Frans Sammut

Frans_Sammut_(1)

Frans Sammut twieled fid-19 ta’ Novembru 1945. Huwa tgħallem fl-iskola primarja ta’ Ħaż-Żebbuġ u kompla jistudja San Alwiġi, il-Kulleġġ tat-Taħriġ tal-Għalliema (St Michael’s Training College), l-Università ta’ Malta (minn fejn kiseb B.A., Dip. S.Th., M.Ed.) u l-Università ta’ Perugia mnejn kiseb id-Diploma di abilitazione di insegnare l’Italiano all’estero b’teżi fuq Cesare Pavese.[1] Huwa għallem il-Malti u t-Taljan f’livell sekondarju u post-sekondarju. Wara għoxrin sena jaħdem bħala għalliem kien assistent kap ta’ skola għal seba’ snin u għaxar snin bħala kap ta’ skola fis-sekondarji tal-Istat.

Kien bis-saħħa u t-tħabrik ta’ Dun Karm Psaila li ġew f’idejh l-ewwel kotba bil-Malti li ħeġġewh jinnamra mal-kelma Maltija. Il-Poeta Nazzjonali nħatar assistent librar fl-1921u minnufih ħabrek biex jinfetħu ‘Libreriji Ċirkolanti’ fl-irħula u l-ibliet “biex itejjeb il-qagħda edukattiva tan-nies”. F’Marzu 1923 infetħet il-librerija ċirkolanti ta’ raħal twelidu f’Ħaż-Żebbuġ, ħafna mill-kotba donazzjoni tiegħu stess.[2] Minn hawn, anke jekk bosta snin wara, il-kittieb li qed infakkru xorob l-ewwel għerf tiegħu.

F’żgħożitu, Frans Sammut kien qarrej u preżentatur magħruf fuq ir-Rediffusion bil-programm Beat u Letteratura. Kienu s-snin sittin, żmien imqanqal għaż-żgħażagħ; iż-żmien meta Malta kisbet l-Indipendenza tagħha.

Fost l-ewwel premjijiet tal-proża li kiseb, kien ħa l-ewwel fil-Konkors Novelli 1964 imniedi mill-Għaqda Kittieba Żgħażagħ meta kien għad kellu biss 19-il sena. Fl-1967 Sammut kien ko-fundatur u l-ewwel segretarju tal-Moviment Qawmien Letterarju flimkien ma’ awturi oħra fosthom Mario Azzopardi, Charles Casha, Charles Coleiro, Alfred Degabriele, Victor Fenech, Charles Flores, Oliver Friggieri, Raymond Mahoney, Albert Marshall u Achille Mizzi. Kien ko-editur ta’ Il-Polz li fih xandar għadd ġmielu ta’ kitbiet bejn is-snin 1966-1975 u fl-antoloġiji ppubblikati mill-istess Moviment.[3] Bħala attur ħa sehem f’radjudrammi, fl-Istitut Kattoliku u mal-University Players fit-teatru tal-Università u fuq it-televiżjoni. Bejn l-1960 u l-1980 huwa kien kontributur regolari fil-ġurnali u ppreżenta programmi kemm minn fuq ir-radju kif ukoll minn fuq it-tv, fosthom Il-Ħoss wara x-Xbieha u Folji.

Aktar tard inħatar segretarju tal-Akkademja tal-Malti (1992-1998). Kien konsulent kulturali fi żmien il-gvern ta’ Dr Alfred Sant (1996) u serva bħala segretarju fil-kummissjoni mwaqqfa minn Dr Sant dwar il-futur tal-familja Maltija.

