Il-ħidma ta’ ĠORĠ ZAMMIT bħala kittieb u poeta għandha tibqa’ magħrufa u apprezzata għaliex bis-saħħa tal-personaġġi u l-karattri li huwa ħoloq, flimkien mal-ħila deskrittiva tiegħu speċjalment tal-kampanja tipika Maltija, huwa ħalla ritratt mill-isbaħ li ma jintefa’ qatt tal-ambjent li jsebbaħ lil art twelidna.
Fil-poeżija ta’ Ġorġ Zammit insibu ħafna referenzi għall-ħajja Maltija, magħmulin bi ħsieb u mimlija sentiment, tant li l-poeta jista’ jitqies bħala l-bniedem li fisser dak kollu li jħoss u jemmen il-poplu Malti.
Zammit kien wieħed mill-kittieba li pproduċa poeżija patrijottika tal-ogħla livell letterarju li nisslet kuxjenza popolari fost il-Maltin bħala ġens magħżul mill-oħrajn u għalhekk jistħoqqlu li jissejjaħ nazzjon bħall-oħrajn. Zammit għandu jiġi ammirat ukoll bħala poeta sinċier li għaraf janalizza bl-akbar għaqal u ħila l-fatti tal-ħajja tal-bniedem biex minnhom jgħallem u jeduka lill-poplu. Ġorġ Zammit twieled Ħal Qormi fis-17 ta’ Marzu 1908, iben Ġorġ Zammit u Ludkarda, xebba Muscat.
Fi ċkunitu attenda l-iskola tas-Sorijiet Agostinjani ta’ Ħal Qormi u wara attenda l-iskola primarja tal-gvern f’raħal twelidu. L-edukazzjoni sekondarja tiegħu bdieha fil-kulleġġ ta’ Flores u fis-St. Paul’s School minn fejn l-ewwel għadda għal-Liċeo u mbagħad kompla fil-Kulleġġ San Alwiġi tal-Ġiżwiti f’Birkirlara.
Wara l-matrikola kompla jistudja fl-Università Rjali ta’ Malta. Billi ħass il-vokazzjoni biex isir qassis mar Ruma biex ikompli jistudja fl-Università Gregorjana. Aktar tard telaq il-kors tas-saċerdozju u sar avukat.
Il-ħajja ta’ Zammit hi mimlija bl-attività. Minbarra l-ħidma legali huwa għallem l-Ingliż, it-Taljan u l-Latin fil-Liċeo. Għallem ukoll il-letteratura u t-Taljan fis-Seminarji, kemm ta’ Malta kif ukoll ta’ Għawdex, fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi u kien ukoll lecturer tal-Malti fl-Università Rjali ta’ Malta. Barra minn hekk l-Avukat Zammit għamel għadd kbir ta’ konferenzi bl-Ingliż u bit-Taljan fl-Università, fil-British Institute u fis-Seminarji. Ta’ min jgħid li fiż-żmien tat-Tieni Gwerra Dinjija, Zammit għamel xi żmien jaħdem bħala Spettur tal-Pulizija.
Ġorġ Zammit iżżewweġ lil Carmelina Cuschieri u minn dan iż-żwieġ twildulu żewġt ibniet: Celine u Marquita. Matul il-karriera tiegħu, kellu diversi karigi importanti, ngħidu aħna bħala President tal-Partit tal-Ħaddiema Nsara, President tal-Kunsill Mediku u kien ukoll membru fil-Kunsill tal-Akkademja tal-Malti.
Ġorġ Zammit kien mogħni b’karattru tabilħaqq ġenjali, dejjem bit-tbissima fuq wiċċu, dejjem pront b’xi ċajta u dejjem lest biex jgħin u joffri kull għajnuna b’ġenerożità kbira. Kien bniedem ħabib tal-poplu u ammiratur kbir tas-sempliċità u tal-ġmiel tal-ħolqien. Kien magħruf bħala bniedem ta’ qalb kbira u ġeneruża – fil-fatt kien jgħin lil għadd ta’ istituti bi flusu.
