Godwin Cini

Godwin Cini twieled ir-Raħal Ġdid nhar it-18 ta’ April 1952. Studja l-iskola Primarja tar-Raħal Ġdid u fl-Istitut Tekniku tal-Imrieħel. Ikkwalifika bħala tekniku tal-vetturi u ntbagħat korsijiet fl-inġinerija barra minn Malta. Attenda kors fit-teknika tal-bini fl-MCAST u kors ieħor fil-ġurnaliżmu.

Kiteb diversi artikli, sensiliet u poeżiji li dehru f’pubblikazzjonijiet lokali. Kien membru tal-Għaqda Poeti Maltin, l-Għaqda Letterarja Maltija, Kikkra Kulturali, l-Għaqda tal-Malti (Università) u l-Akkademja tal-Malti u ta sehmu f’kumitati.

Xogħlijiet tiegħu dehru fil-poetry.com tal-International Library of Poets kif ukoll f’antoloġiji bħal Voyage out of Darkness (2002) u Theatre of the Mind (2003) fl-Istati Uniti, f’Pariġi u f’Londra. Ġie nominat Poet of the Year fl-2002, fl-2003 u fl-2004 mill-International Society of Poets u rebaħ l-‘Editor’s Choice’ fl-2002.

Godwin xandar diversi programm dwar il-karozzi u s-sewqan. Huwa kellu l-passatemp tat-tpinġija bil-lapes, l-akkwarell u l-poster colour u organizza numru ta’ wirjiet.