Pubblikazzjonijiet

Fl-ewwel pubblikazzjoni tiegħu, Labirint u Stejjer Oħra (novelli) żera’ dak li ftit tas-snin wara kellu jkun “l-ewwel veru rumanz psikoloġiku bil-Malti” – Il-Gaġġa – li kif fissru Rev. Peter Serracino Inglott, “jitlob il-qarrej li jilħaq it-tielet grad ta’ kuxjenza – jiġifieri li jixtarr b’ironija l-manjiera ironika li biha l-kittieb jirrendi l-ironija tal-protagonista dwar pajjiżu”.[4] Ir-RUSCA għamlet film imsejjes fuq ir-rumanz li deher fl-1973 dirett minn Mario Philip Azzopardi, l-ewwel feature film kollu kemm hu bil-Malti.[5]

L-antieroj imħabbar f’Labirint jgħaddi mill-gaġġa għad-deżert f’Samuraj (1978) wara l-intermezz ta’ Logħba bejn Erbgħa (1972).[6] Kif fisser Oliver Friggieri, li bosta apprezzamenti u noti kritiċi tiegħu dehru fil-kotba ta’ Sammut: “Il-konsistenza stilistika u l-iżvilupp tagħha jistgħu jingħarfu minnufih imqar b’ħarsa lejn Labirint u In-Naska li bejniethom hemm kważi tletin sena, mill-1965 sal-1994. B’Labirint Frans Sammut daħal mill-ewwel fil-kurrent letterarju ta’ żmienu u daħal sewwasew bis-sens tal-kontemporanjetà: ix-xejriet internazzjonali bdew jitlaħħmu fil-kitba Maltija, jinħassu bħala mudelli mbiddlin f’għażliet persunali, jitlewnu mill-qofol mediterranju li jibqa’ karatteristiku tal-kreattività fi gżira mediterranja miftuħa għall-irjieħ kollha.”[7]

Jekk b’Il-Gaġġa Frans Sammut “ikkondensa f’metafora waħda l-ansjetà umana u kreattiva tal-epoka”[8] dan kompla jisseddaq b’Samuraj – eleġija vjolenti li fiha l-protagonista jisfa’ vittma tiegħu nnifsu bis-suwiċidju stil ħara-kiri, kif ifisser Friggieri: “mill-fidwa tal-eżilju Sammut għadda għall-fidwa tal-mewt”.[9]

Il-kunflitt bejn il-wieħed u l-ħafna

Imqar f’pubblikazzjonijiet bħal Il-Qtil fi Sqaq il-Ħorr (1989) u Paċeville (1991) fejn l-azzjoni titla’ iżjed fil-wiċċ, l-interess ewlieni ta’ Sammut jibqa’ l-individwu fi proċess imwiegħer ta’ għarfien.[10] Iżda l-quċċata ta’ Frans Sammut tinsab f’Il-Ħolma Maltija – il-bijografija mistħajla ta’ Mikiel Anton Vassalli, li l-ewwel ħjiel tagħha nilmħuh fid-dramm Il-Proċess Vassalli (1980).[11] Oliver Friggieri jistqarr li, “Il-Gaġġa, Samuraj u Il-Ħolma Maltija, fl-istruttura tal-qiegħ tagħhom, isawru triloġija dwar il-kunflitt bejn il-wieħed u l-ħafna… il-qofol tematiku ta’ Il-Gaġġa, li minnha l-persunaġġ irid jaħrab, ta’ Samuraj li jesplora l-monologu, u ta’ Il-Ħolma Maltija, ir-rikostruzzjoni tal-idealist ewlieni tal-istorja Maltija, Vassalli.”[12]

Frans Sammut kien l-awtur ta’ għadd sabiħ ta’ kotba oħra li jagħfsu fuq l-istorja ta’ pajjiżna, fosthom: Il-Mixja tal-Ħaddiem lejn il-Ħelsien (1982) il-prekursur ta’ Ir-Rivoluzzjoni Franċiża – il-ġrajja u t-tifsira (1989), u Bonaparti f’Malta (1997).[13] Huwa ppubblika wkoll Dun Ġorġ – il-bniedem tal-poplu (2001) u Alfred Sant: Il-Viżjoni għall-Bidla (2008). Ħarsa mill-Qrib lejn Ħajjet San Filep u l-Kult Tiegħu deher fl-2004 u Ġrajjiet Ħaż-Żebbuġ (2001) – traduzzjoni tal-ktieb ta’ Dun Salv Ciappara.

