Karmen Mikallef Buħaġar

bio_karmenmicallefKull min sar jafha, sew personalment kif ukoll mill-ittri tagħha, jibqa’ jiftakarha bħala mara dħulija, tixtarr kull ma jitlissen u fejn ikun meħtieġ iċċanfar jekk xi kelma f’widnejha tinstema’ barranija. Għax għal Karmen dak li tant kienet imċaħħda minnu minħabba ‘l bogħod kien sar egħżeż minn kull ħaġa oħra fid-dinja. Mhux ta’ b’xejn li mis-snin erbgħin kull ittra li kienet tikteb kienet mgħammda bl-għajta ta’ Malta f’kollox u fuq kollox!

Karmen Mikallef Buħaġar twieldet Lixandra fit-3 t’April 1922. Tgħallmet fl-iskola San Vinċenz ta’ Pawla fejn tħarrġet u kkwalifikat bħala infermiera. Ħadmet fi sptar Franċiż f’Lixandra sakemm kellha tħalli l-Eġittu wara l-kriżi tal-Kanal tas-Suez fl-1956. Minn 128, Rue du Prince Abdel Moneim, Karmen flimkien ma’ missierha u ż-żewġ ħutha l-oħra, Pina u Ġovanna, kellhom jitilqu lejn Londra bħala sudditi Ingliżi. L-ewwel indirizz tagħhom kien f’Palace Road, Londra, imma aktar tard marru joqogħdu f’“Dar Bebbuxu” 55 Downton Avenue, Londra, fejn baqgħet toqgħod sa l-aħħar ftit snin ta’ ħajjitha.

Karmen tibqa’ magħrufa bħala benefattriċi kbira kemm tal-kittieba Maltin kif ukoll tal-għaqdiet tal-Malti. Imma l-akbar kontribut tagħha jibqa’ marbut ma’ Dun Karm li hi saret taf bis-saħħa ta’ Ivo Muscat Azzopardi u x-Xirka Tixrid Qari Malti u Propoganda ta’ Lixandra. Imbagħad saret taf lil Dun Karm aktar mill-qrib bil-korrispondenza li bdiet miegħu fl-1940 u li baqgħet sejra sa l-1961. Dawn l-ittri huma “xhieda ta’ qima reċiproka bejn tnejn min-nies li qatt ma raw lil xulxin imkebbsin b’imħabba tal-għaġeb għal kull ħaġa li hi Maltija.” F’ittra miktuba fl-10 ta’ Mejju 1954, Dun Karm jistqarrilha fil-ftuħ tal-ittra: “Minn kemm għandi qraba u ħbieb, ebda waħda u ebda wieħed ma jaħseb fija bħalma taħseb int.”

Imma jekk Karmen kienet ġeneruża f’ħajjet il-poeta, kienet bil-wisq aktar wara mewtu. Ħadmet b’ħila u b’żelu biex it-tifkira tiegħu ma tmut qatt u bdiet iżżur Malta b’mod regolari minn Ottubru 1971 biex tqim lill-poeta. Tul is-snin ħadet ħsieb il-qabar tiegħu, kienet tieħu ħsieb tqiegħed kuruni mad-dar fejn twieled il-poeta f’Ħaż-Żebbuġ, fuq qabru u fuq il-monumenti tiegħu f’raħal twelidu u l-Belt, fil-Bibljoteka Nazzjonali.

F’Ottubru 1965, erba’ snin wara l-mewt ta’ Dun Karm, bil-għajnuna ta’ Ġużè Cardona ħadet ħsieb twaħħal irħama kommemorattiva mad-dar fejn twieled il-poeta f’Ħaż-Żebbuġ u oħra s-sena ta’ wara mad-dar fejn kien joqgħod Tas-Sliema. Waħħlet lapidi oħra mas-Seminarju fejn tgħallem u għallem Dun Karm (illum il-Kurja), mad-dar fejn għex bejn l-1910 u l-1936 fi Triq l-Ifran, il-Belt u mal-isptar tal-Blue Sisters, fejn miet (illum l-isptar Zammit Clapp). Ħarġet ukoll is-somma biex setgħet tiġi stampata l-edizzjoni kritika ta’ Oliver Friggieri, Dun Karm – il-poeżiji miġbura mill-Klabb Kotba Maltin fl-1980. L-istess ġenerożità sabitha l-Għaqda tal-Malti (Università) li kienet responsabbli għall-mafkar nazzjonali lil Dun Karm, li jinsab fil-Furjana u li nkixef f’Ottubru 2000.

