Ġużè Mifsud Bonnici

guze_mifsudMifsud Bonnici Ġużè (1892—1970), bin Ġanni u Tereża mwielda Bondin, twieled il- Ħamrun.  Studja fil-Kulleġġ tal-Ġiżwiti ta’ San Alwiġi u wara attenda għal xi sena u nofs il-Klassi tal-Kummerċ fil-Kulleġġ ta’ Flores, il-Belt.

Hekk kif ħareġ mill-kulleġġ tal-Ġiżwiti beda jikteb poeżiji bit-Taljan li ġew ippubblikati fil-gazzetta ‘Malta’.  Il-poeta Rosario Barbaro di San Giorgio ddeskriva lil Ġużè bħala żagħżugħ li kellu x-xorti li jkun poeta moralista.  Iżda l-poeżija bil-Malti qiegħda fid-demm tal-familja Mifsud Bonnici.  Tant hu hekk li ż-żagħżugħ Ġużè  wiret dan l-attribut mingħand missieru, poeta wkoll.  Poeżiji ta’ dan iż-żagħżugħ bdew jidhru fil-gazzetti, almanakki u perjodiċi oħra kif ukoll f’ċirkostanzi ta’ festi tal-qaddisin.

Fl-1944 ħareġ l-ewwel ktejjeb tiegħu ‘Qlub Imjassra’—pubblikazzjoni ta’ ‘L-Għaqda ta’ Qari Tajjeb’ b’daħla tal-magħruf poeta u skrittur, Patri Gius Delia S.J.  L-apprezzament ta’ l-istampa u perjodiċi ta’ dak iż-żmien u tal-poeta nazzjonali, Dun Karm, urew kemm f’dak id-daqsxejn ta’ ktieb l-awtur ġabar ħsibijiet għolja bi sfond morali dirett għall-qalb.

Fl-1958 ġie ppubblikat it-tieni ktieb, ‘Qtar ta’ Nida’ (il-qalb, l-imġiba) — poeżiji.  Dan ukoll ma għamilx għib lil ta’ qablu u ġie milqugħ bl-istess tifħir mill-istampa.  Dan il-ktieb ġie mdaħħal fis-sillabu tas-Saint Michael Training College u fil-Mater Admirabilis Training College, Tal-Virtu’,  ir-Rabat, għall-għalliema ta’ l-iskejjel.  Ġuże ddedika ħajtu għall-familja tiegħu u għax-xogħol li bih seta’ jgħajjixha fi żminijiet koroh u mwiegħra.  Għalkemm sab il-ħin biex jikteb għadd kbir ta’ poeżiji oħra, ma rnexxilux isib il-mezzi biex jippubblikahom.  Lesta għall-istampar poeżiji istruttivi ‘Għedewwa Żgħar ta’ Ħsara Kbira’ li fihom stħarriġ entomoloġiku, li fi kliem il-qatt minsi Professur Ġużè  Galea, ħabib intimu ta’ Mifsud Bonnici, “jgħin is-sanità ħalli tkattar is-saħħa fil-pajjiż”

Ktieb ieħor li ma rnexxilux jippubblika f’ħajtu kien il-ġabra ta’ poeżiji ta’ edukazzjoni ċivika nisrranija, ‘Il-Mixja tal-Ħajja’ u li ppubblikaw uliedu 24 sena wara mewtu.  Barra mit-tifħir li għamillu fil-‘Kelmtejn Minn Qabel’ ta’ dan il-ktieb il-Ġiżwita Patri Gius. Delia, li miegħu Mifsud Bonnici kien jgħaddi sigħat ta’ faraġ jiddiskuti x-xogħlijiet tiegħu, dawn il-poeżiji qalgħu tifħir ieħor.  Il-Professur Monsinjur A. Bonnici sab dan il-kliem biex jiddeskrivi dan ix-xogħol: “Kemm filosofija tal-ħajja fihom dawn il-versi ta’ kull epigramma!  Iħabbtuha mal-‘favoli’ ta’ Esopu u jgħadduhom f’dik li hi filosofija morali nisranija.”  Il-Professur Ġużè  Aquilina, f’apprezzament li għamel lil Mifsud Bonnici, iddeskriva “s-sintesi filosofika morali — il-versi jinġabru qishom ġawhra ġo kaxxetta żgħira b’konċiżjoni epigrammatika”.

Ġużè  Mifsud Bonnici, fl-1922, iżżewweġ ġewwa l-knisja tal-Madonna Tal-Mirakli f’Ħal Lija, lil Elvira mwielda Samut, neputija tat-Tabib Robert Samut li kiteb il-mużika ta’ l-Innu Malti.  Irtira bil-pensjoni bħala Spettur Sanitarju Anzjan fl-1952 u għex kuntent ġewwa Ħal Lija għal 48 sena, minn mindu żżewweġ sakemm miet.  

Il-poeżiji ta’ Ġużè  Mifsud Bonnici m’humiex poeżiji mixgħula minn fantasija ħolliema, iżda bbażati fuq ir-realta’ li fiha l-ħajja hija mpinġija kif inhi: poeżija didattika ta’ siwi għall-ħajja, mibnija fuq prinċipji ta pedagoġija sħiħa, soċjoloġija u filosofija morali mirquma bl-esperjenza tal-ħajja mdawla bil-fidi.

Kiteb għadd ta’ poeżiji oħra li ġew ippubblikati fil-ġurnali, riviżti u f’okkażjonijiet ta’ festi Maltin u ta’ individwi ħbieb tiegħu  Hu kien maħtur Membru Akkademiku ta’ l-Akkademja tal-Malti.

Maurice Mifsud Bonnici (Ibnu)

Ħalli kumment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.