Xogħlijiet oħra jinkludu t-teledrammi Il-Lejl tal-Lupu (imxandar f’Jannar 1977) u Il-Vikingi ta’ Wied iż-Żurrieq (imxandar f’Ġunju 1979); traduzzjonijiet, fost oħrajn, Iz-Ziju Vanja ta’ Anton Ċekov (1969) mill-Ingliż, Il-Proċess ta’ Ġesù ta’ Diego Fabbri (1971) mill-oriġinal ma’ Joe Friggieri, Fedra ta’ Racine (1978) mill-oriġinal u Erwieħ għall-Qiegħa ta’ Maksim Gorki (1979) mill-Ingliż; L-Atti tal-Appostli – opra miktuba għall-għana u l-kummentarji Frans Sammut dwar ‘The Da Vinci Code’ (2006) u Għala Le għall-UE (2003).

Minbarra Labirint u stejjer oħra, Sammut ġabar il-bqija tan-novelli tiegħu f’Newbiet (1998) u Ħrejjef Żminijietna (2000). Fl-2002 editja u ħareġ Lexicon ta’ Mikiel Anton Vassalli, facsimile ta’ Ktieb il-Kliem Malti (1796) u fl-2006 ħareġ Għajdun il-Għaqal, Kliem il-Għerf u Qwiel Maltin traduzzjoni ta’ Motti, Aforismi e Proverbii Maltesi ta’ Vassalli (1828). Fl-2009 dehret l-introduzzjoni tiegħu għall-Piccolo Dizionario ta’ Vincenzo Azopardi.

Il-qofol tal-ħsieb tal-kittieb

F’intervista li ta lir-rivista Il-Ħsieb ġabar l-għeruq tal-ħsieb kollu tiegħu: “lili tinteressani l-qagħda tal-bniedem f’did-dinja, u fuq kollox il-bniedem f’dil-Gżira tagħna. Dil-qagħda għandha bosta aspetti, u jien nagħmel ħilti biex niflihom sew, mhux biss fil-wiċċ, fid-dehra, iżda u fuq kollox fl-għeruq tagħhom. Jiena għomri u żmieni nfittex fid-dagħbien tal-eżistenza. Il-ħajja odissea. Xi darba nerġgħu lura fi ħdan Penelopi”.[14]

Frans Sammut miet nhar l-4 ta’ Mejju 2011 wara marda qasira.

Din il-paġna ssellem il-memorja ta’ dan il-kittieb, il-paladin tal-kelma Maltija, li b’xogħlijietu kabbar il-letteratura tagħna u għanieha bl-ifjen proża tat-tieni nofs tas-seklu għoxrin.

Riċerka: Joseph P. Borg


 

[1] Fil-lista tal-Melitensia tal-Università ta’ Malta tidher it-teżi Kristu fil-Poeżija Maltija, 1913-1973, Dip.S.Th. (1977).

[2] Ġużè Cardona, Dun Karm – Ħajtu u Ħidmietu (Malta: Klabb Kotba Maltin, 1972) 127-128.

[3] ‘Seta Kien’ (novella) dehret fl-antoloġija Misraħ il-Għana (Malta: Moviment Qawmien Letterarju, 1973) 79-81; ‘Il-Vikingi ta’ Wied iż-Żurrieq’ dehret fit-tieni antoloġija Novelli u Kitbiet Oħra (Malta: Moviment Qawmien Letterarju, 1974) 30-34.

[4] Rev. Prof. Peter Serracino Inglott, ‘Ir-Rumanz Psikoloġiku u Il-Gaġġa’, Il-Polz, Settembru-Diċembru 1971, 15.

