Ġużè Chetcuti

Guze_chetcutiĠużè Chetcuti twieled Bormla fil-11 ta’ Awwissu 1914. Beda l-karriera tiegħu ta’ għalliem. Fl-1940, meta faqqgħet il-gwerra ssieħeb mal-istaff editorjali tal-Uffiċċju tal-Informazzjoni bħala subeditur u traduttur tas-Service Bulletin u tal-Malta Review. Fis-snin tal-gwerra kien wieħed mit-tliet announcers uffiċjali.

Chetcuti daħal fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni u għallem il-Malti l-Liċeo (1956-1974) u għal sentejn ta lezzjonijiet tal-Malti fil-Mater Admirabilis Training College (ir-Rabat, Malta) u fl-Upper Secondary School (Sixth Form), il-Liċeo għal għaxar snin (1964-1974). Għallem ukoll fl-Emergency Teachers’ Maturity Course u għal diversi snin kien eżaminatur tal-Malti f’eżamijiet taċ-Ċivil u tal-Pulizija.

Inħatar membru akkademiku fl-1937 u fis-snin tal-gwerra mill-1940 sal-1948 kien Segretarju tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti (illum l-Akkademja tal-Malti) meta Dun Karm, il-poeta nazzjonali u, warajh, il-Professur Ġużè Galea, kienu Presidenti; subeditur tar-rivista letterarja Il-Malti, ta l-għajnuna tiegħu għal snin twal fil-pubblikazzjoni tar-rivista letterarja Leħen il-Malti maħruġa mill-Għaqda tal-Malti – Università. Kien Viċi President (1990-1992), President Onorarju (1998-1999), u President tas-sottokumitat tal-ortografija. Kien ukoll membru onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin, membru fil-kunsill u segretarju tal-Malta Drama League u fundatur tax-Xirka għat-Tixrid tal-Ilsien Malti (1939) flimkien mat-tabib Ġużè Bonnici u l-avukat Anton Buttigieg, li wara sar it-tieni President tar-Repubblika ta’ Malta.

Mill-Għaqda Poeti Maltin ngħata ċ-Città di Valletta fl-1986 u fl-1996 l-Istat ħatru Membru tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu (MOM).

Fost kotba oħra ta’ Chetcuti nsibu Ħbiebi l-Awturi Maltin (2000), Kittieba Ħbiebi (2002), Antoloġija ta’ Proża Maltija (2000), Poeżiji Miġbura 1930-2000 (2000), Stilistika Maltija u Movimenti Letterarji Oħra (1985) uTgħallem il-Malti f’20 lezzjoni (1986).

Ġużè Chetcuti miet nhar it-Tlieta, 18 ta’ Lulju 2006 fl-età ta’ 91 sena.

Biblijografija magħżula:

Rumanzi: Id-Dawl tal-Ħajja (1957), Imħabba u Mewt (1961), L-Isqaq (rebbieħ għas-sena 1971), It-Tnalja(1963), Nirien ta’ Mħabba (1967), Qabel Telgħet ix-Xemx (1987), Manwela (1993), It-Teżor ta’ Dun Natal(1996), Kiefer id-Destin ma’ Nina Roża (1990).

Poeżiji: Poeżiji (1945), Melita Invicta (1945), Poeżiji Marjani (1953), Il-Ħajja Nżul u Tlajja’ (1964), Il-Lingwa tal-Imħabba (1993), Oratorju Mużikali “Marija Immakulata” (1994), Poeti Maltin (antoloġija) (1973),Antoloġija Folkloristika tal-Letteratura Maltija.

Drammi: Il-Kerrejja (1963), Imħuħ Morda (1965), Manwela (teleserje, 1979), 1919 (1987).  Traduzzjoni tad-dramm bi tliet atti ta’ Henrik Ibsen Il-Għadu tal-Poplu (1987).  Id-dramm Guiditta ta’ Dr Carmelo Mifsud Bonnici (1996).

Novelli: Fra Martin u Novelli Oħra (1991), Il-Mandraġġara u Stejjer Oħra (1980), L-Imħatra u 24 novella oħra (1991), It-Tabib Fonzin u novelli oħra (1994), Ġrajjiet mill-Ħajja ta’ Kappillan (1999).

Kritika u Lingwa: Dwar il-Poeżija Maltija (1946), Studji Kritiċi: Giovanni Curmi, Ninu Cremona (1956),Traduzzjonijiet u Komponimenti (1959), Taħriġ għall-Eżamijiet tal-Malti (1973), Noti għall-Matrikola Avvanzata dwar ir-rumanz ‘Nirien ta’ Mħabba’ (1984).

Ħajr lis-Sur Joseph P. Borg (2006)

Ħalli kumment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.