Mifsud Bonnici, Ġanni (1856—1934), twieled Ħal Qormi, bin it-Tabib tar-raħal Dr Felice (bin Dr Clemente, l-ewwel Mifsud Bonnici), u Luisa mwielda Inglott, oħt Sir Ferdinand Inglott, kellu ħutu Pietru Pawl u Klement, it-tnejn kittieba tal-Malti; tgħallem l-iskola fil-Liċeo, sar assistent surmast fl-iskejjel tal-Gvern. Iżda ma damx ma kiseb il-warrant ta’ Piżatur u ġie maħtur piżatur tad-Dwana, iżżewweġ lil Teresa mwielda Bondin, sar missier ta’ disat itfal, il-kbir huwa l-awtur ta’ dan id-Dizzjunarju Bijo-Bibljografiku Nazzjonali u tal-poeta Ġużè. Ġanni kien poeta, prożatur u drammaturgu; kiteb bosta poeżiji fuq suġġetti sagri u oħrajn varji, traduttur ta’ poeżiji klassiċi bħalma huma ċ-“5 Maggio” tal-Manzoni, “Il Cantico di Frate Sole” u oħrajn.
Fir-Rivista Franġiskana “L-Anġlu tal-Paċi” nsibu t-tagħrif ta’ hawn taħt: “Is-Sur Ġann kien wieħed mill-ftit pajżani tagħna li jħobbu l-ilsien Malti u li huma tassew poeti; il-poeżiji tiegħu sew fl-ilsien u sew fl-estru poetiku meta jittratta l-Ewkaristija, il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù u l-kobor ta’ Ommna Marija, il-kitba kienet dejjem ta’ fejda tar-ruħ u tal-moħħ; kien ċajtier, idaħħan il-pipa, jitkellem u jikteb”.
Fis-6 ta’ Settembru, 1913, ħareġ waħdu rebbieħ fil-Konkors ta’ Poeżiji għall-Milied, li kien imxandar mill-Ġurnal “Il-Ħabib” tat-13 ta’ Ottubru, 1912, kif jidher fir-rapport li jinsab fl-istess “Ħabib” ta’ l-24 ta’ Diċembru, 1912. Lilu mela l-ferħ u t-tifħir tagħna lkoll. Dan il-kliem jinsab imniżżel f’parċmina kbira illustrata u ffirmata mill-Professur Saċ. C. Psaila (il-poeta nazzjonali) u l-Poeta Albert Cesareo imħallfin tal-konkors; Kav. Ġuże’ Muscat Azzopardi Direttur ta’ “Il-Ħabib” u l-Komm. Antonio Lanzon President ta’ l-Unione Cattolica.
Is-Sur Ġann Mifsud Bonnici miet fid-9 ta’ Jannar, 1934. Midfun fiz-zuntier tat-Terzjarji ta’ San Franġisk fl-Addolorata fejn jinsabu midfunin martu u bintu Maria Pia. R.I.P.
Pubblikazzjonijiet:-
Il-Bejta ta’ Mikiel Tabuni jew il-Ħajja ta’ Napuljun Bonaparti mqassma f’għadd ta’ taħditiet, Kollezzjoni tal-Mogħdija taż-Żmien n 116, (1912); Lil Marija Op. cit. n.60; Niket u Ferħ. Il-Passjoni ta’ Ġesù Kristu. Poema. Op. cit. n. 105, (1911); Rożina Delicata Cassia Rumanz storiku (bla data); Fuq il-Qabar ta’ Ġesù fil-Ġabra ta’ Poeżiji għat-tfal, Editur, Reginald Vella Tomlin p. 165; It-Twemmin Op. Cit. p. 152 u għadd ta’ manuskritti.
Maurice Mifsud Bonnici (iben ibnu Ġuże’)
Addattament mid-Dizzjunarju Bijo-Biblijografiku Nazzjonali ta’ Rob. Mifsud Bonnici (ibnu).