[5] Silta mir-rumanz dehret bħala novella bit-titlu “Il-Premju” f’Il-Polz, Settembru 1968, nru 7, 3. Ir-rumanz deher għall-ewwel darba fl-1971 bħala l-ewwel ktieb fis-sensiela Klabb Kotba Maltin taħt id-direzzjoni ta’ Pawlu Mizzi. Ħareġ f’erba’ edizzjonijiet, l-aħħar waħda fl-2007 flimkien mal-film restawrat fuq dvd minn Studio Seven. Il-film Gaġġa, oriġinalment meħud fuq 8mm u mkabbar għal 16mm, intwera għall-ewwel darba nhar il-5 ta’ Mejju 1973 fit-teatru tal-Università, l-Imsida.

[6] Samuraj, numru 55 fis-sensiela Klabb Kotba Maltin – deher f’żewġ edizzjonijiet bi qxur differenti fl-1975 u 1978 – rebaħ il-Premju Rothmans għal-Letteratura fl-1974. L-edizzjoni tal-1991 kienet fi ħsieb Toni Cortis. Logħba bejn Erbgħa deher f’Il-Mument f’faxxikli bejn id-9 ta’ Jannar u l-14 ta’ Mejju 1971.

[7] Oliver Friggieri, ‘Newbiet ta’ Frans Sammut’, Leħen il-Malti, Għadd 30, 2002, 41.

[8] Oliver Friggieri, ‘Newbiet ta’ Frans Sammut’, 43.

[9] Oliver Friggieri, ‘Karikatura u Lirika f’Samuraj’ (Malta: Saġġi Kritiċi, 1979) 318. Samuraj deher f’żewġ edizzjonijiet: l-edizzjoni tal-1975 (1978 dehret b’qoxra differenti) tal-Klabb Kotba Maltin u l-edizzjoni tal-1991 fi ħsieb Toni Cortis (Merlin Library Ltd), bl-aħħar waħda tinkludi bidla fil-ħajku tal-poeta f’kapitlu 21, 156-157; ara ‘Frans Sammut – iż-żgħożija u l-ħajja’ ta’ Ġorġ Mifsud f’Analiżi, Vol. 7, nru 2, Novembru-Diċembru 1993, 6-7.

[10] Il-Qtil fi Sqaq il-Ħorr u stejjer oħra (Malta: SKS nru 26, 1989) kien antoloġija ta’ novelli bir-rakkont ta’ Frans Sammut jiftaħ għadd ta’ stejjer minn diversi awturi ta’ żmienna. Paċeville (Malta: Merlin, 191) rebbaħ lill-awtur il-Premju Letterarju tal-Gvern tal-1991.

[11] Il-Ħolma Maltija tnieda mill-Għaqda tal-Malti (Università) nhar l-4 ta’ Marzu 1994 f’għeluq il-230 sena mit-twelid ta’ Mikiel Anton Vassalli. Il-Proċess Vassalli, produzzjoni tal-MTADA, direzzjoni ta’ Ronnie Abdilla, deher fit-Teatru Manoel bejn l-20 u t-23 ta’ Mejju 1982.

[12] Oliver Friggieri, ‘Newbiet ta’ Frans Sammut’, Leħen il-Malti, Għadd 30, 2002, 42-43. Il-Ħolma Maltija ħareġ ukoll bl-Esperanto fi New York fl-2007, bit-titlu La Malta Revo traduzzjoni ta’ Carmel Mallia.

[13] Il-Mixja tal-Ħaddiem lejn il-Ħelsien, l-ewwel pubblikazzjoni tas-SKS, deher anonimu. Bonaparti f’Malta nqaleb għall-Franċiż, Bonaparte à Malte (2008), pubblikazzjoni argo. Il-ktejjeb Il-Miġja tal-Franċiżi f’Maltaktejjeb ta’ tifkira 1798-1998 maħruġ mid-Dipartiment tal-Informazzjoni fl-1989 huwa xogħol ieħor ta’ Frans Sammut li deher anonimu.

[14] ‘Niltaqgħu mal-kittieba – Frans Sammut’: intervista f’Il-Ħsieb nru 18, 26-28.