ĠAN ANTON VASSALLO twieled fis-6 ta’ Ġunju 1817 minn Vincenzo u Maria Vassallo. Fost oħrajn insibu li għallmuh Dun Pietru Pawl Psaila u Dun Ġużepp Zammit Brighella. Kien jaf tajjeb il-Malti, it-Taljan, il-Latin barra l-Franċiż, l-Għarbi u xi ftit l-Ingliż.
Ġan Anton beda l-kors tal-liġi fl-Università fl-1839 u ħa l-lawrja fl-1842. Fl-1850 beda jgħallem it-Taljan il-Liċeo, u fl-1863 laħaq Professur tat-Taljan fl-Università.
Ta’ 25 sena beda jikteb il-poeżija bil-Malti. Kiteb ħafna bijografiji ta’ nies Maltin fir-rivista Arte (1862-1866) u bit-Taljan ħareġ La Storia di Malta raccontata in Compendio (1854). Bil-Malti ħareġ Storja ta’ Malta miktuba għall-poplu Malti (1862), Il-ħajja tal-Appostlu Missierna San Pawl (1858), kif ukoll Ġesù Kristu fid-Dinja (1861) u żewġ kotba ta’ poeżija, wieħed bl-isem ta’ Ħrejjef (1861) u ieħor bl-isem ta’ Ħrejjef u Ċajt bil-Malti (1863). Aktarx li l-aktar xogħol magħruf tiegħu huwa Il-Ġifen Tork, epika li kiteb fl-1842.
Il-ħsieb letterarju ta’ Vassallo jinqasam fi tnejn: fuq naħa hemm il-ġid morali, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra hemm il-gost letterarju. Ried jgħallem daqskemm ried jagħti gost u pjaċir. Iżda bejn il-ġid u l-pjaċir, Vassallo kien jifhem li l-aqwa ħaġa għandha tkun l-effett li joħroġ mill-pjaċir, għax għalih jekk mil-letteratura ma jinsilet ebda ġid, mela l-letteratura tkun ingombru tal-moħħ.
Ġan Anton Vassallo kien juża kemm il-Malti kif ukoll it-Taljan bħala għodda għat-tagħlim. Il-Malti kien jidhirlu li għandu jinkiteb kif inhu mitkellem fil-bliet biex ikun Malti suffiċjenti, anzi għani u jkun jista’ jinqeda bih kull min irid ifisser il-kunċetti tal-ħajja ċivili.
Vassallo miet qasir il-għomor fl-età ta’ 51 sena fit-28 ta’ Marzu, 1868 u jinsab midfun fil-Knisja tal-Karmnu, il-Belt.
|