Għalkemm Ġorġ kien ipitter biż-żejt u bl-akkwarell u jiddisinja bil-pinna, jimmudella bit-tafal u jaħdem iċ-ċeramika – huwa stess kien stqarr li kien iħossu l-aktar ferħan meta kien jintasab xi mkien għall-kwiet fil-kampanja u joqgħod ipinġi – imma l-akbar sodisfazzjon għalih kienet il-poeżija. Nafu li kiteb għadd kbir ta’ poeżiji bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan. Kiteb ukoll rumanz u novelli – l-aktar żewġ personaġġi magħrufa tiegħu huma Wenzu u Rożi u l-praspar marbutin ma’ ħajjithom u ma’ dawk ta’ madwarhom.
Bħal Anton Buttigieg, wieħed mill-elementi mill-aktar qawwija fil-poeżija ta’ Ġorġ Zammit hija n-natura; dik in-natura li tixbah lil Alla, għaliex hija ħallieqa u tkompli l-pjan tiegħu matul iż-żminijiet. Hija n-natura li lill-poeta, filwaqt li taqtgħu mir-realtà mxekkla li fiha jgħix u tieħdu f’dinja ta’ hena, treġġgħu lura fid-dinja ta’ madwaru biex huwa jkompli jaqdi l-missjoni tiegħu ta’ profeta. In-natura li dwarha jikteb Zammit hija storika u teżisti tabilħaqq. Zammit ma jiktibx dwar postijiet fittizji, li ma jeżistux, u jiddeskrivihom mill-aktar ċar u dettaljat tant li jistgħu jservu ta’ gwida lil kull min jixtieq iżurhom. Imma l-poeta ma jiddeskrivix biss, iżda jidħol fil-fond biex jifhem aħjar il-misteri tal-ħolqien. Fil-poeżija tiegħu, huwa jiftaħ qalbu iżda mhux mal-bniedem, imma man-natura li jagħtiha s-setgħa li titkellem u tisma’. Eżempju ċar ta’ dan il-ħsieb narawh fil-poeżija tiegħu Għajn Riħana li fiha Zammit jitkellem ma’ nixxiegħa u jitlobha biex il-għanja li tgħanni tagħtiha lilu biex huwa jkun jista’ jgħanni bħalha.
Din il-poeżija tiġbor madwarha atmosfera ta’ kalma u sliem, ħlief għal żewġ versi fl-aħħar strofa, meta l-poeta jsemmi l-gwerra li kienet bdiet proprju fl-istess sena meta Zammit kiteb din il-poeżija (1939). Id-deskrizzjoni tan-nixxiegħa, bl-ilma jitgerbeb fuq il-blat u qalb il-ħdura, hija pittoreska għall-aħħar. Iżda l-għan tal-poeta ma kienx biss li jpinġi xi stampa, iżda li jqiegħed il-kalma u l-ferħ tan-nixxiegħa f’kuntrast mad-dwejjaq ta’ għemil il-bniedem.
Ġorġ Zammit jitqies bħala poeta tradizzjonali u wieħed mill-poeti romantiċi Maltin. Fost ix-xogħlijiet li ppubblika nsibu Lyrical Moments (ġabra ta’ poeżiji bl-Ingliż) kif ukoll Adrifts, Wenzu u Rożi u ħrejjef Oħra, Mela Darba… (novelli mqassra f’żewġ kotba), Fuq Ġwienaħ il-Għana (l-ewwel ġabra ta’ poeżiji bil-Malti),Ix-Xhud li ma Deherx (rumanz bi sfond storiku).
L-Avukat Ġorġ Zammit miet fil-21 ta’ Lulju 1990 u jinsab midfun fiċ-ċimiterju tal-Addolorata.
J.P. Borg
4.04.02