Ġorġ Pisani

bio_gorgpisaniĠORĠ PISANI jibqa’ magħruf l-aktar għall-importanza li jagħti lil Għawdex bħala post sabiħ u mimli sliem. Waqt li jitkellem dwar bosta problemi soċjali u umani, l-aħjar xogħlijiet tiegħu huma mnebbħa mill-imqades u mill-imkejjen tal-qedem. Aktarx għalhekk li Ġużè Chetcuti jsejjaħlu “l-poeta tal-istorja” għax għadd ġmielu ta’ poeżiji li kiteb għandhom tema preistorika bħal Ħaġar Qim, Il-Ġgantija t’Għawdex uGħar Dalam. Imma kien magħruf ukoll bħala l-poeta taż-żgħożija, kif kiteb il-Prof. Ġużè Aquilina fl-1945 fil-prefazju tal-ktieb ta’ Pisani, Il-Għid taż-Żgħożija:  “Tneħħi… l-waqtiet suwed ta’ qtigħ il-qalb jew disperazzjoni, l-akbar motiv tal-poeżija ta’ Pisani tibqa’ ż-żgħożija qalbiena li tħares ’il quddiem mimlija ħeġġa u mgħaġġla fit-tiġrija tal-ħajja.”

Ġorġ Pisani twieled fis-6 ta’ Mejju 1909 fir-Rabat, Għawdex. Mill-iskola primarja tal-Gvern daħal fil-Liċeo t’Għawdex u fl-1935 inħatar l-ewwel surmast tal-Malti fl-istess Liċeo. Pisani kien l-ewwel li għallem il-Malti lill-istudenti tas-Seminarju ta’ Għawdex u lill-għalliema Għawdxin tal-iskejjel primarji.

Fl-1940 daħal jaħdem bħala traduttur u aktar tard bħala ko-editur tal-Information Service Bulletin bil-Malti fl-Uffiċċju tal-Informazzjoni, fil-Belt. Fl-istess żmien għallem it-Taljan u l-Malti fl-iskola sekondarja tal-Bniet, fil-Belt u lill-istudenti bniet tas-Sacred Heart f’San Ġiljan. Ġorġ Pisani sar Assistent Uffiċjal ta’ l-Informazzjoni għal Għawdex fl-1942, u ħmistax-il sena wara laħaq Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi. Fl-1957 sar l-ewwel Uffiċjal għall-Informazzjoni u baqa’ fis-servizz mal-gvern sa Ġunju 1972.

Fl-4 ta’ Novembru 1963 Pisani żżewweġ lil Mary Rose Formosa u kellhom tifel li semmewh Paul George li laħaq nutar fl-1985.

Pisani miss bosta fergħat tal-letteratura: kiteb poeżiji li ġabar f’Il-Għid taż-Żgħożija, Il-Waltz tad-Dellijiet, Melodiji u Kuluri u It-Trijonf tal-Paċi; drammi bħal Is-Sengħa tal-Imħabba, Apoteosi u Is-Sigriet ta’ Swor Kristina; novelli miġbura fil-ktieb Għoxrin Novella, esejs miġbura fil-ktieb Evviva l-Ħajja, ir-rumanzi Beraq u Qawsalli u Żerniq fuq l-Għoljiet u kiteb ukoll l-istudji folkloristiċi Għawdex Joħlom fil-Leġġendi.

Pisani rebaħ għadd ta’ premjijiet letterarji, fosthom dawk imnedija mill-Għaqda tal-Malti għal-Leħen il-Maltiu l-Pronostku Malti fl-ewwel snin tat-tletinijiet. Fl-1977 ħa l-ewwel post fil-Malta Literary Award għar-rumanz Beraq u Qawsalli u sitt snin wara t-tieni post bir-rumanz Żerniq fuq l-Għoljiet. Ingħata l-premju Città di Valletta fl-1983 u f’għeluq it-tmenin sena tiegħu l-Akkademja tal-Malti tatu ġieh f’lejla mużiko-letterarja.

Ġorġ Pisani miet fl-24 ta’ Frar 1999 ta’ disgħin sena – wara ħajja twila mimlija attività fil-ħajja kulturali Għawdxija.

J.P. Borg
20.03.02

Ħalli kumment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.