Kienet tgħożż ħafna t-tifkira ta’ dawk li ħadmu qabilha biex ilsienna u l-letteratura tagħna jiksbu l-ġieħ li jistħoqqilhom. Fix-Xagħra, Għawdex, hemm lapida li tfakkar lil Laurent Ropa li saret bl-inizjattiva tagħha. Fl-1971 ikkummissjonat irħama għal-librerija tal-Università biex tfakkar lil Rużar Briffa u lil Ġużè Bonnici bħala l-fundaturi tal-Għaqda tal-Malti (Università). Lapida oħra fl-Università li saret bit-tħabrik ta’ Karmen fl-1983 hi f’ġieħ Mikiel Anton Vassalli. Fakkret mill-ġdid lil Ġużè Bonnici, b’lapida li twaħħlet mad-dar fejn kien joqgħod f’Tas-Sliema mill-1929 sal-1934 – ir-rumanzier li ħa ħsieb jistampa minn butu L-Għana ta’ Dun Karm.

Minbarra li nidiet ‘Jum Dun Karm’ fl-1975 ħarġet il-fondi biex twaqqaf fondazzjoni f’isimha bil-għan li ssir konferenza kull sentejn minn studjuż fuq xi aspett tal-poeta nazzjonali.   Il-kuntratt, li sar taħt il-ħarsien ta’ l-Università Rjali ta’ Malta huwa maqsum f’żewġ taqsimiet: (1) il-Premju Dun Karm biex jitħeġġu l-istudji fil-Malti fl-Università u (2) il-Konferenza Dun Karm.

L-ewwel konferenza saret mill-Prof. Ġużè Aquilina fil-5 ta’ Marzu 1976, jum it-twelid ta’ Mikiel Anton Vassalli “bħala data alternattiva”  bid-diskors Dun Karm u żminijietu  u s-sena ta’ wara kien imiss lill-Prof. Oliver Friggieri bl-istudju tiegħu Mekkaniżmi Metaforiċi f’Dun Karm. Warajh, u kull sentejn, saru dawn it-taħditiet: Aspetti Stilistiċi tal-Poeżija ta’ Dun Karm mir-Rev. Prof. Edward Fenech (1979); Dun Karm u l-Element Femminili fil-Poeżija minn Ġużè Cardona (1981); Żjieda ta’ Tagħrif dwar Dun Karm minn Ġużè Cassar Pullicino (1983); Temi Bibliċi fil-Poeżija ta’ Dun Karm mill-Mons. Prof. Karm Sant (1985); L-Arkeoloġija f’Dun Karm tal-Prof. Anthony Bonanno (1987); Filosofija u Xbihat f’Dun Karm ‘Itektek Bil-Għasluġ’ (1989); Kurrenti Kuntrarji f’‘Il-Jien u Lil hinn Minnu’ tal-Prof. Daniel Massa (1991); ‘Il-Jien u Lilhinn Minnu’: Dun Karm u Blaise Pascal tal-Prof. Joe Friggieri (1993); Dun Karm u l-kritika tal-Prof. Peter Vassallo (1995); L-Istrateġija Psikostilistika f’Dun Karm ta’ Dr Charles Briffa (1997); Dun Karm u l-Poeżija Taljana ta’ Dr Joseph Eynaud (1999).

Minħabba raġunijiet ta’ saħħa, fl-2001 Karmen ma setgħetx torganizza l-konferenza imma fl-2002 l-Għaqda tal-Malti (Università) ħadet ħsieb torganizzaha mill-ġdid u l-kelliem kien Frans Sammut bid-diskors tiegħu, Dun Karm – l-Ambjent Żebbuġi u Lil hinn Minnu. Fl-2004 saret minn Roderick Bovingdon bit-titlu, ‘Ħsiebi bħal agħma…’ tieqa fuq ħsieb Dun Karm.

Karmen mietet nhar it-23 ta’ Jannar 2005 fl-età ta’ 83 sena. Hi tibqa’ l-“figura importanti fir-rabtiet ideali ta’ Dun Karm” u l-eżempju tagħha għandu jkun biżżejjed biex ngħożżu dak kollu li jagħmilna Maltin.

Joseph P. Borg (28.01.2005)

Ħalli kumment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.