947 u l-1956. Ħadem bħala scriptwriter mad-Dipartiment tal-Informazzjoni bejn l-1956 u l-1961. Għal numru ta’ snin bejn l-1949 u l-1962, kien eżaminatur tal-Malti għal dawk li kienu jagħmlu l-eżami biex jidħlu fiċ-Ċivil u kien ukoll jeżamina xogħlijiet sottomessi għall-kompetizzjonijiet letterarji bil-Malti.

Vassallo serva f’diversi karigi. Fl-1937 ingħaqad mal-Akkademja tal-Malti, u fl-1944 ġie elett membru tal-Kunsill. Karigi oħra jinkludu: Segretarju tas-Soċjetà Awturi Maltin, bejn l-1950 u l-1957; President tal-Kumitat Distrettwali tal-Partit tal-Ħaddiema fis-Siġġiewi, bejn l-1945 u l-1947; Segretarju, Viċi President u President tal-Każin tal-Banda San Nikola tas-Siġġiewi, bejn l-1936 u l-1963; membru tad-Drama Advisory Panel fir-Rediffusion, kariga li żamm mill-1960 sal-1961. Fl-1945 inħatar President tal-Kumitat tas-Siġġiewi FC, meta l-klabb kien għadu fil-bidu tiegħu.

Vassallo rtira minn mal-gvern fl-1968 u fl-1971 ikkontesta l-elezzjoni ġenerali bħala kandidat għall-MLP. Kien ukoll membru fil-Bord taċ-Ċensura, il-Bord Industrijali u l-Bord tal-Pubblikazzjonijiet.

Vassallo kien jikteb bil-Malti, bit-Taljan u bl-Ingliż. Xi wħud mill-poeżiji tiegħu bit-Taljan ġew ippubblikati f’diversi rivisti filwaqt li numru ta’ poeżiji bil-Malti ġew tradotti għall-Franċiż minn Laurent Ropa; għat-Taljan minn V.M. Pellegrini u Giovanni Curmi, u għall-Ingliż minn A.J. Arberry.

Il-pubblikazzjonijiet tiegħu jinludu: (poeżija) – Nirien (1938), Kwiekeb ta’ Qalbi (1944),Ħamiem u Sriep (1959), Tnemnim (1970), Bejn Qċaċet u Qigħan (1974); (proża) – Alla taż-Żgħażagħ (1939), Is-Salib Imqaddes fl-Arti (1957), Mill-Art għas-Sema (1960),Għażiż Karmenu (1982); (kritika) – Il-Metrika Maltija (1940), Vatum Consortium jew il-Poeżija bil-Malti (1968); (traduzzjonijiet) – Il-Ġrajja ta’ Żewġt Ibliet ta’ Charles Dickens (1950), Bufera ta’ G. Curmi (1956), Sant Injazju minn Loyola ta’ A. Austin (1946) u l-ewwel tliet kotba tal-Istqarrijiet ta’ Santu Wistin (1956-1963).

Rebaħ diversi premjijiet għall-poeżiji tiegħu. Wara l-mewt ta’ Dun Karm xterdet l-għajta biex Vassallo jingħata t-titlu ta’ Poeta Nazzjonali, ġieħ li huwa dejjem irrifjuta. Fl-1972 ġie onorat mill-Gvernatur Ġenerali, Sir Anthony Mamo, b’għoti tal-midalja tad-deheb Ġużè Muscat Azzopardi, flimkien mal-poeta Anton Buttigieg għall-kontribut tagħhom fil-letteratura Maltija.

Karmenu Vassallo miet fis-7 ta’ April 1987. Il-wirt li ħalla permezz ta’ kitbietu jibqgħu l-aqwa monument tiegħu.

Din in-nota bijografika hija msejsa mill-ktieb ta’ Marcel Zammit Marmarà Il-Ħajja ta’ Karmenu Vassallo (SKS, 2012) u mid-Dictionary of Maltese Biographies (PIN, 2009).

Rita Saliba

Ħalli kumment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.